Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0722

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/722 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat tal-Kontroll mill-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-kontroll mill-Istat tal-port, matul il-perijodu 2020-2024

ST/7462/2020/INIT

ĠU L 171, 2.6.2020, pp. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/722(1)/oj

2.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 171/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/722

tad-19 ta’ Mejju 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat tal-Kontroll mill-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-kontroll mill-Istat tal-port, matul il-perijodu 2020-2024

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistabbilixxi r-reġim legali tal-Unjoni dwar il-kontroll mill-Istat tal-port, filwaqt li tifformula mill-ġdid u ssaħħaħ il-leġislazzjoni preċedenti tal-Unjoni li ilha fis-seħħ f'dan il-qasam mill-1995. Ir-reġim legali tal-Unjoni dwar il-kontroll mill-Istat tal-port huwa bbażat fuq il-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port (il-"MtQ ta' Pariġi"), li ġie ffirmat f'Pariġi fis-26 ta' Jannar 1982.

(2)

Fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni, id-Direttiva 2009/16/KE ġġib b'mod effettiv il-proċeduri, l-istrumenti u l-attivitajiet tal-MtQ ta' Pariġi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Bis-saħħa ta' dik id-Direttiva, ċerti deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat tal-Kontroll mill-Istat tal-Port stabbilit taħt it-Taqsima 7 tal-MtQ ta' Pariġi ("PSCC") isiru vinkolanti għall-Istati Membri tal-Unjoni.

(3)

Il-PSCC jiltaqa' kull sena. Matul id-deliberazzjonijiet tiegħu jiddeċiedi dwar ċerti kwistjonijiet li jkollhom effetti legali.

(4)

Skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni f'korp stabbilit bi ftehim, meta dak il-korp jiġi biex jadotta atti li jkollhom effetti legali, għandha tiġi adottata permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni.

(5)

Ir-regoli interni tal-MtQ ta' Pariġi jagħmluha diffiċli li tiġi stabbilita pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 218(9) TFUE b'mod f'waqtu għal kull laqgħa annwali tal-PSCC. Għalhekk ikun effiċjenti li tali pożizzjoni tiġi stabbilita fuq bażi multiannwali u li tkun tikkonsisti minn prinċipji gwida u orjentazzjonijiet, flimkien ma' qafas għall-ispeċifikazzjonijiet tagħha minn sena għall-oħra. Barra minn hekk, ħafna mis-suġġetti li jiġu diskussi fil-laqgħat annwali tal-PSCC jikkonċernaw kwistjonijiet ta' kontroll mill-Istat tal-port li ġeneralment huma koperti minn att legali uniku tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/16/KE. Għaldaqstant, fiċ-ċirkostanzi partikolari li japplikaw għall-MtQ ta' Pariġi, huwa possibbli li tiġi stabbilita pożizzjoni ġenerali li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni għal diversi laqgħat tal-PSCC.

(6)

L-Unjoni mhijiex parti kontraenti tal-MtQ ta' Pariġi. Huwa għalhekk neċessarju li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jaġixxu f'konformità mal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu bid-deċiżjonijiet meħuda mill-PSCC.

(7)

Id-diskussjonijiet tekniċi u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi membri tal-MtQ ta' Pariġi fi ħdan il-PSCC huma ta' importanza kbira biex jiġu żgurati l-effettività u l-funzjonament tajjeb tal-MtQ ta' Pariġi.

(8)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkopri l-perijodu mill-2020 sal-2024,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fi ħdan il-laqgħat annwali tal-Kumitat tal-Kontroll mill-Istat tal-Port ("PSCC") tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port (il-"MtQ ta’ Pariġi") matul il-perijodu 2020-2024, meta l-PSCC jintalab tadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali, għandha tkun f'konformità mal-prinċipji gwida u l-orjentazzjonijiet dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fi ħdan il-PSCC (2).

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjonijiet minn sena għal sena tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fi ħdan il-laqgħat annwali tal-PSCC tal-MtQ ta' Pariġi, matul il-perijodu 2020-2024, għandha tiġi stabbilita f'konformità mar-regoli proċedurali li jirregolaw l-ispeċifikazzjonijiet minn sena għal sena tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fi ħdan il-PSCC (3).

Artikolu 3

L-Istati Membri li huma marbuta mill-MtQ ta' Pariġi għandhom jaġixxu skont il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni kif imsemmi fl-Artikoli 1 u 2, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Din għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2024.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(2)  Ara d-dok. ST 7465/20, il-punt I, fuq is-sitweb http://register.consilium.europa.eu.

(3)  Ara d-dok. ST 7465/20, il-punt II, fuq is-sitweb http://register.consilium.europa.eu.


Top