Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2187

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2187 tat-22 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2021

    ĠU L 435, 23.12.2020, p. 73–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2187/oj

    23.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 435/73


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2187

    tat-22 ta’ Diċembru 2020

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2021

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91 u 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“TKT”) ġie ffirmat mill-Unjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 (1). Fl-4 ta’ Marzu 2019 huwa ġie approvat mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 (2). Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2019.

    (2)

    Skont l-Artikolu 35 tat-TKT, il-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport (“il-Kumitat ta’ Tmexxija”) għandu jadotta l-baġit tal-Komunità tat-Trasport kull sena. L-Artikolu 35 tat-TKT ukoll jagħti s-setgħa lill-Kumitat ta’ Tmexxija li jadotta deċiżjonijiet li jispeċifikaw il-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit.

    (3)

    Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni dwar il-baġit tal-Komunità tat-Trasport għall-2021 waqt il-laqgħa tiegħu f’Diċembru 2020 jew, jekk il-punt fl-aġenda ma jiġix indirizzat waqt dik il-laqgħa, waqt il-laqgħa sussegwenti.

    (4)

    Il-baġit propost tal-Komunità tat-Trasport għall-2021 huwa meħtieġ għall-funzjonament tajjeb tal-korpi tal-Komunità tat-Trasport. Huwa jkopri l-kostijiet għar-riżorsi umani, l-ivvjaġġar, it-tagħmir u s-softwer tal-IT, kif ukoll in-nefqa operazzjonali bħal studji, assistenza teknika u l-organizzazzjoni ta’ konferenzi u laqgħat.

    (5)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija, peress li tali deċiżjoni hija neċessarja għall-funzjonament tas-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, u se jkollha effetti legali vis-à-vis l-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Tmexxija Reġjonali tal-Komunità tat-Trasport fir-rigward tal-baġit tal-Komunità tat-Trasport għas-sena 2021 għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija (3).

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta’ Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1).

    (3)  Ara d-dokument 11356/20 hawnhekk: http://register.consilium.europa.eu


    Top