This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020L0700
Directive (EU) 2020/700 of the European Parliament and of the Council of 25 May 2020 amending Directives (EU) 2016/797 and (EU) 2016/798, as regards the extension of their transposition periods (Text with EEA relevance)
Direttiva (UE) 2020/700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2020 li temenda d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi tat-traspożizzjoni tagħhom (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Direttiva (UE) 2020/700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2020 li temenda d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi tat-traspożizzjoni tagħhom (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
PE/14/2020/REV/1
ĠU L 165, 27.5.2020, p. 27–30
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32016L0797 | Sostituzzjoni | artikolu 54 paragrafu 4 | 28/05/2020 | |
Modifies | 32016L0797 | Żieda | artikolu 57 paragrafu 2a | 28/05/2020 | |
Modifies | 32016L0797 | Sostituzzjoni | artikolu 58 paragrafu 1 Test | 28/05/2020 | |
Modifies | 32016L0798 | Żieda | artikolu 27 paragrafu 7 | 28/05/2020 | |
Modifies | 32016L0798 | Żieda | artikolu 27a | 28/05/2020 | |
Modifies | 32016L0798 | Sostituzzjoni | artikolu 31 paragrafu 3 | 28/05/2020 | |
Modifies | 32016L0798 | Żieda | artikolu 33 paragrafu 2a | 28/05/2020 | |
Modifies | 32016L0798 | Sostituzzjoni | artikolu 34 paragrafu 1 Test | 28/05/2020 | |
Modifies | 32016L0798 | Żieda | artikolu 6a | 28/05/2020 |
27.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 165/27 |
DIRETTIVA (UE) 2020/700 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-25 ta' Mejju 2020
li temenda d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi tat-traspożizzjoni tagħhom
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta’ att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-Artikolu 33 (1) tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk id-Direttivi sas-16 ta’ Ġunju 2019. Madankollu, skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798, l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà jestendu l-perjodu tat-traspożizzjoni b’sena. |
(2) |
Sbatax-il Stat Membru nnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (l-“Aġenzija”) dwar estensjoni tal-iskadenzi tat-traspożizzjoni tad-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798 sas-16 ta’ Ġunju 2020. |
(3) |
Minħabba s-sitwazzjoni straordinarja u imprevedibbli kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19, xi wħud minn dawk l-Istati Membri qed ikollhom diffikultajiet biex ilestu x-xogħol leġiżlattiv sal-iskadenzi stipulati għat-traspożizzjoni, u għalhekk jissograw li ma jikkonformawx magħhom. Dan in-nuqqas jista’ joħloq inċertezza ġuridika għall-industrija ferrovjarja, għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-Aġenzija fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li tapplika għas-sikurezza ferrovjarja u għall-interoperabbiltà. L-inabbiltà ta’ ċerti Stati Membri li jittrasponu d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798 minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 għandha konsegwenzi detrimentali għas-settur ferrovjarju. |
(4) |
Huwa essenzjali li l-industrija ferrovjarja tingħata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza ġuridika billi l-Istati Membri jitħallew, fejn rilevanti, ikomplu japplikaw mis-16 ta’ Ġunju 2020, u għal perjodu limitat, id-Direttivi 2004/49/KE (4) u 2008/57/KE (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
(5) |
Peress li t-tifqigħa tal-COVID-19 seħħet matul l-istadju finali tal-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali tat-traspożizzjoni tad-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw perjodu addizzjonali biex ilestu l-proċess tat-traspożizzjoni. |
(6) |
L-iskadenzi tat-traspożizzjoni tad-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798 jenħtieġ li jiġu estiżi sal-31 ta' Ottubru 2020. Id-dati tat-tħassir tad-Direttivi 2004/49/KE u 2008/57/KE, kif stabbiliti fl-Artikolu 58 tad-Direttiva (UE) 2016/797 u fl-Artikolu 34 tad-Direttiva (UE) 2016/798 rispettivament, jenħtieġ li jiġu aġġustati skont dan. |
(7) |
Għadd ta’ atti delegati ġew adottati fuq il-bażi tad-Direttiva (UE) 2016/798 u dawn jirriflettu skadenzi preċedenti ta' traspożizzjoni. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, dawk l-atti delegati jeħtieġ li jiġu allinjati mal-iskadenza l-ġdida tat-traspożizzjoni. |
(8) |
Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19, ġie kkunsidrat xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
(9) |
Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798 jiġu emendati fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. |
(10) |
Jenħtieġ għalhekk li d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798 jiġu emendati skont dan. |
(11) |
Biex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni fil-ħin tal-miżuri previsti f’din id-Direttiva, din id-Direttiva jenħtieġ li tidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emenda għad-Direttiva (UE) 2016/797
Id-Direttiva (UE) 2016/797 hija emendata kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 54, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej: “4. Mhux aktar tard mis-16 ta' Ġunju 2019 l-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti ta' awtorizzazzjoni skont l-Artikoli 21 u 24 u l-kompiti msemmija fl-Artikolu 19 fir-rigward ta' żoni tal-użu fl-Istati Membri li ma jkunux innotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 57(2). B'deroga mill-Artikoli 21 u 24, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza tal-Istati Membri li jkunu nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2) jistgħu jkomplu joħorġu awtorizzazzjonijiet f'konformità mad-Direttiva 2008/57/KE sas-16 ta' Ġunju 2020. B'deroga mill-Artikoli 21 u 24, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza tal-Istati Membri li jkunu nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2a) jistgħu jkomplu joħorġu awtorizzazzjonijiet f'konformità mad-Direttiva 2008/57/KE sal-31 ta' Ottubru 2020.”; |
(2) |
fl-Artikolu 57, jiddaħħal il-paragrafu li ġej: “2a. L-Istati Membri li estendew il-perjodu tat-traspożizzjoni skont il-paragrafu 2 jistgħu jerġgħu jestenduh sal-31 ta' Ottubru 2020. Il-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom għandhom japplikaw minn dik id-data. Dawk l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni b’dan sad-29 ta’ Mejju 2020.”; |
(3) |
fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58, id-data “16 ta’ Ġunju 2020” hija sostitwita bid-data “31 ta' Ottubru 2020”. |
Artikolu 2
Emenda għad-Direttiva (UE) 2016/798
Id-Direttiva (UE) 2016/798 hija emendata kif ġej:
(1) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 6a Allinjament tas-CSMs ma’ skadenzi riveduti Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27 biex tallinja d-dati ta’ applikazzjoni tal-atti delegati adottati taħt l-Artikolu 6(6) mal-iskadenza tat-traspożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 33(2a). Il-proċedura prevista fl-Artikolu 27a għandha tapplika għal atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.”; |
(2) |
fl-Artikolu 27, jiżdied il-paragrafu li ġej: “7. Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 6a hija mogħtija lill-Kummissjoni mit-28 ta’ Mejju 2020 sal-31 ta' Ottubru 2020.”; |
(3) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 27a Proċedura ta’ urġenza 1. L-atti delegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 2. In notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta’ urġenza. 2. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(6). F’tali każ, il-Kummissjoni għandha tirrevoka l-att minnufih wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.”; |
(4) |
fl-Artikolu 31, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej: “3. Mhux aktar tard mis-16 ta' Ġunju 2019 l-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti ta' ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 10 fir-rigward ta' żoni tal-operazzjoni fl-Istati Membri li ma nnotifikawx lill-Aġenzija jew lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 33(2). B'deroga mill-Artikolu 10, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza tal-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2) jistgħu jkomplu joħorġu ċertifikati f'konformità mad-Direttiva 2004/49/KE sas-16 ta' Ġunju 2020. B'deroga mill-Artikolu 10, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza tal-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33(2a) jistgħu jkomplu joħorġu ċertifikati f'konformità mad-Direttiva 2004/49/KE sal-31 ta' Ottubru 2020.”; |
(5) |
fl-Artikolu 33, jiddaħħal il-paragrafu li ġej: “2a. L-Istati Membri li estendew il-perjodu tat-traspożizzjoni skont il-paragrafu 2 jistgħu jerġgħu jestenduh sal-31 ta' Ottubru 2020. Il-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom għandhom japplikaw minn dik id-data. Dawk l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni b’dan sad-29 ta’ Mejju 2020.”; |
(6) |
fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 34, id-data “16 ta’ Ġunju 2020” hija sostitwita bid-data “31 ta' Ottubru 2020”. |
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2020.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D. M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
A. METELKO-ZGOMBIĆ
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Mejju 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020.
(2) Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).
(3) Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).
(4) Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (id-Direttiva dwar is-Sikurezza Ferrovjarja) (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).
(5) Id-Direttiva (UE) 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1).