Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1919

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1919 tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania

    ST/12929/2019/INIT

    ĠU L 297I, 18.11.2019, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1919/oj

    Related international agreement

    18.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 297/5


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2019/1919

    tat-8 ta’ Novembru 2019

    dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), li ġie approvat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006 (2), daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Awwissu 2008.

    (2)

    Il-Protokoll għall-Ftehim, li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim, li daħal fis-seħħ fl-istess jum għal perjodu ta’ sentejn, ġie sostitwit diversi drabi.

    (3)

    Il-Protokoll għall-Ftehim li bħalissa huwa fis-seħħ (3) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2019.

    (4)

    Fit-8 ta’ Lulju 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għall-konklużjoni ta’ ftehim ġdid ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli u protokoll li jimplimenta dak il-Ftehim.

    (5)

    Sa ma jitlestew dawk in-negozjati, il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar l-estensjoni, għal perjodu massimu ta’ sena, tal-Protokoll (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri”). Fit-tmiem ta’ dawn in-negozjati, il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri ġie inizjalat fl-4 ta’ Settembru 2019.

    (6)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1918 (4), il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri ġie ffirmat fit-13 ta’ Novembru 2019.

    (7)

    Jenħtieġ li jiġi ddefinit il-metodu għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għall-perjodu tal-applikazzjoni tal-estensjoni tal-Protokoll.

    (8)

    Skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jekk ikun jidher li l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni taħt protokoll ma jintużawx kollha, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati u għandha titlobhom jikkonfermaw li mhumiex qed jagħmlu użu minn dawk l-opportunitajiet tas-sajd. In-nuqqas ta’ risposta fil-limiti tal-iskadenza li għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhumiex qed jagħmlu użu mill-opportunitajiet tas-sajd tagħhom fil-perjodu speċifiku. Jenħtieġ li tiġi stabbilita din l-iskadenza.

    (9)

    Jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-opportunitajiet tas-sajd

    1.   L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, għall-perjodu tal-applikazzjoni tal-estensjoni tal-Protokoll, għandhom ikunu allokati fost l-Istati Membri kif ġej:

    (a)

    il-kategorija nru 1 — bastimenti tas-sajd li jistadu għall-krustaċji ħlief għall-awwista u għall-granċ:

    Spanja

    4 150 tunnellata;

    l-Italja

    600 tunnellata;

    il-Portugall

    250 tunnellata.

    F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ 25 bastiment fl-ilmijiet tal-Mauritania;

    (b)

    il-kategorija nru 2 — bastimenti tat-tkarkir (mingħajr friża) u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ għall-merluzz l-iswed:

    Spanja

    6 000 tunnellata.

    F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ sitt bastimenti fl-ilmijiet tal-Mauritania;

    (c)

    il-kategorija nru 3 — bastimenti tas-sajd għall-ispeċijiet tal-ħut tal-qiegħ minbarra l-merluzz l-iswed, b’irkaptu ieħor mhux bix-xbieki tat-tkarkir:

    Spanja

    3 000 tunnellata.

    F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ sitt bastimenti fl-ilmijiet tal-Mauritania;

    (d)

    il-kategorija nru 4 — bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni (12 500 tunnellata — tunnellaġġ ta’ referenza):

    Spanja

    17-il liċenzja annwali;

    Franza

    8 liċenzji annwali;

    (e)

    il-kategorija nru 5 — bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasba u bastimenti tas-sajd bil-konz (7 500 tunnellata — tunnellaġġ ta’ referenza):

    Spanja

    14-il liċenzja annwali;

    Franza

    liċenzja annwali waħda;

    (f)

    il-kategorija nru 6 — bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża użati għas-sajd għall-ħut pelaġiku:

    il-Ġermanja

    12 560 tunnellata;

    Franza

    2 615 -il tunnellata;

    il-Latvja

    53 913 -il tunnellata;

    il-Litwanja

    57 642 tunnellata;

    in-Netherlands

    62 592 tunnellata;

    il-Polonja

    26 112-il tunnellata;

    ir-Renju Unit

    8 531 tunnellata;

    l-Irlanda

    8 535 tunnellata.

    Matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-estensjoni tal-Protokoll, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għadd ta’ liċenzji ta’ tliet xhur li ġej:

    il-Ġermanja

    4;

    Franza

    2;

    il-Latvja

    20;

    il-Litwanja

    22;

    in-Netherlands

    16;

    il-Polonja

    8;

    ir-Renju Unit

    2;

    l-Irlanda

    2.

    L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni jekk ċerti liċenzji jkunu jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ Stati Membri oħrajn.

    F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ 19-il bastiment fl-ilmijiet tal-Mauritania;

    (g)

    il-kategorija nru 7 — bastimenti tas-sajd mingħajr friża għall-ħut pelaġiku:

    l-Irlanda

    15 000 tunnellata.

    F’każ li ma jintużawx, dawn l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ttrasferiti għall-kategorija nru 6 skont il-metodu għall-allokazzjoni ta’ dik il-kategorija;

    (h)

    il-kategorija nru 2a — bastimenti tat-tkarkir (mgħammra bi friża) użati għas-sajd għall-merluzz l-iswed:

    Spanja:

    merluzz iswed

    3 500 tunnellata;

    klamar

    1 450 tunnellata;

    siċċ

    600 tunnellata.

    F’din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jista’ jkun hemm għadd massimu ta’ sitt bastimenti fl-ilmijiet tal-Mauritania.

    2.   L-iskadenza prevista fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2017/2403 sa fejn l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkonfermaw li mhumiex qed jagħmlu użu mill-opportunitajiet tas-sajd li jkunu ngħatawlhom taħt il-Protokoll għandha tkun ta’ għaxart ijiem tax-xogħol mid-data meta l-Kummissjoni tgħarrafhom li l-opportunitajiet tas-sajd mhumiex qed jintużaw għal kollox.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. ANDERSSON


    (1)  ĠU L 343, 8.12.2006, p. 4.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006 tat-30 ta’ Novembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (ĠU L 343, 8.12.2006, p. 1).

    (3)  Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta’ erba’ snin (ĠU L 315, 1.12.2015, p. 3 ).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1918 tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, li se jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2019 (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).


    Top