This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020D1260
Council Implementing Decision (EU) 2020/1260 of 4 September 2020 amending Implementing Decision (EU) 2017/1855 authorising Romania to apply a special measure derogating from Article 287 of Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax
Deċiżjoni Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kunsill (UE) 2020/1260 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
Deċiżjoni Ta’ Implimentazzjoni Tal-Kunsill (UE) 2020/1260 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
ĠU L 296, 10.9.2020, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32017D1855 | Sostituzzjoni | artikolu 2 paragrafu 2 | 09/09/2020 | |
Extended validity | 32017D1855 | 09/09/2020 | 31/12/2024 |
10.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 296/1 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1260
tal-4 ta’ Settembru 2020
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Taħt l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. |
(2) |
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/181/UE (2), ir-Rumanija ġiet awtorizzata tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (il-“miżura ta’ deroga”) biex teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 65 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. Il-miżura ta’ deroga skadiet fit-31 ta’ Diċembru 2014. |
(3) |
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/931/UE (3), ir-Rumanija ġiet awtorizzata tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2017. |
(4) |
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1855 (4), ir-Rumanija ġiet awtorizzata tapplika miżura speċjali biex tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 88 500 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Il-miżura ta’ deroga ġiet awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2020, jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel. |
(5) |
Fit-18 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta d-Direttiva (UE) 2020/285 (5), li emendat l-Artikolu 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar. Id-Direttiva (UE) 2020/285 tippermetti wkoll lill-Istati Membri jeżentaw lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom fl-Istat Membru ma jaqbiżx limitu massimu ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali. |
(6) |
Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2020, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga wara l-31 ta’ Diċembru 2020. |
(7) |
F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-ittra datata t-18 ta’ Frar 2020, it-talba li għamlet ir-Rumanija. Permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba. |
(8) |
Mill-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija, jidher li r-raġunijiet għall-miżura ta’ deroga għadhom ġeneralment l-istess. Il-miżura ta’ deroga hija miżura ta’ simplifikazzjoni li tnaqqas l-obbligi marbuta mal-VAT għal għadd ta’ impriżi żgħar. Tnaqqas ukoll il-piż fuq l-awtoritajiet tat-taxxa billi tneħħi l-bżonn li jiġi mmonitorjat il-ġbir ta’ volum żgħir ta’ dħul minn għadd akbar ta’ impriżi żgħar. Iż-żamma tal-limitu massimu kurrenti fir-rigward tal-eżenzjoni tidher li hija mod effettiv biex jiġu ffrankati riżorsi amministrattivi u biex titnaqqas l-evażjoni tat-taxxa. |
(9) |
Il-miżura ta’ deroga hija, u se tibqa’, fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE. |
(10) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Rumanija, il-miżura ta’ deroga se jkollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT tar-Rumanija miġbur fl-istadju tal-konsum finali. |
(11) |
Il-miżura ta’ deroga mhijiex se taffettwa b’mod negattiv lir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT għaliex ir-Rumanija se twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (6). |
(12) |
Minħabba l-impatt potenzjalment pożittiv tal-miżura ta’ deroga bit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-ispejjeż ta’ konformità għall-intrapriżi żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa, u l-assenza ta’ kwalunkwe impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li r-Rumanija tkun awtorizzata biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga. |
(13) |
Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni li tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-limitu massimu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Ikun għalhekk adatt li r-Rumanija tkun awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024. |
(14) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Settembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/181/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 li tawtorizza lir-Rumanija biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 92, 30.3.2012, p. 26).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/931/UE tas-16 ta’ Diċembru 2014 li testendi l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/181/UE li tawtorizza lir-Rumanija ddaħħal miżura ta’ deroga speċjali mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 365, 19.12.2014, p. 145).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1855 tal-10 ta’ Ottubru 2017 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 19).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).