Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R2197

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/2197 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1387/2013 li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti agrikoli u industrijali

    ST/14529/2019/INIT

    ĠU L 335, 27.12.2019, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R2278

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2197/oj

    27.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 335/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2019/2197

    tad-19 ta’ Diċembru 2019

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1387/2013 li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti agrikoli u industrijali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata l-provvista suffiċjenti u mingħajr interruzzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli u industrijali li mhumiex disponibbli fl-Unjoni u b'hekk jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fis-suq għal dawk il-prodotti, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni (“TDK”) fuq dawk il-prodotti ġew sospiżi mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1387/2013 (1). Dawk il-prodotti jistgħu jiġu importati fl-Unjoni b'rati ta' dazju mnaqqsa jew żero.

    (2)

    Il-produzzjoni tal-Unjoni ta’ ċerti prodotti li mhumiex elenkati fl-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1387/2013 mhix adegwata jew ma teżistix. Għalhekk huwa fl-interess tal-Unjoni li tissospendi għalkollox id-dazji tat-TDK fuq dawk il-prodotti.

    (3)

    Bil-ħsieb li tiġi promossa l-produzzjoni integrata tal-batteriji fl-Unjoni u f’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2018 intitolata “L-Ewropa Attiva — Il-Mobbiltà Sostenibbli għall-Ewropa: sikura, konnessa u nadifa”, jenħtieġ li tingħata sospensjoni parzjali tad-dazji TDK għal ċerti prodotti li mhumiex elenkati fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1387/2013. Barra minn hekk, jenħtieġ li tingħata sospensjoni parzjali biss tad-dazji TDK fir-rigward ta’ ċerti prodotti relatati mal-batteriji li bħalissa huma soġġetti għal sospensjonijiet sħaħ. Id-data stabbilita għar-rieżami obbligatorju ta' dawk is-sospensjonijiet jenħtieġ li tkun il-31 ta’ Diċembru 2020 sabiex ikun jista’ jsir rieżami fil-pront tagħhom b'kunsiderazzjoni tal-evoluzzjoni tas-settur tal-batteriji fl-Unjoni.

    (4)

    Huwa neċessarju li tiġi modifikata d-deskrizzjoni tal-prodott ta’ ċerti sospensjonijiet tad-dazju TDK elenkati fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1387/2013 sabiex jitqiesu l-iżviluppi tekniċi tal-prodott u tax-xejriet ekonomiċi fis-suq.

    (5)

    Sar rieżami ta' 334 sospensjoni tad-dazju TDK elenkati fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1387/2013. Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti dati ġodda għar-rieżami obbligatorju li jmiss.

    (6)

    Għal ċerti sospensjonijiet tad-dazju TDK elenkati fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1387/2013, il-klassifikazzjoni tal-prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (NM) inbidlet. Għalhekk jenħtieġ li fis-sospensjonijiet għal dawk il-prodotti, jinbiddlu l-kodiċijiet tan-NM applikabbli u s-subintestaturi TARIC.

    (7)

    Ma għadux fl-interess tal-Unjoni li żżomm is-sospensjonijiet tad-dazji tat-TDK għal ċerti prodotti elenkati fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1387/2013. Għalhekk jenħtieġ li s-sospensjonijiet għal dawk il-prodotti jitneħħew. Barra minn hekk, skont il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2011 rigward is-sospensjonijiet u l-kwoti tariffarji awtonomi, għal raġunijiet prattiċi t-talbiet għal sospensjonijiet jew kwoti tariffarji fejn huwa stmat li l-ammont ta’ dazji doganali mhux miġbura huwa inqas minn EUR 15 000 fis-sena ma jistgħux jiġu kkunsidrati. Ir-rieżami obbligatorju tas-sospensjonijiet eżistenti indika li l-importazzjonijiet fir-rigward ta' 70 prodott elenkati fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1387/2013 ma jilħqux dak il-limitu stabbilit. Għaldaqstant, dawk is-sospensjonijiet jenħtieġ li jiġu rtirati. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu rtirati tliet sospensjonijiet oħra b’riżultat tal-implimentazzjoni tal-ftehim fil-forma tad-Dikjarazzjoni dwar l-Espansjoni tal-Kummerċ fil-Prodotti tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (2), li naqqset ir-rata tad-dazju għall-prodotti kkonċernati għal żero.

    (8)

    Huwa xieraq li jinħoloq numru tas-serje uniku għal kull sospensjoni ta' dazju tat-TDK elenkat fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1387/2013 sabiex dawk is-sospensjonijiet ikunu jistgħu jiġu identifikati aħjar.

    (9)

    Fl-interess taċ-ċarezza, u filwaqt li jitqies in-numru ta’ emendi li jridu jsiru, l-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1387/2013 jenħtieġ li jiġi sostitwit.

    (10)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1387/2013 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Sabiex tiġi evitata kwalunkwe interruzzjoni tal-applikazzjoni tal-iskema tas-sospensjonijiet awtonomi u biex ikun hemm konformità mal-linji gwida stabbiliti fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2011 rigward is-sospensjonijiet u l-kwoti tariffarji awtonomi, il-bidliet previsti f'dan ir-Regolament dwar is-sospensjonijiet tat-tariffi għall-prodotti kkonċernati jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta' Jannar 2020. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1387/2013 huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2020.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Settembru 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. MIKKONEN


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1387/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti agrikoli u industrijali u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1344/2011 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 201).

    (2)  ĠU L 161, 18.6.2016, p. 4.


    Top