Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D2113

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2113 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/3/KE li tawtorizza, fir-rigward tal-bejgħ ta’ patata taż-żrigħ fit-territorju kollu jew parti ta’ ċerti Stati Membri, miżuri aktar iebsa kontra ċertu mard barra minn dawk previsti fl-Annessi I u II tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE, fir-rigward tal-entrata għar-Renju Unit (notifikata bid-dokument C(2020) 9306) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/9306

ĠU L 427, 17.12.2020, p. 21–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/2113/oj

17.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 427/21


ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2113

tas-16 ta’ Diċembru 2020

li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/3/KE li tawtorizza, fir-rigward tal-bejgħ ta’ patata taż-żrigħ fit-territorju kollu jew parti ta’ ċerti Stati Membri, miżuri aktar iebsa kontra ċertu mard barra minn dawk previsti fl-Annessi I u II tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE, fir-rigward tal-entrata għar-Renju Unit

(notifikata bid-dokument C(2020) 9306)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa (1),u b’mod partikolari l-Artikolu 17(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/56/KE tipprevedi li fir-rigward tal-bejgħ tal-patata taż-żerriegħa fit-territorju kollu jew parti minnu ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, il-Kummissjoni jeħtieġ tawtorizza miżuri iktar iebsa minn dawk previsti fl-Annessi I u II tagħha li jridu jittieħdu kontra l-organiżmi ta’ ħsara li ma jeżistux f’dawk ir-reġjuni jew li jidhru partikolarment ta’ ħsara għall-għelejjel f’dawk ir-reġjuni.

(2)

F’dak ir-rigward, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/3/KE (2) tawtorizza fir-rigward tal-bejgħ ta’ patata taż-żrigħ fit-territorju kollu jew parti minnu ta’ ċerti Stati Membri, miżuri aktar iebsa kontra ċertu mard barra minn dawk previsti fl-Annessi I u II tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni 2004/3/KE tipprevedi li l-Istati Membri elenkati fil-kolonna 1 tal-Anness I tagħha, fir-rigward tal-bejgħ tal-patata taż-żrigħ fir-reġjuni elenkati maġenb isimhom fil-kolonna 2 ta’ dak l-Anness, huma awtorizzati jdaħħlu ċerti restrizzjonijiet fuq il-bejgħ tal-patata taż-żrigħ. Fir-rigward tar-Renju Unit, il-kolonna 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/3/KE attwalment telenka r-reġjuni ta’ Cumbria, Northumberland (l-Ingilterra), l-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja għall-finijiet ta’ dik l-awtorizzazzjoni.

(3)

F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Ftehim dwar il-Ħruġ), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, id-Direttiva 2002/56/KE kif ukoll l-atti tal-Kummissjoni bbażati fuqha, japplikaw għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ. Għal dik ir-raġuni, fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-Irlanda ta’ Fuq biss jenħtieġ li tiġi elenkata bħala reġjun fil-kolonna 2 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/3/KE.

(4)

Għalhekk, l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/3/KE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness 1 tad-Deċiżjoni 2004/3/KE huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 193, 20.7.2002, p. 60.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/3/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2003 li tawtorizza, fir-rigward tal-bejgħ ta’ patata taż-żrigħ fit-territorju kollu jew parti ta’ ċerti Stati Membri, miżuri aktar iebsa kontra ċerti mard barra minn dawk previsti f’Annessi I u II tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE (ĠU L 2, 6.1.2004, p. 47).


ANNESS

“ANNESS I

Stat Membru (1)

Reġjun

Il-Ġermanja

Bundesland Mecklenburg-Vorpommern

Gemeinde Groß Lüsewitz

Ortsteile Lindenhof und Pentz der Gemeinde Metschow

Gemeinden Böhlendorf, Breesen, Langsdorf sowie Ortsteil Grammow der Gemeinde Grammow

Gemeinden Hohenbrünzow, Hohenmocker, Ortsteil Ganschendorf der Gemeinde Sarow sowie Ortsteil Leistenow der Gemeinde Utzedel

Gemeinden Ranzin, Lüssow und Gribow

Gemeinde Pelsin

L-Irlanda

It-territorju kollu

Il-Portugall

Azores (iż-żoni b’altitudni ta’ iktar minn 300 m)

Il-Finlandja

Il-muniċipalitajiet ta’ Liminka u Tyrnävä

Ir-Renju Unit (1)

L-Irlanda ta’ Fuq


(1)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness, ir-referenzi għall-Istati Membri jinkludu r-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.


Top