Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0129

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/129 tas-26 ta’ Novembru 2019 li jemenda l-limitu ta’ vulnerabbiltà stabbilit fil-punt 1(b) tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati

    ĠU L 27, 31.1.2020, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/129/oj

    31.1.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 27/8


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/129

    tas-26 ta’ Novembru 2019

    li jemenda l-limitu ta’ vulnerabbiltà stabbilit fil-punt 1(b) tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont il-punt (a) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, pajjiż li jibbenefika mill-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (“SĠP”) jista’ jibbenefika mill-preferenzi tariffarji mogħtija skont l-arranġament speċjali ta’ inċentivi għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba jekk jitqies bħala vulnerabbli minħabba nuqqas ta’ diversifikazzjoni u integrazzjoni mhux suffiċjenti fis-sistema tal-kummerċ internazzjonali, kif definit fl-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012.

    (2)

    Skont il-punt 1(b) tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, biex pajjiż jitqies bħala vulnerabbli, l-importazzjonijiet ta’ prodotti elenkati fl-Anness IX lejn l-Unjoni minn dak il-pajjiż jenħtieġ li jirrappreżentaw inqas mil-limitu ta’ 6,5 % fil-valur tal-importazzjonijiet totali mill-pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP lejn l-Unjoni, bħala medja matul l-aħħar tliet snin konsekuttivi.

    (3)

    Meta l-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP hija emendata, ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex temenda l-Anness VII biex teżamina mill-ġdid il-limitu ta’ vulnerabbiltà ddefinit fil-punt 1(b) tal-Anness VII biex proporzjonatament jinżamm l-istess piż tal-limitu ta’ vulnerabbiltà meta tiġi biex tiddetermina jekk il-pajjiżi humiex ikkunsidrati vulnerabbli, irrispettivament mill-emendi tal-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP. Skont l-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-piż tal-limitu ta’ vulnerabbiltà huwa l-valur tal-importazzjonijiet totali lejn l-Unjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness IX mill-pajjiżi benefiċjarji kollha tal-SĠP meħuda bħala medja.

    (4)

    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/602 (2) biddel il-livell limitu ta’ vulnerabbiltà minn 2 % għal 6,5 % applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2015.

    (5)

    Il-lista ta’ benefiċjarji tal-SĠP fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 ġiet emendata b’mod sostanzjali, peress li tneħħew wieħed u għoxrin pajjiż, bejn l-aħħar rieżami tal-limitu ta’ vulnerabbiltà tal-2015 u l-1 ta’ Jannar 2019. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi emendat il-limitu ta’ vulnerabbiltà stabbilit fil-punt 1(b) tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012.

    (6)

    Bħala riżultat tal-emendi għal-lista ta’ pajjiżi fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 bejn l-aħħar emenda tal-kriterju ta’ vulnerabbiltà fl-2015 u l-1 ta’ Jannar 2019, l-importazzjonijiet totali lejn l-Unjoni tal-prodotti elenkati fl-Anness IX mill-pajjiżi benefiċjarji kollha tas-SĠP meqjusa bħala medja, jonqsu bi 12,2 %. Għalhekk, żieda tal-limitu ta’ vulnerabbiltà minn 6,5 % għal 7,4 % mill-1 ta’ Jannar 2019 se żżomm proporzjonatament l-istess piż tal-limitu ta’ vulnerabbiltà kif stabbilit fl-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012.

    (7)

    Sabiex jitqiesu d-dati effettivi tal-emendi għal-lista ta’ pajjiżi fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 u l-impatt tiegħu fuq il-vulnerabbiltà tal-pajjiżi benefiċjarji, dan il-limitu għandu jkun effettiv mill-1 ta’ Jannar 2019,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fil-punt 1(b) tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-limitu “6,5 %” huwa sostitwit b’ “7,4 %”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2019.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)   ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/602 tad-9 ta’ Frar 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam il-limitu ta’ vulnerabbiltà ddefinit fil-punt 1(b) tal-Anness VII ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 100, 17.4.2015, p. 8).


    Top