Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2140

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2140 tal-15 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-gvern tal-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt

    ĠU L 430, 18.12.2020, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/2140/oj

    18.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 430/21


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2140

    tal-15 ta’ Diċembru 2020

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-gvern tal-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mil-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-gvern tal-Istat ta’ Iżrael minn naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/952 (2) u daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2020.

    (2)

    L-Artikolu 22 tal-Ftehim jistabbilixxi kumitat kompost mir-rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti (“il-Kumitat Konġunt”) biex jiżgura l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim.

    (3)

    L-Artikolu 22(3) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt irid jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    (4)

    Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati.

    (5)

    Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt, peress li d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu ser ikollha effetti legali għall-Unjoni. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 22 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-gvern tal-Istat ta’ Iżrael, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt (3).

    2.   Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu ma’ tibdiliet minuri fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KLOECKNER


    (1)  ĠU L 208, 2.8.2013, p. 3.

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/952 tas-26 ta’ Ġunju 2020 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-gvern tal-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra (ĠU L 212 3.7.2020, p. 10).

    (3)  Ara d-dokument ST 13483/20 fuq http://register.consilium.europa.eu


    Top