Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1464

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1464 tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi

    ĠU L 335, 13.10.2020, p. 3–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/11/2023: This act has been changed. Current consolidated version: 30/05/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1464/oj

    13.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 335/3


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1464

    tat-12 ta’ Ottubru 2020

    dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    L-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2003 tiddeskrivi ħames sfidi ewlenin li jridu jiġu indirizzati mill-Unjoni: it-terroriżmu, il-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, il-konflitti reġjonali, il-falliment tal-Istat u l-kriminalità organizzata. Il-konsegwenzi taċ-ċirkolazzjoni mhux kontrollata ta’ armi konvenzjonali huma ċentrali għal erba’ minn dawk il-ħames sfidi. Dik l-Istrateġija tissottolinja l-importanza tal-kontrolli tal-esportazzjoni biex titrażżan il-proliferazzjoni tal-armi. L-Istrateġija Globali għall-politika estera u ta’ sigurtà tal-Unjoni, intitolata ‘Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b’Saħħitha’, li kienet ġiet preżentata mir-Rappreżentant Għoli fit-28 ta’ Ġunju 2016, tikkonferma l-appoġġ tal-Unjoni għall-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar ta’ trattati u reġimi multilaterali dwar id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi.

    (2)

    Fil-5 ta’ Ġunju 1998, l-Unjoni adottat Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-esportazzjoni tal-armi, li huwa politikament vinkolanti, li jistabbilixxi kriterji komuni biex jirregola l-kummerċ legali tal-armi konvenzjonali.

    (3)

    Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, l-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir li huma illeċiti u l-munizzjon tagħhom (“Aktar sigurtà fuq l-armi biex nipproteġu liċ-ċittadini”. L-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) tal-2001 għall-prevenzjoni ta’, il-ġlieda kontra u l-qerda tal-kummerċ illeċitu tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir fl-aspetti kollha tiegħu hija l-objettiv ewlieni ta’ dik l-Istrateġija. L-Istrateġija tiddikjara li l-Unjoni ser tkompli tippromwovi kontroll responsabbli u effettiv tal-esportazzjoni tal-armi u tappoġġa l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi. L-Istrateġija tiddikjara wkoll li l-Unjoni ser tkompli tappoġġa lill-Unjoni Afrikana u lill-komunitajiet ekonomiċi reġjonali rilevanti fl-isforzi tagħhom kontra l-kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir u l-munizzjon tagħhom.

    (4)

    Il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-esportazzjoni ta’ armi ġie sostitwit fit-8 ta’ Diċembru 2008 bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (1), li tistabbilixxi tmien kriterji li fuqhom għandhom jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet għall-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali. Hija tinkludi wkoll mekkaniżmu ta’ notifika u konsultazzjoni għal ċaħdiet ta’ esportazzjoni tal-armi, u miżuri ta’ trasparenza bħall-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi. Għadd ta’ pajjiżi terzi allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK. Fl-2019 sar rieżami ta’ dik il-Pożizzjoni Komuni li rriżulta fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 (2).

    (5)

    L-Artikolu 11 tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK jistipula li l-Istati Membri għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex iħeġġu lil Stati oħra li jesportaw teknoloġija jew tagħmir militari biex japplikaw il-kriterji stabbiliti f’dik il-Pożizzjoni Komuni.

    (6)

    It-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) ġie adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU f’April 2013 u daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 2014. It-TKA għandu l-għan li jsaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-kummerċ tal-armi. B’mod simili għall-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, it-TKA jistabbilixxi għadd ta’ kriterji għall-valutazzjoni tar-riskju li fuqhom trid tiġi vvalutata l-esportazzjoni tal-armi. L-Unjoni tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva u l-universalizzazzjoni tat-TKA permezz tal-programmi ddedikati tagħha adottati taħt id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2013/768/PESK (3) u (PESK) 2017/915 (4). Dawk il-programmi jgħinu għadd ta’ pajjiżi terzi, fuq talba tagħhom, biex isaħħu s-sistemi tagħhom ta’ kontroll tat-trasferiment tal-armi f’konformità mar-rekwiżiti tat-TKA.

    (7)

    Huwa għalhekk importanti li tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ assistenza previsti f’din id-Deċiżjoni u dawk previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2017/915. Għal dak il-għan, għandhom isiru skambji regolari ta’ informazzjoni bejn l-aġenziji ta’ implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, kif ukoll mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Dan il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni ser jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta’ esperti minn Stati Membri oħra kull meta jkun rilevanti.

    (8)

    Mill-2008 ’l hawn, l-attivitajiet tal-Unjoni li jippromwovu kontrolli effettivi u trasparenti tal-esportazzjoni tal-armi żviluppaw fil-qafas tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/230/PESK (5) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/1012/PESK (6), 2012/711/PESK (7), (PESK) 2015/2309 (8) u (PESK) 2018/101 (9). L-attivitajiet imwettqa appoġġaw notevolment aktar kooperazzjoni reġjonali u aktar trasparenza kif ukoll responsabbiltà akbar, f’konformità mal-prinċipji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u l-kriterji ta’ valutazzjoni tar-riskju stabbiliti fiha. L-attivitajiet inkwistjoni tradizzjonalment indirizzaw pajjiżi terzi tal-viċinat tal-lvant u ta’ dak tan-nofsinhar tal-Unjoni.

    (9)

    F’dawn l-aħħar snin, l-Unjoni pprovdiet ukoll assistenza biex jittejjeb il-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju f’pajjiżi terzi. Jenħtieġ li tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva ma’ dawk l-attivitajiet rilevanti għall-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju.

    (10)

    L-Uffiċċju Federali Ġermaniż għall-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni (Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle – BAFA) ġie inkarigat mill-Kunsill bl-implimentazzjoni teknika tad-Deċiżjonijiet 2009/1012/PESK, 2012/711/PESK, (PESK) 2015/2309 u (PESK) 2018/101. Il-BAFA huwa wkoll aġenzija ta’ implimentazzjoni għal proġetti li jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tat-TKA taħt id-Deċiżjoni 2013/768/PESK u d-Deċiżjoni (PESK) 2017/915. Il-BAFA ilu mill-2005 involut fl-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. Il-BAFA huwa l-awtorità kompetenti għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-Ġermanja, u żviluppa korp kbir ta’ għarfien u kompetenzi esperti dwar attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, barra milli jikkondividi l-kompetenzi ewlenin tiegħu ma’ Stati oħra.

    (11)

    Fit-28 ta’ Mejju 2018, is-Segretarju Ġenerali tan-NU ppreżenta l-aġenda tiegħu dwar id-diżarm, intitolata ‘Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna’. It-trasparenza fl-attivitajiet militari, bħar-rappurtar dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-armi, tippromwovi r-responsabbiltà demokratika u l-governanza responsabbli. L-attivitajiet appoġġati permezz ta’ din id-Deċiżjoni jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ dik l-aġenda, kif ukoll għall-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 16 tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Għall-fini tal-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, u f’konformità mal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà u l-Istrateġija Globali għall-politika estera u ta’ sigurtà tal-Unjoni, l-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:

    (a)

    il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi minn pajjiżi terzi f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u fit-TKA, u, fejn xieraq, it-tfixxija ta’ komplementarjetà u sinerġiji mal-proġetti ta’ assistenza tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju; u

    (b)

    appoġġ għall-isforzi ta’ pajjiżi terzi fil-livelli nazzjonali u reġjonali biex il-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali jsir aktar responsabbli u trasparenti, u biex jiġi mitigat ir-riskju tad-devjazzjoni ta’ armi lejn utenti mhux awtorizzati.

    2.   L-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1 permezz tal-attivitajiet li ġejjin fil-qafas tal-proġett:

    (a)

    aktar promozzjoni, fost pajjiżi terzi, tal-kriterji u l-prinċipji stipulati fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u fit-TKA, abbażi tal-kisbiet li saru permezz tal-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/230/PESK u tad-Deċiżjonijiet 2009/1012/PESK, 2012/711/PESK, (PESK) 2015/2309 u (PESK) 2018/101;

    (b)

    assistenza lil pajjiżi terzi fl-abbozzar, l-aġġornament u l-implimentazzjoni, kif xieraq, tal-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi rilevanti li għandhom l-għan li jistabbilixxu sistema effettiva ta’ kontrolli tal-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali;

    (c)

    assistenza lill-pajjiżi benefiċjarji fit-taħriġ ta’ uffiċjali tal-liċenzjar u l-infurzar biex jiġu żgurati implimentazzjoni u infurzar adegwati tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi;

    (d)

    assistenza lill-pajjiżi benefiċjarji biex jissensibilizzaw lill-industriji nazzjonali tagħhom tal-armi biex tiġi żgurata konformità mar-regolamenti dwar il-kontroll tal-esportazzjoni;

    (e)

    il-promozzjoni tat-trasparenza u r-responsabbiltà fil-kummerċ internazzjonali tal-armi, inkluż permezz ta’ appoġġ għall-miżuri nazzjonali u reġjonali li jippromwovu t-trasparenza u l-iskrutinju adatt fir-rigward tal-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali;

    (f)

    inkoraġġiment lil dawk il-pajjiżi benefiċjarji li ma ħadu l-ebda pass lejn l-adeżjoni mat-TKA biex jissieħbu mat-TKA, u inkoraġġiment lill-firmatarji tat-TKA biex jirratifikawh; u

    (g)

    il-promozzjoni ta’ aktar konsiderazzjoni tar-riskju tad-devjazzjoni tal-armi u l-mitigazzjoni tiegħu, kemm mill-perspettiva tal-importazzjoni kif ukoll minn dik tal-esportazzjoni.

    Fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet fil-qafas tal-proġett imsemmi f’dan il-paragrafu.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (‘ir-Rappreżentant Għoli’) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Uffiċċju Federali Ġermaniż għall-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni (Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle – BAFA). L-għażla tal-BAFA hi ġġustifikata mill-esperjenza, il-kwalifiki u l-għarfien espert meħtieġ li huwa wera fil-firxa sħiħa ta’ attivitajiet rilevanti tal-Unjoni ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi.

    3.   Il-BAFA għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-BAFA.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 1 377 542,73.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta’ referenza finanzjarja stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-ammont ta’ referenza finanzjarja stabbilit fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-BAFA. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-BAFA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

    Artikolu 4

    Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-BAFA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett imsemmija fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3), jew 6 xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk ebda ftehim ta’ finanzjament ma jkun ġie konkluż f’dak il-perijodu.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ottubru 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 tas-16 ta’ Settembru 2019 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 239, 17.9.2019, p. 16).

    (3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/768/PESK tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar l-attivitajiet tal-UE f’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 56).

    (4)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/915 tad-29 ta’ Mejju 2017 dwar attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Unjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ĠU L 139, 30.5.2017, p. 38).

    (5)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/230/PESK tas-17 ta’ Marzu 2008 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE sabiex issir promozzjoni tal-kontroll ta’ armi għall-esportazzjoni u l-prinċipji u l-kriterji tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi bejn pajjiżi terzi (ĠU L 75, 18.3.2008, p. 81).

    (6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/1012/PESK tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE għall-promozzjoni tal-kontroll tal-esportazzjoni ta’ armi u l- prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK fost pajjiżi terzi (ĠU L 348, 29.12.2009, p. 16).

    (7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/711/PESK tad-19 ta’ Novembru 2012 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Unjoni sabiex issir promozzjoni, fost pajjiżi terzi, tal-kontroll tal-esportazzjoni ta’ armi u tal-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (ĠU L 321, 20.11.2012, p. 62).

    (8)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2309 tal-10 ta’ Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni tal-armi (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 56).

    (9)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/101 tat-22 ta’ Jannar 2018 dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni tal-armi (ĠU L 17, 23.1.2018, p. 40).


    ANNESS

    PROĠETT GĦALL-PROMOZZJONI TA’ KONTROLLI EFFETTIVI TAL-ESPORTAZZJONI TAL-ARMI

    1.   Objettivi

    L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tippromwovi l-obbligu ta’ rendikont u r-responsabbiltà fir-rigward tal-kummerċ legali tal-armi f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, biex b’hekk tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiżi ġirien tal-Unjoni. L-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni huma li tippromwovi kontrolli mtejba fuq it-trasferimenti ta’ armi minn pajjiżi terzi u tappoġġa l-isforzi ta’ pajjiżi terzi, fil-livelli nazzjonali u reġjonali, biex il-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali jsir aktar responsabbli u trasparenti, u biex jiġi mitigat ir-riskju tad-devjazzjoni ta’ armi lejn utenti mhux awtorizzati. Dawk l-objettivi għandhom jinkisbu bil-promozzjoni tal-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u fit-TKA. Jenħtieġ li l-eżiti jkollhom l-għan li jżidu l-effettività tas-sistemi nazzjonali tal-esportazzjoni tal-armi fil-pajjiżi fil-mira: l-aġenzija ta’ implimentazzjoni ser tirrapporta dwar bidliet legali, istituzzjonali u bidliet rilevanti oħra u dwar l-allinjament tagħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u, fejn xieraq, mat-TKA. Jenħtieġ li dawk l-eżiti jiġu segwiti biex jinkisbu komplementarjetà u sinerġiji ma’ proġetti ta’ assistenza tal-Unjoni li għaddejjin bħalissa b’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-TKA, kif ukoll fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. L-ambitu tal-benefiċjarji taħt din id-Deċiżjoni ma għandux jikkoinċidi mal-benefiċjarji koperti taħt id-Deċiżjoni (PESK) 2017/915.

    Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija hawn fuq, jenħtieġ li l-Unjoni tkompli tippromwovi l-istandards tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, abbażi ta’ dak li nkiseb permezz tal-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/230/PESK u tad-Deċiżjonijiet 2009/1012/PESK, 2012/711/PESK, (PESK) 2015/2309 u (PESK) 2018/101. Għal dak il-għan, għandha tiġi pprovduta assistenza lill-pajjiżi terzi benefiċjarji għall-abbozzar, l-aġġornament u l-implimentazzjoni, kif xieraq, ta’ miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u istituzzjonali, li jkunu rilevanti, li jappoġġaw sistema effettiva ta’ kontrolli tat-trasferiment ta’ armi konvenzjonali.

    Jenħtieġ li jingħata appoġġ ukoll għat-taħriġ tal-uffiċjali tal-liċenzjar u l-infurzar li huma responsabbli għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kontrolli tat-trasferiment tal-armi, u għal miżuri nazzjonali u reġjonali li jippromwovu t-trasparenza u l-iskrutinju adatt tal-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kuntatti mas-settur privat (inklużi l-industrija, l-istituti tar-riċerka u s-settur akkademiku) jiġu promossi sabiex tiġi żgurata konformità mal-leġiżlazzjoni u r-regolamenti dwar il-kontroll tat-trasferiment tal-armi, b’enfasi partikolari fuq il-programmi ta’ konformità interna (ICPs, internal compliance programmes).

    2.   Għażla tal-aġenzija ta’ implimentazzjoni

    Il-BAFA huwa inkarigat mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Fejn xieraq, il-BAFA ser jissieħeb mal-aġenziji ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-Istati Membri, ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti, gruppi ta’ riflessjoni, istituti tar-riċerka u NGOs.

    Il-BAFA għandu esperjenza mill-aktar estensiva fl-għoti ta’ assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni u f’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni. Huwa żviluppa tali esperjenza fl-oqsma rilevanti kollha ta’ kontroll strateġiku tal-esportazzjoni, fl-indirizzar tal-oġġetti b’użu doppju u oġġetti militari relatati mas-CBRN. Permezz ta’ dawk il-programmi u l-attivitajiet, il-BAFA kiseb għarfien profond tas-sistemi ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi inklużi f’din id-Deċiżjoni.

    Fir-rigward tal-assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni ta’ armi u għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, il-BAFA lesta b’suċċess l-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2009/1012/PESK, 2012/711/PESK, (PESK) 2015/2309 u (PESK) 2018/101. Il-BAFA huwa wkoll inkarigat mill-implimentazzjoni teknika tal-programm ta’ appoġġ tal-implimentazzjoni tat-TKA stabbilit bid-Deċiżjonijiet 2013/768/PESK u (PESK) 2017/915.

    Il-BAFA għalhekk jinsab f’pożizzjoni unika biex jidentifika l-punti qawwija u d-dgħufiji fis-sistemi ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ pajjiżi li ser ikunu l-benefiċjarji tal-attivitajiet previsti f’din id-Deċiżjoni. Għaldaqstant huwa wkoll fl-aħjar pożizzjoni biex jiffaċilita sinerġiji bejn id-diversi programmi ta’ assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u l-programmi ta’ sensibilizzazzjoni u biex jevita d-duplikazzjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-pajjiżi benefiċjarji li rċevew appoġġ taħt programmi preċedenti ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni għat-tisħiħ tal-kapaċità lokali fir-rigward tal-applikazzjoni u l-aġġornament tas-sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-kummerċ tal-armi f’konformità mal-istandards internazzjonali u l-iżviluppi reċenti.

    3.   Koordinazzjoni ma’ proġetti oħra ta’ assistenza tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni

    Abbażi tal-esperjenza miksuba minn attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni preċedenti tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni li jkopru kemm oġġetti b’użu doppju kif ukoll armi konvenzjonali, jenħtieġ li jsiru sforzi biex jinkisbu sinerġija u komplementarjetà. Għal dak il-għan, l-attivitajiet imsemmija fit-taqsima 5 jenħtieġ li jitwettqu biss f’pajjiżi li mhumiex diġà fil-mira permezz ta’ attivitajiet taħt il-proġett ta’ assistenza għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tat-TKA. Fejn xieraq, jistgħu jsiru sforzi biex tinkiseb sinerġija ma’ attivitajiet oħra ffinanzjati permezz tal-baġit tal-PESK jew ma’ attivitajiet oħra relatati mal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju ffinanzjati permezz ta’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni u mhux mill-baġit tal-PESK. Dan jenħtieġ li jsir b’rispett sħiħ għal-limitazzjonijiet legali u finanzjarji stabbiliti għall-użu tal-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-Unjoni.

    Għal dak il-għan, ser isiru skambji regolari ta’ informazzjoni bejn l-aġenziji ta’ implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni, kif ukoll mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Dan il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni jenħtieġ li jiġi formalizzat, u l-parteċipazzjoni ta’ esperti minn Stati Membri oħra jenħtieġ li tiġi mħeġġa, kull meta jkun rilevanti.

    4.   Koordinazzjoni ma’ proġetti ta’ assistenza minn donaturi oħra fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni

    Fejn xieraq, jenħtieġ ukoll li jsiru sforzi biex jinkisbu sinerġija u komplementarjetà ma’ proġetti ta’ assistenza minn donaturi oħra fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni. Kif jissemma fit-taqsima 3, jenħtieġ li ssir koordinazzjoni ma’ donaturi oħra, b’mod speċjali għall-attivitajiet imsemmija fis-subtaqsimiet 5.2.1 sa 5.2.3 u 5.2.6.

    5.   Deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-proġett

    5.1.   Objettivi tal-proġett

    L-objettiv ewlieni huwa li tiġi pprovduta assistenza teknika lil għadd ta’ pajjiżi benefiċjarji li wrew ir-rieda tagħhom li jiżviluppaw l-istandards u l-prattiki tagħhom fir-rigward tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi. Għal dan l-għan, l-attivitajiet li ser jitwettqu ser iqisu l-istatus tal-pajjiżi benefiċjarji, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

    l-adeżjoni possibbli tagħhom, jew l-applikazzjoni għall-adeżjoni, ma’ reġimi internazzjonali ta’ kontroll tal-esportazzjoni relatati mat-trasferiment ta’ armi konvenzjonali u oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju;

    il-kandidaturi tagħhom għall-adeżjoni mal-Unjoni u jekk il-pajjiżi benefiċjarji humiex kandidati uffiċjali jew kandidati potenzjali;

    il-kapaċità tagħhom bħala produttur, importatur jew bħala ċentru ta’ negozju relattivament għall-kummerċ ta’ tagħmir u teknoloġiji militari konvenzjonali,;

    il-livell ta’ maturità tas-sistema nazzjonali eżistenti ta’ kontroll tal-esportazzjoni, b’kunsiderazzjoni partikolari tal-progress li sar bħala riżultat tal-appoġġ riċevut taħt programmi preċedenti ta’ kooperazzjoni fil-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi ffinanzjati mill-Unjoni; u

    il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tat-TKA.

    Fejn il-pajjiżi benefiċjarji indirizzati jkunu firmatarji biss tat-TKA, jenħtieġ li l-attivitajiet — fejn ikun fattibbli — jippruvaw jiddeterminaw aħjar x’inhuma l-ostakli għar-ratifika tat-TKA, b’mod partikolari fejn dawk l-ostakli jkunu ta’ natura ġuridika jew regolatorja u jkunu relatati ma’ lakuni jew ħtiġijiet fil-kapaċitajiet ta’ implimentazzjoni. Fejn il-pajjiżi indirizzati ma jkunu ħadu l-ebda pass lejn it-TKA (la l-iffirmar, la r-ratifika u lanqas l-adeżjoni), l-attivitajiet jenħtieġ li jippromwovu l-adeżjoni miegħu, possibbilment bl-appoġġ ta’ pajjiżi benefiċjarji oħra li jkunu rratifikaw it-TKA.

    5.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

    5.2.1.   Sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali

    Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ mhux aktar minn tmien sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali ta’ jumejn, li jipprovdu taħriġ teoretiku u prattiku kif ukoll opportunità għal djalogu biex jiġu kkonsolidati approċċi reġjonali f’oqsma rilevanti tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali.

    Il-parteċipanti fis-sessjonijiet ta’ ħidma (mhux aktar minn 35) ser jinkludu uffiċjali tal-gvern tal-pajjiżi benefiċjarji koperti. Jistgħu wkoll jiġu mistiedna, fejn xieraq, rappreżentanti minn parlamenti nazzjonali, mill-industrija u mis-soċjetà ċivili, fost oħrajn.

    It-taħriġ ser jingħata minn esperti minn amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri (inklużi ex uffiċjali), rappreżentanti ta’ pajjiżi li allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, u rappreżentanti tas-settur privat u mis-soċjetà ċivili.

    Is-sessjonijiet ta’ ħidma jistgħu jsiru f’pajjiż benefiċjarju jew f’post ieħor li jiġi ddeterminat mir-Rappreżentant Għoli, f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni ta’ Armi Konvenzjonali (COARM).

    Is-sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali ser jiġu organizzati kif ġej:

    (a)

    sa żewġ sessjonijiet ta’ ħidma għall-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa;

    (b)

    sa żewġ sessjonijiet ta’ ħidma għall-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa u tal-Kawkasu li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat;

    (c)

    sa żewġ sessjonijiet ta’ ħidma għall-pajjiżi Mediterranji tal-Afrika ta’ Fuq li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat; u

    (d)

    sa żewġ sessjonijiet ta’ ħidma għall-Asja Ċentrali.

    Sabiex titrawwem kooperazzjoni transreġjonali, pajjiżi sħab minn reġjuni oħra ser jiġu mistiedna għal mill-inqas waħda mis-sessjonijiet ta’ ħidma għal kull reġjun.

    Din id-diviżjoni reġjonali ta’ żewġ sessjonijiet ta’ ħidma għal kull reġjun tista’ ma tintlaħaqx jekk iċ-ċirkostanzi ma jkunux favorevoli (pereżempju jekk l-għadd ta’ parteċipanti jkun aktar baxx milli mistenni, jekk l-ebda pajjiż benefiċjarju tar-reġjun ma jagħmel offerta serja li jospita, jew jekk ikun hemm duplikazzjoni ma’ attivitajiet oħra ta’ fornituri oħra ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni). Fil-każ li xi waħda jew aktar mis-sessjonijiet ta’ ħidma ma jsirux, l-għadd ta’ sessjonijiet ta’ ħidma għar-reġjun jew reġjuni l-oħra msemmija hawn fuq jista’ jiżdied skont il-każ, fi ħdan il-limitu globali ta’ tnax-il sessjoni ta’ ħidma.

    5.2.2.   Żjarat ta’ studju

    Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ mhux aktar minn seba’ żjarat ta’ studju ta’ jumejn jew tlieta minn uffiċjali tal-gvern lill-awtoritajiet rilevanti ta’ Stati Membri jew ta’ pajjiżi benefiċjarji oħra.

    Iż-żjarat ta’ studju jenħtieġ li jkopru bejn żewġ u erba’ pajjiżi benefiċjarji. Il-pajjiżi benefiċjarji taż-żjarat ta’ studju mhux bilfors jeħtieġ li jkunu mill-istess reġjun.

    5.2.3.   Assistenza individwali u remota lill-pajjiżi benefiċjarji

    Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ sessjonijiet ta’ ħidma ta’ total ta’ mhux aktar minn 10 ijiem għall-pajjiżi benefiċjarji individwali li jitolbu waħda. Fis-sessjonijiet ta’ ħidma ser jieħdu sehem uffiċjali tal-Istat mill-pajjiżi benefiċjarji, inklużi uffiċjali tal-gvern, tal-liċenzjar u tal-infurzar, u dawn ser isiru preferibbilment fil-pajjiżi benefiċjarji rispettivi. Skont il-ħtiġijiet eżatti u d-disponibbiltà tal-esperti tal-pajjiżi benefiċjarji u tal-Istati Membri, it-total ta’ 10 ijiem disponibbli ser jiġu allokati b’format minimu ta’ jumejn.

    Is-sessjonijiet ta’ ħidma ta’ assistenza individwali ser isiru prinċipalment fuq it-talba tal-pajjiżi benefiċjarji. Dawn huma maħsuba biex jindirizzaw kwistjoni speċifika relatata mal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi mqajma minn pajjiż benefiċjarju, pereżempju fil-marġini ta’ sessjoni ta’ ħidma reġjonali jew matul kuntatti regolari ma’ esperti tal-Unjoni u mal-BAFA. Dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma ser ikunu disponibbli biex ikopru kwistjonijiet u talbiet mill-pajjiżi benefiċjarji relatati mal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, inklużi miżuri nazzjonali mmirati għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, is-sensibilizzazzjoni tal-industrija u/jew tal-qasam akkademiku, u strateġiji ta’ taħriġ nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi.

    Barra minn hekk, ser jiġi allokat sa 20 jum għal appoġġ individwali pprovdut permezz ta’ assistenza remota (eż. rieżamijiet legali; konsultazzjoni dwar każijiet speċifiċi, inkluż appoġġ għall-klassifikazzjoni teknika ta’ prodott partikolari; eċċ.).

    Esperti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri (inklużi ex uffiċjali), rappreżentanti ta’ pajjiżi li allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, u rappreżentanti tas-settur privat ser jaqsmu l-għarfien tagħhom.

    5.2.4.   Tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u avvenimenti ta’ tiżjid tal-għarfien f’livell avvanzat

    Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ mhux aktar minn tliet sessjonijiet ta’ ħidma ta’ mhux aktar minn erbat ijiem kull wieħed bl-għan li jiġi pprovdut appoġġ lill-pajjiżi benefiċjarji b’sistemi ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi f’livell avvanzat għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali tagħhom. Il-miżuri meħuda ser jinkludu l-applikazzjoni ta’ approċċ ta’ ‘ħarreġ lil min iħarreġ’ li jiffoka fuq, fost l-oħrajn, id-didattika, it-trasferiment tal-għarfien u l-memorja istituzzjonali fil-pajjiż benefiċjarju. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali nazzjonali għandu jkopri kwistjonijiet bħall-konformità interna, il-ġestjoni tar-riskji, u l-intersezzjoni bejn it-tnaqqis tat-theddid ibridu u l-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi.

    5.2.5.   Konferenza għal pajjiżi sħab b’sistemi avvanzati ta’ kontroll tal-esportazzjoni

    Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ konferenza waħda fi Brussell li ddum sa jumejn. Il-konferenza ser tipprovdi forum għal diskussjonijiet ta’ livell avvanzat bejn esperti tal-Unjoni u rappreżentanti ta’ livell għoli (fl-oqsma tal-politika, il-liċenzjar u l-infurzar) ta’ pajjiżi benefiċjarji b’sistemi avvanzati ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

    Din il-konferenza ser tagħti lill-pajjiżi benefiċjarji parteċipanti l-opportunità li:

    (a)

    jirċievu informazzjoni dwar l-aħħar żviluppi relatati mal-kummerċ tal-armi (eż. il-kanali attwali tal-akkwist, l-impatt ta’ teknoloġiji ġodda, u kwistjonijiet relatati mal-politika tas-sigurtà bħal theddid ibridu); u

    (b)

    jiddiskutu u jiskambjaw fehmiet dwar kif il-bidliet reċenti u t-titjib fil-kontrolli tal-kummerċ tal-armi jistgħu jiġu implimentati bħala parti mis-sistema nazzjonali tagħhom ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

    5.2.6.   Avvenimenti ta’ valutazzjoni

    Sabiex jiġi evalwat u rieżaminat l-impatt tal-attivitajiet li jsiru taħt din id-Deċiżjoni, ser jiġu organizzati żewġ avvenimenti ta’ valutazzjoni (wieħed f’nofs it-terminu u ieħor finali) fi Brussell, idealment eżatt wara laqgħa regolari tal-COARM.

    L-avveniment ta’ valutazzjoni ta’ nofs it-terminu ser ikollu l-forma ta’ sessjoni ta’ ħidma bil-parteċipazzjoni ta’ Stati Membri. Is-sessjoni ta’ ħidma tista’ testendi sa mhux aktar minn jum wieħed.

    L-avveniment ta’ valutazzjoni finali ser ikollu l-forma ta’ avveniment fi Brussell bil-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi benefiċjarji u ta’ Stati Membri. Ser jiġu mistiedna jattendu l-avveniment ta’ valutazzjoni finali sa żewġ rappreżentanti (uffiċjali adatti tal-gvern) ta’ kull pajjiż benefiċjarju.

    6.   Benefiċjarji

    6.1.   Pajjiżi benefiċjarji taħt din id-Deċiżjoni

    L-ambitu tal-benefiċjarji taħt din id-Deċiżjoni ma għandux jikkoinċidi mal-benefiċjarji koperti taħt id-Deċiżjoni (PESK) 2017/915. Huma pajjiżi benefiċjarji taħt din id-Deċiżjoni dawn li ġejjin:

    (a)

    pajjiżi kandidati jew pajjiżi kandidati potenzjali, għad-dħul fl-Unjoni, tax-Xlokk tal-Ewropa (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo (*));

    (b)

    pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa u l-Kawkasu li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna);

    (c)

    pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, tal-Mediterran u tal-Viċinat tan-Nofsinhar li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Alġerija, l-Eġittu, il-Marokk, it-Tuneżija, il-Ġordan u l-Libanu); u

    (d)

    pajjiżi tal-Asja Ċentrali (il-Każakistan, it-Taġikistan, l-Użbekistan, il-Kirgiżistan, u t-Turkmenistan).

    6.2.   Emenda għal-lista tal-pajjiżi benefiċjarji

    Il-COARM jista’, wara konsultazzjonijiet mal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni msemmi fit-taqsima 3, jiddeċiedi li jżid pajjiżi mal-lista ta’ benefiċjarji, dment li ma jkunux benefiċjarji taħt id-Deċiżjoni (PESK) 2017/915. F’każijiet eċċezzjonali, fejn jitqies sinifikanti, il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni jista’ jaqbel ukoll li jittratta mal-benefiċjarji koperti mid-Deċiżjoni (PESK) 2017/915. Jenħtieġ li l-modifiki li jsiru jiġu kkomunikati b’mod formali bejn il-BAFA u l-Unjoni permezz tal-President tal-COARM.

    7.   Riżultati tal-proġett u indikaturi tal-implimentazzjoni

    Minbarra l-avveniment ta’ valutazzjoni finali msemmi fis-subtaqsima 5.2.6, il-valutazzjoni tar-riżultati tal-proġett ser tieħu kont ta’ dan li ġej:

    7.1.   Valutazzjoni individwali tal-pajjiżi benefiċjarji

    Hekk kif jitlestew l-attivitajiet previsti, il-BAFA ser jipprovdi lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress dwar kull wieħed mill-pajjiżi benefiċjarji msemmija fis-subtaqsima 6.1. Ir-rapport ser jiġbor fil-qosor l-attivitajiet li seħħew fil-pajjiż benefiċjarju matul id-durata ta’ din id-Deċiżjoni u jivvaluta u jiddeskrivi l-kapaċità tal-pajjiż benefiċjarju fil-qasam tal-kontrolli tat-trasferiment tal-armi abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-BAFA. Il-bażi tal-valutazzjoni ser tkun l-applikazzjoni mill-pajjiż benefiċjarju ta’ strumenti ta’ kontroll kif stipulat fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, sa fejn dawn ma jkunux japplikaw biss għall-Istati Membri.

    7.2.   Valutazzjoni tal-impatt u indikaturi tal-implimentazzjoni

    L-impatt tal-attivitajiet previsti minn din id-Deċiżjoni għall-pajjiżi benefiċjarji jenħtieġ li jiġi vvalutat wara li jitwettqu l-attivitajiet. Il-valutazzjoni tal-impatt ser issir mir-Rappreżentant Għoli, f’kooperazzjoni mal-COARM u, fejn xieraq, mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-pajjiżi benefiċjarji, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati oħra rilevanti.

    Għal dak il-fini, ser jintużaw l-indikaturi ta’ implimentazzjoni li ġejjin:

    jekk hemmx fis-seħħ regolamenti nazzjonali rilevanti dwar kontrolli tat-trasferiment tal-armi u jekk/sa liema punt dawn jikkonformaw mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (inklużi l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ valutazzjoni, l-implimentazzjoni tal-lista militari komuni tal-UE u r-rappurtar);

    fejn disponibbli, informazzjoni dwar każijiet ta’ infurzar;

    jekk il-pajjiżi benefiċjarji jistgħux jirrappurtaw l-esportazzjonijiet u/jew l-importazzjonijiet tal-armi (eż. ir-Reġistru tan-NU, ir-rappurtar annwali taħt it-TKA, l-Arranġament ta’ Wassenaar, l-OSKE u rapporti lill-parlamenti nazzjonali); u

    jekk il-pajjiż benefiċjarju allinjax, jew għandux l-intenzjoni jallinja, ruħu uffiċjalment mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK.

    Ir-rapporti ta’ valutazzjoni individwali msemmija fis-subtaqsima 7.1 jenħtieġ li jirreferu għal dawk l-indikaturi ta’ implimentazzjoni skont kif ikun adatt.

    8.   Promozzjoni tal-użu tal-portal web P2P tal-UE (1)

    Il-portal web P2P tal-UE previst fid-Deċiżjoni 2012/711/PESK ġie żviluppat bħala riżorsa proprja tal-Unjoni. Huwa jopera bħala pjattaforma konġunta għall-programmi kollha ta’ sensibilizzazzjoni tal-Unjoni (użu doppju u armi). L-attivitajiet elenkati fis-subtaqsimiet 5.2.1 sa 5.2.6 għandhom iżidu l-għarfien tal-portal web tal-Unjoni għas-sensibilizzazzjoni u jippromwovu l-użu tiegħu. Il-parteċipanti fl-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni jenħtieġ li jiġu infurmati dwar il-parti privata tal-portal web, li toffri aċċess permanenti għal riżorsi, dokumenti u kuntatti. Bl-istess mod, l-użu tal-portal web jenħtieġ li jiġi promoss lil uffiċjali oħra li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw direttament f’attivitajiet ta’ assistenza u sensibilizzazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-attivitajiet jiġu promossi permezz tal-Bullettin P2P tal-UE.

    9.   Viżibbiltà tal-Unjoni

    Il-BAFA ser jieħu l-miżuri adatti kollha biex jippubbliċizza l-fatt li l-azzjoni hija ffinanzjata mill-Unjoni. Tali miżuri ser jiġu implimentati skont il-manwal dwar il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà għal azzjonijiet esterni tal-Unjoni ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. B’hekk il-BAFA ser jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta’ marki u pubbliċità adatti, filwaqt li jenfasizza r-rwol tal-Unjoni u jżid l-għarfien tar-raġunijiet għal din id-Deċiżjoni, kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għal din id-Deċiżjoni u r-riżultati ta’ dak l-appoġġ. Il-materjal prodott mill-proġett ser juri b’mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni f’konformità mal-linji gwida rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll il-logo ‘Programm EU P2P dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ’. Jenħtieġ li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni jiġu involuti f’avvenimenti f’pajjiżi terzi biex jissaħħu s-segwitu politiku u l-viżibbiltà.

    Peress li l-attivitajiet ippjanati jvarjaw ħafna fl-ambitu u fil-karattru tagħhom, ser tintuża firxa ta’ għodod promozzjonali, inklużi mezzi ta’ informazzjoni tradizzjonali, siti web, mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, materjali informattivi u promozzjonali (inklużi infografika, fuljetti, bullettini, stqarrijiet għall-istampa u oħrajn, kif adatt). Il-pubblikazzjonijiet u l-avvenimenti pubbliċi akkwistati taħt il-proġett ser jingħataw marka skont dan.

    10.   Durata

    Id-durata totali tal-proġett hija stmata li tkun 24 xahar.

    11.   Rappurtar

    L-entità ta’ implimentazzjoni ser tħejji rapporti regolari kull tliet xhur fejn jingħataw dettalji fil-qosor dwar il-progress tal-proġett, kif ukoll rapporti ta’ missjonijiet wara t-tlestija ta’ kull attività. Ir-rapporti ser jiġu ppreżentati lir-Rappreżentant Għoli mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li jitlestew l-attivitajiet rilevanti.

    12.   Spiża totali stmata tal-proġett u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

    L-ispiża totali stmata tal-proġett hija ta’ EUR 1 538 292,73, b’kofinanzjament mill-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. L-ispiża totali stmata tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni hija ta’ EUR 1 377 542,73.


    (*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar status, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo.

    (1)  https://ec.europa.eu/jrc/en/research-topic/chemical-biological-radiological-and-nuclear-hazards/eu-p2p-outreach-programmes-export-control and https://circabc.europa.eu/.


    Top