This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020D2165
Commission Implementing Decision (EU) 2020/2165 of 9 December 2020 on laying down rules for the application of Regulation (EU) 2018/1861 of the European Parliament and of the Council as regards the minimum data quality standards and technical specifications for entering photographs and dactyloscopic data in the Schengen Information System (SIS) in the field of border checks and return (notified under document C(2020) 8599)
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2165 tad-9 ta’ Diċembru 2020 dwar l-istabbiliment ta’ regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex jiddaħħlu ritratti u data dattiloskopika fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fil-fruntieri u tar-ritorn (notifikata bid-dokument C(2020) 8599)
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2165 tad-9 ta’ Diċembru 2020 dwar l-istabbiliment ta’ regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex jiddaħħlu ritratti u data dattiloskopika fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fil-fruntieri u tar-ritorn (notifikata bid-dokument C(2020) 8599)
C/2020/8599
ĠU L 431, 21.12.2020, p. 61–65
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32020D2165R(01) | (SL) |
21.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 431/61 |
ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2165
tad-9 ta’ Diċembru 2020
dwar l-istabbiliment ta’ regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi biex jiddaħħlu ritratti u data dattiloskopika fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fil-fruntieri u tar-ritorn
(notifikata bid-dokument C(2020) 8599)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (“SIS”) fil-qasam tal-verifiki fil-fruntieri u tar-ritorn fiha allerti dwar persuni għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul u soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri jew ta’ verifika tal-konformità ma’ deċiżjoni ta’ ritorn, u b’hekk issaħħaħ il-politika tal-migrazzjoni tal-Unjoni u tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. |
(2) |
Skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-kategoriji ta’ data li jistgħu jiddaħħlu fi twissija fis-SIS jinkludu ritratti, immaġnijiet tal-wiċċ u data dattiloskopika (din tal-aħħar tinkludi l-marki tas-swaba’ kif ukoll il-marki tal-pala tal-id). Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2018/1861 u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/1860, tali data jenħtieġ li tiddaħħal fis-SIS, jekk tkun disponibbli. |
(3) |
L-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) 2018/1861, li japplika wkoll għat-tħaddim tas-SIS fil-qasam tar-ritorn skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2018/1860, jistipula li ritratti, immaġnijiet tal-wiċċ u data dattiloskopika mdaħħla f’allert fis-SIS huma soġġetti għal verifika tal-kwalità sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. |
(4) |
Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw l-istandards minimi tal-kwalità tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-dħul u l-ħżin ta’ tali data fis-SIS. |
(5) |
Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet jistabbilixxu biss il-livell tal-kwalità meħtieġ għad-dħul u l-ħżin tar-ritratti fis-SIS li għandhom jintużaw biex tiġi kkonfermata l-identità ta’ persuna f’konformità mal-Artikolu 33(1) ta’ dak ir-Regolament. Jenħtieġ li l-livell tal-kwalità meħtieġ biex jiddaħħlu u jinħażnu ritratti u immaġnijiet tal-wiċċ fis-SIS biex jintużaw għall-identifikazzjoni ta’ persuna skont l-Artikolu 33(4) jiġi stabbilit fi stadju aktar tard, meta l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu jkunu ġew issodisfati. |
(6) |
Jenħtieġ li l-eu-LISA, f’konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv tas-SIS II, tiżviluppa u tiddokumenta d-dettalji tekniċi tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, fid-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tas-SIS u fl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati. Jenħtieġ li l-Istati Membri, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (“Europol”) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jiżviluppaw is-sistemi tagħhom f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dokumenti. |
(7) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1861 u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Madankollu, minħabba li r-Regolament (UE) 2018/1861 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, fis-26 ta’ April 2019 innotifikat id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2018/1861 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għaldaqstant, id-Danimarka hija marbuta bid-dritt internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni. |
(8) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(9) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (4); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
(10) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6). |
(11) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8). |
(12) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt (G) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10). |
(13) |
Fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005, u jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/365/UE (11) u (UE) 2018/934 (12). |
(14) |
Fir-rigward tal-Kroazja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa b’xi mod ieħor relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2011 u jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 (13). |
(15) |
Fir-rigward ta’ Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003. |
(16) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u ta l-opinjoni tiegħu fis-26 ta’ Awwissu 2020. |
(17) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Fruntieri SIS-SIRENE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-dħul u l-ħżin ta’ ritratti u data dattiloskopika fis-SIS kif imsemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2018/1861, għandhom ikunu konformi mal-istandards minimi tal-kwalità tad-data u mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata:
(1) |
lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta’ Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja. |
(2) |
lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi u lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. |
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
YlvaJOHANSSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14.
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(5) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(7) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(9) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/365/UE tad-29 ta’ Ġunju 2010 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 166, 1.7.2010, p. 17).
(12) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/934 tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta’ Schengen marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (ĠU L 165, 2.7.2018, p. 37).
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 tal-25 ta’ April 2017 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja (ĠU L 108, 26.4.2017, p. 31).
(14) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ANNESS
STANDARDS MINIMI TAL-KWALITÀ TAD-DATA U SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI GĦALL-UŻU TA’ RITRATTI U DATA DATTILOSKOPIKA FIS-SIS
1. Data dattiloskopika
1.1. Kategoriji ta’ data dattiloskopika użati fis-SIS
Il-kategoriji li ġejjin ta’ data dattiloskopika jistgħu jintużaw fis-SIS:
(a) |
marki tas-swaba’ ċatti, inklużi slaps tal-ibhma ċatti u slaps ta’ erbat iswaba’ ċatti; |
(b) |
marka tas-swaba’ rrolljati; |
(c) |
marki tal-pala tal-id. |
1.2. Formati ta’ data dattiloskopika permessi
L-Istati Membri jistgħu jittrażmettu lis-SIS Ċentrali:
(a) |
data miġbura bl-użu ta’ apparati live-scan fil-livell nazzjonali li huma kapaċi jaqbdu u jissegmentaw sa għaxar marki tas-swaba’ individwali; irrolljati, ċatti, jew it-tnejn li huma; |
(b) |
marki tas-swaba’ u marki tal-pala tal-id “bil-linka”; irrolljati, ċatti jew it-tnejn li huma, li mbagħad jiġu skennjati diġitalment bil-kwalità u r-riżoluzzjoni rilevanti. |
Is-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ tas-SIS Ċentrali (CS-SIS AFIS), kif definita fl-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861, trid tkun kompatibbli u interoperabbli mal-formati tad-data dattiloskopika msemmija fil-punti (a) u (b).
1.3. Standards minimi tal-kwalità tad-data u speċifikazzjonijiet tekniċi
1.3.1. Format tal-fajl u tal-kompressjoni (“kontenitur dattiloskopiku”)
Il-format tal-input għat-trażmissjoni ta’ data dattiloskopika (“kontenitur dattiloskopiku”) lis-SIS irid ikun konformi mal-istandard SIS NIST ibbażat fuq il-format binarju ANSI/NIST (1).
Se jiġi stabbilit “ċekkjatur tas-SIS NIST” fil-livell tal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS Ċentrali (CS-SIS) biex jivverifika l-konformità tal-kontenitur dattiloskopiku trażmess mal-istandard definit tas-SIS NIST.
Il-kontenituri dattiloskopiċi li ma jikkonformawx mal-istandard definit tas-SIS NIST jiġu rrifjutati mis-CS-SIS AFIS u ma jinħażnux fis-SIS Ċentrali. Jekk fajl mhux konformi jiġi rifjutat mis-CS-SIS AFIS, is-CS-SIS se tibgħat messaġġ ta’ errur lill-Istat Membru li jkun ittrażmetta d-data.
1.3.2. Il-format u r-riżoluzzjoni tal-immaġni
L-immaġnijiet tal-marki tas-swaba’ u tal-marki tal-pala tal-id imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tat-Taqsima 1.1, iridu jkunu ta’ riżoluzzjoni nominali ta’ 1 000 ppi jew ta’ 500 ppi b’256 livell ta’ griż sabiex jiġu pproċessati mis-CS-SIS. L-immaġnijiet b’500 ppi jridu jiddaħħlu billi jintuża l-format WSQ filwaqt li l-immaġnijiet b’1 000 ppi jridu jkunu fil-format JPEG2000 (JP2).
1.3.3. Limiti minimi tal-kwalità għall-ħżin u l-użu ta’ immaġnijiet tal-marki tas-swaba’ u tal-marki tal-pala tal-id fis-CS-SIS AFIS.
L-immaġnijiet dattiloskopiċi jridu jikkonformaw mal-limiti minimi tal-kwalità stabbiliti fid-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tas-SIS u l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati sabiex jinħażnu u jintużaw fis-CS-SIS AFIS.
Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jivverifikaw il-konformità mal-limiti minimi tal-kwalità tal-immaġnijiet dattiloskopiċi qabel ma jittrażmettuhom lis-CS-SIS.
Il-kontenituri dattiloskopiċi konformi li jkun fihom immaġnijiet dattiloskopiċi tal-marki tas-swaba’ jew il-marki tal-pala tal-id taħt il-limiti minimi tal-kwalità mhux se jinħażnu fis-CS-SIS AFIS u mhux se jintużaw għal tfittxijiet bijometriċi. Il-kontenituri dattiloskopiċi li fihom immaġnijiet dattiloskopiċi rrifjutati mis-CS-SIS AFIS jistgħu jintużaw biss biex jikkonfermaw l-identità ta’ persuna f’konformità mal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) 2018/1861. Is-CS-SIS tibgħat messaġġ ta' errur lill-Istat Membru li jkun ittrażmetta d-data meta fajl ikun ġie rrifjutat mis-CS-SIS AFIS minħabba l-kwalità baxxa tal-immaġnijiet.
1.4. Tfittxijiet bijometriċi
Is-CS-SIS AFIS tipprovdi funzjonalità ta’ tiftix bijometriku għat-tipi kollha ta’ immaġnijiet dattiloskopiċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti fit-Taqsima 1.3.3.
Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni u l-preċiżjoni bijometrika għall-kategoriji differenti ta’ tfittxijiet bijometriċi fis-CS-SIS AFIS huma stabbiliti fid-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tas-SIS u fl-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi Dettaljati.
2. Ritratti
Trid tintuża riżoluzzjoni minima ta’ 480 × 600 pixels b’colour depth ta’ 24 bits meta jiddaħħlu r-ritratti fis-SIS.
(1) American National Standard for Information Systems/National Institute of Standards and Technology.