This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020D0768
Council Decision (EU) 2020/768 of 9 June 2020 amending Decision (EU) 2016/915 as regards the reference period intended to be used for measuring the growth of CO2 emissions, to take account of the consequences of the COVID-19 pandemic in the context of CORSIA
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/768 tad-9 ta’ Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 rigward il-perijodu ta’ referenza maħsub li jintuża għall-kejl taż-żieda fl-emissjonijiet ta’ CO2, sabiex jitqiesu l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fil-kuntest ta’ CORSIA
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/768 tad-9 ta’ Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 rigward il-perijodu ta’ referenza maħsub li jintuża għall-kejl taż-żieda fl-emissjonijiet ta’ CO2, sabiex jitqiesu l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fil-kuntest ta’ CORSIA
ST/8338/2020/INIT
ĠU L 187, 12.6.2020, p. 10–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32016D0915 | Żieda | anness inċiż | 09/06/2020 |
12.6.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 187/10 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/768
tad-9 ta’ Ġunju 2020
li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 rigward il-perijodu ta’ referenza maħsub li jintuża għall-kejl taż-żieda fl-emissjonijiet ta’ CO2, sabiex jitqiesu l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fil-kuntest ta’ CORSIA
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fl-2016, fir-Riżoluzzjoni A39-3 tagħha (ir-“Riżoluzzjoni A39-3”), id-39 Assemblea tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni”) iddeċidiet li tiżviluppa miżura globali bbażata fuq is-suq biex tillimita l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni internazzjonali fil-livelli tagħhom tal-2020. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-elaborazzjoni u l-adozzjoni ta’ dak il-mekkaniżmu u d-diversi elementi dettaljati tiegħu ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 (1). |
(2) |
Fis-27 ta’ Ġunju 2018, fl-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Ewwel Edizzjoni tal-Volum IV tal-Anness 16 għall-Konvenzjoni: l-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali - Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (“CORSIA”). F’konformità mar-Riżoluzzjoni A39-3, li ġiet sostitwita mir-Riżoluzzjoni A40-19 adottata mill-Assemblea tal-ICAO waqt l-40 sessjoni tagħha (“ir-Riżoluzzjoni A40-19”), dik l-Ewwel Edizzjoni tistabbilixxi fost l-oħrajn il-valuri tal-emissjonijiet li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-fatturi ta’ żieda (kemm il-Fattur ta’ Żieda tas-Settur kif ukoll il-Fatturi ta’ Żieda tal-Operaturi tal-Ajruplani). Dawk il-valuri huma ddeterminati bħala l-medja tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-avjazzjoni internazzjonali koperti minn CORSIA matul l-2019 u l-2020 (fil-livell tas-settur u fil-livell tal-operaturi individwali tal-ajruplani). |
(3) |
Il-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa ser twassal għal tnaqqis sostanzjali ta’ emissjonijiet ta’ CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali fl-2020. B’hekk ser twassal ukoll biex għall-kalkolu tal-fatturi ta’ żieda jintużaw valuri ta’ CORSIA sostanzjalment aktar baxxi għall-emissjonijiet. Sakemm dawk il-valuri ma jiġux emendati, l-użu ta’ tali valuri ta’ CORSIA sostanzjalment aktar baxxi għall-emissjonijiet jista’ jirriżulta f’rekwiżiti ta’ kumpens sinifikament ogħla, skont ir-rata ta’ rkupru tat-traffiku internazzjonali tal-ajru u skont l-iżvilupp tal-emissjonijiet ta’ CO2 mit-traffiku internazzjonali tal-ajru. |
(4) |
Huwa probabbli u tabilħaqq importanti li matul il-220 Sessjoni tiegħu mit-8 sas-26 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill tal-ICAO jieħu deċiżjoni rigward l-emenda għall-valuri tal-emissjonijiet użati għall-kalkolu tal-fatturi ta’ żieda skont CORSIA, preċiżament fir-rigward tal-perijodu ta’ referenza li għandu jitqies (il-“perijodu ta’ referenza”). |
(5) |
Kwalunkwe emenda għall-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati ta’ CORSIA tikkostitwixxi deċiżjoni meħuda minn korp stabbilit bi ftehim u jkollha effetti legali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) TFUE. |
(6) |
Filwaqt li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha sostnew pożizzjoni konsistenti favur mira għal tnaqqis globali ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni internazzjonali f’livell mhux ogħla mil-livelli tal-2020, iċ-ċirkostanzi attwali juru li l-perijodu ta’ referenza għandu jsemmi l-2019 bħala l-eqreb alternattiva possibbli bbażata fuq data reali bl-iskop li tirrifletti l-mira fit-tul tal-ICAO għal tkabbir newtrali fil-karbonju mill-2020, kif stabbilit mir-Riżoluzzjoni A39-3. F’dak il-kuntest u bil-ħsieb li jinżamm biżżejjed appoġġ, sabiex jinżammu elementi ewlenin mid-disinn ta’ CORSIA u abbażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, jenħtieġ li s-sena kalendarja 2019 tiġi aċċettata bħala l-perijodu ta’ referenza. |
(7) |
Jenħtieġ li l-alternattiva li tqajmet fid-dibattitu attwali, jiġifieri li jiġu stabbiliti perijodi ta’ referenza differenti għal pajjiżi differenti skont il-livell ta’ żvilupp tagħhom, skont is-sena li ngħaqdu ma’ CORSIA jew skont kriterji oħra, ma tiġix appoġġata. Dan ikun bi ksur tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, kif imfakkar fir-Riżoluzzjoni A40-19 u jista’ jipperikola l-eżistenza kontinwa ta’ CORSIA fil-forma attwali tagħha. |
(8) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (UE) 2016/915 tiġi emendata sabiex tippermetti lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jaċċettaw is-sena kalendarja 2019 bħala l-perijodu ta’ referenza. |
(9) |
Jenħtieġ li l-prinċipju ta’ rieżami regolari jibqa’ japplika. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li jiġi mfakkar li r-Riżoluzzjoni A40-19 tipprevedi rieżami ta’ CORSIA kull tliet snin. L-ewwel rieżami jrid issir fl-2022. Ir-rilevanza ta’ tali rieżami fir-rigward tal-valuri tal-emissjonijiet użati għall-kalkolu tal-fatturi ta’ żieda tikber aktar ma s-settur jdum biex jilħaq il-livell ta’ qabel il-kriżi tat-traffiku u tal-emissjonijiet marbuta miegħu. Fil-każ ta’ rkupru kajman tas-settur tal-avjazzjoni, ir-referenza tal-2019 għall-emissjonijiet x’aktarx li ma twassal għal ebda rekwiżit ta’ kumpens, jew twassal għal rekwiżit ta’ kumpens minimu, matul il-“fażi pilota” ta’ CORSIA (2021-2023). Ir-rilevanza ta’ tali rieżami hija ssottolinjata mill-ħtieġa li tiġi żgurata konsistenza ma’ mira fit-tul mixtieqa għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2, konsistenti mal-miri għat-temperatura tal-Ftehim ta’ Pariġi, li trid titqies mill-Assemblea tal-ICAO. Tali rieżami jista’, jekk rilevanti, jinkludi d-definizzjoni tal-perijodu ta’ referenza. |
(10) |
Skont l-Artikolu 28b(2) u (3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni mill-ICAO tal-istrumenti rilevanti u qabel ma l-miżura globali bbażata fuq is-suq issir operazzjonali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih jenħtieġ li tikkunsidra modi kif dawk l-istrumenti għandhom jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni permezz ta’ reviżjoni ta’ dik id-Direttiva u jenħtieġ li tippreżenta proposta għall-implimentazzjoni ta’ CORSIA, kif xieraq, konsistenti mal-iżgurar tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-impenn tal-Unjoni li tnaqqas il-gassijiet b’effett ta’ serra fl-ekonomija kollha sal-2030, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915, wara t-tieni inċiż jiddaħħal l-inċiż li ġej:
“— |
bil-ħsieb li jitqies l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-emissjonijiet tal-2020, taċċetta li l-valuri tal-emissjonijiet li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-fatturi ta’ żieda stabbiliti minn CORSIA jiġu emendati sabiex jirreferu għal-livelli tal-emissjonijiet tal-2019.”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
A. METELKO-ZGOMBIĆ
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 tat-30 ta’ Mejju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta’ miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali (ĠU L 153, 10.6.2016, p. 32).
(2) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).