Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1831

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1831 tat-30 ta’ Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-aġġustament ta’ ċerti kwantitajiet ta’ referenza stabbiliti fl-Anness IV ta’ dak il-Ftehim

    ĠU L 409, 4.12.2020, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1831/oj

    4.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 409/36


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1831

    tat-30 ta’ Novembru 2020

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-aġġustament ta’ ċerti kwantitajiet ta’ referenza stabbiliti fl-Anness IV ta’ dak il-Ftehim

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fl-10 ta’ Ġunju 2016.

    (2)

    Sa meta jidħol fis-seħħ, il-Ftehim ġie applikat b’mod proviżorju bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Botswana, ir-Renju tal-Lesoto, ir-Repubblika tan-Namibja, ir-Repubblika tal-Afrika t’Isfel u dak li kien ir-Renju ta’ Swaziland, illum ir-Renju tal-Eswatini, min-naħa l-oħra, mill-10 ta’ Ottubru 2016, u bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Mozambique, min-naħa l-oħra, mill-4 ta’ Frar 2018.

    (3)

    Taħt l-Artikolu 102(1) tal-Ftehim, il-Kunsill Konġunt tal-Istati EPA SADC — UE (“Kunsill Konġunt”) għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet rigward il-kwistjonijiet kollha koperti mill-Ftehim.

    (4)

    L-Artikolu 35 tal-Ftehim jipprevedi l-possibbiltà għall-Unjoni Doganali tan-Nofsinhar tal-Afrika (“SACU”, Southern African Customs Union) li tapplika miżura ta’ salvagwardja fil-forma ta’ dazju fuq l-importazzjoni jekk, matul kwalunkwe perjodu ta’ tnax-il xahar, il-volum tal-importazzjonijiet fl-SACU ta’ prodott agrikolu elenkat fl-Anness IV tal-Ftehim u li joriġina fl-Unjoni jeċċedi l-kwantità ta’ referenza indikata għal dak il-prodott f’dak l-Anness.

    (5)

    In-nota 1 f’qiegħ il-paġna tal-Anness IV tal-Ftehim tipprevedi l-aġġustatament b’mod proporzjonali ta’ ċerti kwantitajiet ta’ referenza għal-linji tat-tariffa indikati b’asterisk jekk id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim taħbat wara l-2015.

    (6)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kunsill Konġunt billi d-deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt dwar l-aġġustatament ta’ ċerti kwantitajiet ta’ referenza stabbiliti fl-Anness IV tal-Ftehim se tkun vinkolanti għall-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Konġunt tal-Istati EPA SADC — UE (“Kunsill Konġunt”) stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), fir-rigward tal-aġġustament, għall-finijiet tal-Artikolu 35 tal-Ftehim, ta’ ċerti kwantitajiet ta’ referenza tal-prodotti elenkati fl-Anness IV tal-Ftehim u indikati b’asterisk, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni korrispondenti tal-Kunsill Konġunt (2).

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  ĠU L 250, 16.9.2016, p. 3.

    (2)  Ara d-dokument ST 12376/20 hawnhekk: http://register.consilium.europa.eu


    Top