This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R0357
Commission Delegated Regulation (EU) 2019/357 of 13 December 2018 supplementing Regulation (EU) 2015/2365 of the European Parliament and of the Council with regard to regulatory technical standards on access to details of securities financing transactions (SFTs) held in trade repositories (Text with EEA relevance.)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/357 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-aċċess għal dettalji ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFT) miżmuma f'repożitorji tat-tranżazzjonijiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/357 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-aċċess għal dettalji ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFT) miżmuma f'repożitorji tat-tranżazzjonijiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
C/2018/8330
ĠU L 81, 22.3.2019, p. 22–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Completion | 32015R2365 | 11/04/2019 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32019R0357R(01) | (IT) |
22.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 81/22 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/357
tat-13 ta' Diċembru 2018
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-aċċess għal dettalji ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFT) miżmuma f'repożitorji tat-tranżazzjonijiet
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-punti (c) u (d) tal-Artikolu 12(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jitlob li l-entitajiet elenkati f'dak l-Artikolu jkollhom aċċess għad-dettalji tal-SFT sabiex dawn ikunu jistgħu jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom. Għalhekk huwa essenzjali li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikunu jistgħu jidentifikaw b'mod preċiż il-kontropartijiet u t-tranżazzjonijiet ikkonċernati. L-aċċess provdut mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jinkludi aċċess għad-dettalji tal-SFT konklużi minn kontroparti, irrispettivament minn jekk dik il-kontroparti hix impriża prinċipali jew sussidjarja ta' impriża oħra, jew jekk din l-informazzjoni tikkonċernax tranżazzjonijiet konklużi permezz ta' fergħa partikolari ta' kontroparti, diment li l-aċċess mitlub jikkonċerna l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-entità. |
(2) |
Ħafna mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 għandhom mandati u ħtiġijiet diversi u differenti. Biex jiġi evitat li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikollhom jivverifikaw kontinwament taħt liema mandat u għal liema ħtieġa speċifika entità titlob aċċess, u b'hekk ikunu evitati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għal dawk ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, huwa adatt li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jipprovdu aċċess uniku għal kull entità, li jenħtieġ li jkopri l-mandati u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull entità. |
(3) |
Il-mandati u r-responsabbiltajiet tal-Awtorità Ewropea dwar it-Titoli u s-Swieq (ESMA) fir-rigward tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 11 tar-Regolament (UE) 2015/2365 u jkopru, fost oħrajn, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Superviżjoni effettiva teħtieġ li l-ESMA jkollha aċċess sħiħ għad-dettalji kollha tal-SFT kollha miżmuma mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha. |
(4) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) huma parti mis-Sistema Ewropea għas-Superviżjoni Finanzjarja u għandhom, fir-rigward tal-istabilità finanzjarja u tar-riskju sistemiku, mandati u responsabbiltajiet li huma simili ħafna għal dawk tal-ESMA. Huwa għalhekk importanti li dawn l-awtoritajiet ikollhom aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT kollha, bħall-ESMA. |
(5) |
Minħabba l-konnessjoni mill-qrib bejn l-SFT u l-politika monetarja, membru tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), kif imsemmi fl-Artikolu 12(2)(f) tar-Regolament (UE) 2015/2365, għandu jkollu aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT li għandhom x'jaqsmu mal-munita maħruġa minn dak il-membru tas-SEBĊ, u b'mod iktar speċifiku, id-dettalji kollha tal-SFT li s-self tagħhom jew il-kollateral huwa espress fil-munita maħruġa minn dak il-membru tas-SEBĊ. |
(6) |
Ċerti entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 huma responsabbli għall-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja. It-twettiq xieraq tal-kompiti tagħhom relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, jeħtieġ li dawn l-entitajiet ikollhom aċċess għal spettru wiesa' ta' poperaturi tas-suq, għal ċentri tan-negozjar u għad-dettalji l-iktar komprensivi u granulari tal-SFT disponibbli fil-qasam tar-responsabbiltà tagħhom, li jista' jkun, skont l-entità kkonċernata, Stat Membru, iż-żona tal-euro, jew l-Unjoni. |
(7) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (2) stabbilixxa Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jiżgura li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ikollu aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT konklużi minn xi kontroparti li, fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku, huwa soġġett għas-superviżjoni tal-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. |
(8) |
Il-mandat u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-awtoritajiet tat-titoli u s-swieq tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(2)(i) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jirrikjedu li dawn l-awtoritajiet jingħataw aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha li jirrappreżentaw tranżazzjonijiet, jew li huma relatati ma' swieq, it-titoli mislufa jew mogħtija bħala kollateral, il-parametri referenzjarji użati bħala referenza, u l-kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta' dik l-awtorità |
(9) |
Skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jingħataw mezzi effettivi ta' azzjoni fir-rigward ta' dawk l-entitajiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1) ta' dik id-Direttiva biex jipprevjenu l-kontaġju. Kull awtorità ta' riżoluzzjoni jenħtieġ għalhekk li jkollha aċċess għad-dettalji tal-SFT irrapportati minn dawk l-entitajiet. |
(10) |
Skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni, b'mod partikolari permezz tat-tfassil ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament. Sabiex il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jkun jista' jfassal dawk il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni, repożitorju tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jipprovdi lill-Bord b'aċċess għad-dettalji tal-SFT konklużi minn kull kontroparti li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014. |
(11) |
L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 12(2)(m) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jinkludu, fost l-oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u għas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, ditti tal-investiment, kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, UCITS, AIFMs, fondi tal-pensjonijiet okkupazzjonali, depożitorji ċentrali tat-titoli u kontropartijiet mhux finanzjarji. Biex tippermetti lil dawn l-awtoritajiet biex jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom b'mod effikaċi, huma għandu jkollhom aċċess għad-dettalji tal-SFT irrapportati minn kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. |
(12) |
L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 12(2)(m) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jinkludu, fost l-oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-kontropartijiet ċentrali. Biex jippermettu lil dawn l-awtoritajiet li jwettqu l-kompitu tagħhom b'mod effikaċi, huma għandu jkollhom aċċess għad-dettalji tal-SFT dwar kontropartijiet ċentrali taħt is-superviżjoni tagħhom. |
(13) |
Sabiex tiġi żgurata standardizzazzjoni u konsistenza ta' aċċess għad-dettalji tal-SFT u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv kemm għall-awtoritajiet li għandhom aċċess għal dawk id-dettalji u għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet li jkollhom dawk id-dettalji, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom isegwu proċedura speċifika biex jistabbilixxu t-termini u l-kondizzjonijiet li skonthom jingħata l-aċċess, b'mod partikolari t-twaqqif ta' dak l-aċċess u l-arranġamenti operazzjonali kurrenti. |
(14) |
Sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tad-dettalji tal-SFT, jenħtieġ li kwalunkwe tip ta' skambju ta' dejta bejn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u l-awtoritajiet ikkonċernati jitwettaq permezz ta' konnessjoni sigura minn magna għal magna u bl-użu ta' protokolli ta' kriptaġġ tad-dejta. |
(15) |
Biex tippermetti t-tqabbil u l-aggregazzjoni effiċjenti u effettiva ta' dettalji tal-SFT bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, jenħtieġ li jintużaw mudelli f'format XML u messaġġi XML żviluppati skont il-metodoloġija tal-ISO 20022 biex jipprovdu aċċess għal dawk id-dettalji u għall-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. |
(16) |
Sabiex l-awtoritajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 ikunu jistgħu jwettqu investigazzjonijiet immirati, huwa essenzjali li jiġi ffaċilitat aċċess dirett u immedjat għal settijiet ta' dejta speċifiċi u b'hekk jiġi stabbilit sett ta' mistoqsijiet ad hoc li jirreferu għall-kontropartijiet għall-SFT, it-tip tal-SFT, l-orizzont ta' żmien għall-eżekuzzjoni, il-maturità u t-tmiem tal-SFT, kif ukoll l-istadju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-SFT. |
(17) |
Biex jippermettu aċċess dirett u immedjat għad-dettalji tal-SFT u jkun iffaċilitat l-iskedar tal-proċessi interni għall-awtoritajiet konċernati u għar-repożitorji tad-dejta, l-iskadenzi sa meta r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jagħtu aċċess lill-awtoritajiet għal dawk id-dettalji tal-SFT għandhom jiġu armonizzati. |
(18) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ippreżentat mill-ESMA lill-Kummissjoni skont il-proċedura tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 (5). |
(19) |
L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq tal-ESMA stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-dettalji tal-SFT li għandhom isiru aċċessibbli
Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jiżgura li d-dettalji tal-SFT aċċessibbli għal kull entità elenkata fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 skont l-Artikolu 3 jinkludu d-dejta li ġejja:
(a) |
ir-rapporti tal-SFT irrapportati skont it-Tabelli 1 sa 4 tal-Anness għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/356 (6), inklużi l-aħħar stati ta' kummerċ tal-SFT li ma jkunux immaturaw jew li ma kinux is-suġġett ta' rapporti b'tipi ta' azzjoni “Errur”, “Terminazzjoni/Terminazzjoni bikrija”, jew “Komponent ta' pożizzjoni” kif imsemmi fil-Kaxxa 98 tat-Tabella 2 tal-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/363 (7); |
(b) |
id-dettalji rilevanti ta' rapporti SFT irrifjutati permezz tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, inkluż kwalunkwe rapporti SFT irrifjutati matul il-jum tax-xogħol ta' qabel u r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom, kif speċifikat skont it-Tabella 2 tal-Anness I għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/358 (8); |
(c) |
l-istatus tar-rikonċiljazzjoni tal-SFT irrappurtati kollha li għalihom ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun wettaq rikonċiljazzjoni skont ir-Regolament Delegat (UE) 2019/358, ħlief dawk l-SFT li skadew jew li għalihom l-SFT jirrapporta b'tipi ta' azzjoni “Errur”, “Terminazzjoni/Terminazzjoni bikrija”, jew “Komponent ta' pożizzjoni” kienu rċevuti iktar minn xahar qabel id-data li fiha jseħħ il-proċess ta' rikonċiljazzjoni. |
Artikolu 2
Aċċess uniku
Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lill-entitajiet li għandhom diversi responsabbiltajiet jew mandati skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'mekkaniżmu uniku ta' aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT koperti minn dawk ir-responsabbiltajiet u l-mandati.
Artikolu 3
Aċċess għad-dettalji tal-SFT skont il-mandat u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull awtorità kkonċernata
1. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-ESMA b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT kollha biex teżerċita l-kompetenzi superviżorji tagħha skont ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħha.
2. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdu lill-EBA, lill-EIOPA u lill-BERS b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT kollha.
3. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil awtorità li tagħmel is-superviżjoni taċ-ċentri tan-negozjar b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT eżegwiti f'dawk iċ-ċentri tan-negozjar.
4. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil membru tas-SEBĊ li l-munita tal-Istat Membru hi l-euro u lill-BĊE b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT:
(a) |
jekk it-titoli mislufa jew missellfa jew mogħtija bħala kollateral inħarġu minn entità stabbilita fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jew f'isimha; |
(b) |
jekk it-titoli mislufa jew missellfa jew mogħtija bħala kollateral huma dejn sovran ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro; |
(c) |
fejn il-munita mislufa jew mogħtija bħala kollateral hija l-euro. |
5. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu pprovdi lil membru tas-SEBĊ li l-munita tal-Istat Membru mhijiex il-euro b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT:
(a) |
jekk it-titoli mislufa jew missellfa jew mogħtija bħala kollateral inħarġu minn entità stabbilita fl-Istat Membru ta' dak il-membru tas-SEBĊ jew f'ismu; |
(b) |
jekk it-titoli mislufa jew missellfa jew mogħtija bħala kollateral huma dejn sovran tal-Istat Membru ta' dak il-membru tas-SEBĊ; |
(c) |
fejn il-munita mislufa jew mogħtija bħala kollateral hija l-munita maħruġa minn dak il-membru tas-SEBĊ. |
6. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil awtorità elenkata fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365, li timmonitorja r-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fiż-Żona tal-Euro, b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT konklużi f'ċentri tan-negozjar, jew minn kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-awtorità meta tkun qiegħda twettaq monitoraġġ tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi wkoll lil dik l-awtorità b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT tal-fergħat kollha tal-kontropartijiet stabbiliti f'pajjiż terz li joperaw fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro.
7. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil awtorità elenkata fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365, li timmonitorja r-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja u li l-munita tal-Istat Membru tagħha mhux il-euro, b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT konklużi f'ċentri tan-negozjar, jew minn kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-awtorità meta tkun qiegħda twettaq monitoraġġ tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhux il-euro. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi wkoll lil dik l-awtorità b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha tal-fergħat kollha tal-kontropartijiet stabbiliti f'pajjiż terz li jopera fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità.
8. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-BĊE, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu fil-mekkaniżmu superviżorju uniku skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT konklużi minn xi kontroparti li, fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku, hija soġġetta għas-superviżjoni tal-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.
9. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil awtorità ta' pajjiż terz li fir-rigward tagħha ġie adottat att ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT skont il-mandat tal-awtorità ta' pajjiż terz u r-responsabbiltajiet tal-awtorità f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att ta' implimentazzjoni.
10. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità maħtura skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha li għalihom it-titoli mislufa jew missellfa jew mogħtija bħala kollateral huma titoli maħruġa minn kumpanija li tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin, jew iktar:
(a) |
il-kumpanija tkun ammessa għall-kummerċ f'suq regolat stabbilit fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità u l-offerti ta' akkwiżizzjoni fuq it-titoli ta' din il-kumpannija jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta' dik l-awtorità; |
(b) |
il-kumpanija għandha l-uffiċċju reġistrat jew l-uffiċċju prinċipali fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità u l-offerti ta' akkwiżizzjoni fuq it-titoli ta' din il-kumpanija jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta' dik l-awtorità; |
(c) |
il-kumpanija hija offerent kif definit fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2004/25/KE għal kumpaniji msemmija fil-punti (a) jew (b) u l-korrispettiv li toffri jinkludi titoli. |
11. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi awtorità kif imsemmi fl-Artikolu 12(2)(i) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha li jirrappreżentaw tranżazzjonijiet, jew li huma relatati ma' swieq, it-titoli mislufa jew mogħtija bħala kollateral, il-parametri referenzjarji użati bħala referenza, u l-kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta' dik l-awtorità. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi wkoll lil dik l-awtorità b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha tal-fergħat kollha tal-kontropartijiet stabbiliti f'pajjiż terz li jopera fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità.
12. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha fejn il-komodità mislufa jew misselfa bħala kollateral hija l-enerġija.
13. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità tar-riżoluzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 12(2)(k) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha konklużi minn:
(a) |
kontroparti li taqa' taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-awtorità; |
(b) |
fergħa ta' kontroparti stabbilita f'pajjiż terz li topera fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità ta' riżoluzzjoni u taqa' taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħha. |
14. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha konklużi minn xi kontroparti li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.
15. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità kompetenti elenkata fl-Artikolu 12(2)(m) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha konklużi minn:
(a) |
kontroparti li taqa' taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-awtorità; |
(b) |
fergħa ta' kontroparti stabbilita f'pajjiż terz li topera fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità kompetenti u taqa' taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħha. |
16. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil awtorità ta' superviżjoni ta' kontroparti ċentrali (CCP) u lill-membru tas-SEBĊ li jkun qed jagħmel is-superviżjoni ta' dik is-CCP b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha kklirjati jew konklużi minn dik is-CCP.
Artikolu 4
It-twaqqif tal-aċċess għad-dettalji tal-SFT
1. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu:
(a) |
jinnomina persuna jew persuni responsabbli biex jikkollaboraw mal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365; |
(b) |
jippubblika fuq is-sit elettroniku tiegħu l-istruzzjonijiet li l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 għandhom isegwu biex jaċċessaw id-dettalji ta' SFT; |
(c) |
jipprovdi lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'formola kif imsemmi fil-paragrafu 2; |
(d) |
iwaqqaf aċċess għad-dettalji tal-SFT mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 ibbażata biss fuq informazzjoni li tinsab fil-formola pprovduta; |
(e) |
jistabbilixxi l-arranġamenti tekniċi meħtieġa għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 biex jaċċessaw id-dettalji ta' SFT skont l-Artikolu 5. |
(f) |
jipprovdi lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'aċċess dirett u immedjat għad-dettalji tal-SFT fi żmien tletin jum kalendarju wara li dik l-entità tkun ressqet talba għat-twaqqif ta' tali aċċess; |
2. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jħejji formola li għandha tintuża mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 meta jippreżentaw talba għat-twaqqif ta' aċċess għad-dettalji ta' SFT. Din il-formola għandu jkun fiha l-entrati li ġejjin:
(a) |
isem l-entità; |
(b) |
il-persuna ta' kuntatt fl-entità; |
(c) |
ir-responsabbiltajiet u l-mandati legali tal-entità; |
(d) |
lista ta' utenti awtorizzati tad-dettalji mitluba tal-SFT; |
(e) |
kredenzjali għal konnessjoni tal-FTP tal-SSH sigur; |
(f) |
informazzjoni teknika oħra rilevanti tal-aċċess tal-entità għad-dettalji tal-SFT. |
(g) |
jekk l-entità tkunx kompetenti għal kontropartijiet fl-Istat Membru tagħha, iż-żona tal-euro jew l-Unjoni; |
(h) |
it-tipi ta' kontropartijiet li għalihom l-entità tkun kompetenti skont il-klassifikazzjoni fit-Tabella 1 tal-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/363; |
(i) |
it-tipi ta' SFT li huma taħt superviżjoni mill-entità; |
(j) |
l-Istati Membri kollha fejn l-emittent ta' titoli li jkunu ġew mislufa jew misselfa jew ipprovduti bħala kollateral hu taħt superviżjoni mill-entità, jekk ikun hemm; |
(k) |
l-Istati Membri kollha fejn il-komoditajiet li jkunu ġew mislufa jew misselfa jew ipprovduti bħala kollateral huma taħt superviżjoni mill-entità, jekk ikun hemm; |
(l) |
iċ-ċentri ta' negozjar li jkunu taħt superviżjoni mill-entità, jekk ikun hemm; |
(m) |
is-CCPs li huma taħt superviżjoni jew issorveljati mill-entità, jekk ikun hemm; |
(n) |
il-munita li tinħareġ mill-entità, jekk ikun hemm; |
(o) |
il-punti referenzjarji użati fl-Unjoni, li l-entità hija kompetenti għall-amministratur tagħhom, jekk ikun hemm. |
Artikolu 5
Arranġamenti operazzjonali għal aċċess għad-dettalji tal-SFTs
1. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jagħmel manutenzjoni tal-arranġamenti tekniċi neċessarji biex jippermetti li l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jaqbdu mar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet permezz ta' interfaċċja sikura bejn magna u oħra.
Għall-fini tal-ewwel subparagrafu, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu juża protokoll tat-trasferiment tal-fajls tal-SSH u mesaġġi XML standardizzat żviluppat skont il-metodoloġija tal-ISO 20022 biex jikkomunikaw permezz ta' din l-interfaċċja.
2. Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jmantni l-arranġamenti tekniċi biex jippermetti li l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jistabbilixxu talbiet perjodiċi predefiniti għall-aċċess skont l-Artikoli 1, 2 u 3, għal dettalji ta' SFTs, li huma neċessarji għal dawk l-entitajiet biex jissodisfaw ir-reponsabbiltajiet u l-mandati tagħhom.
3. Fuq talba, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi aċċess għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'aċċess għal kwalunkwe SFT li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom skont l-Artikolu 3, abbażi ta' kwalunkwe kombinazzjoni ta' dawn l-entrati li ġejjin kif imsemmi fl-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/363:
(a) |
kronogramma tar-rappurtar; |
(b) |
il-kontroparti li tirrapporta; |
(c) |
kontroparti oħra; |
(d) |
fergħa tal-kontroparti li tirrapporta; |
(e) |
fergħa tal-kontroparti l-oħra; |
(f) |
settur tal-kontroparti li tirrapporta; |
(g) |
natura tal-kontroparti li tirrapporta; |
(h) |
sensar; |
(i) |
entità li tissottometti r-rapport; |
(j) |
benefiċjarju; |
(k) |
tip ta' SFT; |
(l) |
it-tip ta' komponent kollateral; |
(m) |
ċentru tan-negozjar; |
(n) |
kronogramma tal-eżekuzzjoni; |
(o) |
data tal-maturità; |
(p) |
data tat-terminazzjoni; |
(q) |
CCP; |
(r) |
tip ta' azzjoni. |
4. Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jmantni l-kapaċità teknika li jipprovdi aċċess dirett u immedjat għad-dettalji ta' SFT li huma neċessarji biex l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jissodisfaw il-mandati u r-responsabbiltqajiet tagħhom. L-aċċess għal dawk id-dettalji tal-SFTs għandu jkun ipprovdut f'konformità mal-iskadenzi li ġejjin:
(a) |
fejn jintalab aċċess għad-dettalji ta' SFTs pendenti, jew ta' SFTs li jew ikunu mmaturaw jew li għalihom hemm rapporti b'tip ta' azzjoni “Errur”, “Terminazzjoni/Terminazzjoni bikrija”, jew “Komponent ta' Pożizzjoni” kif imsemmi fil-Kaxxa 98 tat-Tabella 2 tal-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/363 saru mhux iktar minn sena qabel id-data li fiha tressqet it-talba: sa mhux iktar tard mill-12: 00 il-Ħin Universali Kkordinat fl-ewwel jum kalendarju wara l-jum li fih titressaq it-talba għal aċċess. |
(b) |
fejn jintalab aċċess għad-dettalji ta' SFT li jew ikunu immaturaw jew li għalihom hemm rapporti b'tip ta' azzjoni “Errur”, “Terminazzjoni/Terminazzjoni bikrija”, jew “Komponent ta' Pożizzjoni” kif imsemmi fil-Kaxxa 98 tat-Tabella 2 tal-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/363 saru iktar minn sena qabel id-data li fiha tressqet it-talba: mhux iktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol wara li tressqet it-talba għal aċċess. |
(c) |
meta jintalab l-aċċess għad-dettalji ta' SFT li jaqgħu taħt il-punti (a) u (b): mhux iktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol wara li tressqet it-talba għal aċċess. |
5. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jikkonferma l-irċevuta u jivverifika il-korrettezza u l-kompletezza ta' kwalunkwe talba għal aċċess għad-dettalji tal-SFT mressqa mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 u għandu jinnotifika lil dawk l-entitajiet bir-riżultati tal-verifika sa mhux iktar tard minn sittin minuta wara li tkun tressqet it-talba.
6. Ir-repożitorju tad-dejta għandu juża firma elettronika u protokolli ta' kriptaġġ tad-dejta biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-protezzjoni tad-dejta li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365.
Artikolu 6
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
(3) Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(6) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/356 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFTs) li għandhom jiġu rrapportati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (Ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(7) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/363 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-format u l-frekwenza tar-rapporti dwar id-dettalji ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda Regolament (UE) Nru 1247/2012 rigward l-użu ta' kodiċi ta' rapportar fir-rapportar tal-kuntratti tad-derivati (Ara l-paġna 85 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(8) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/358 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar il-ġbir, il-verifika, l-aggregazzjoni, il-paragun u l-pubblikazzjoni ta' data dwar tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFT) minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet (Ara l-paġna 30 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(9) Id-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 fuq offerti ta' xiri (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12).