This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R0320
Commission Delegated Regulation (EU) 2019/320 of 12 December 2018 supplementing of Directive 2014/53/EU of the European Parliament and of the Council with regard to the application of the essential requirements referred to in Article 3(3)(g) of that Directive in order to ensure caller location in emergency communications from mobile devices
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/320 tat-12 ta' Diċembru 2018 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 3(3)(g) ta' dik id-Direttiva sabiex jiżgura l-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel f'komunikazzjonijiet ta' emerġenza minn apparat mobbli
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/320 tat-12 ta' Diċembru 2018 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 3(3)(g) ta' dik id-Direttiva sabiex jiżgura l-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel f'komunikazzjonijiet ta' emerġenza minn apparat mobbli
C/2018/8383
ĠU L 55, 25.2.2019, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Completion | 32014L0053 | 17/03/2022 |
25.2.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 55/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/320
tat-12 ta' Diċembru 2018
li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 3(3)(g) ta' dik id-Direttiva sabiex jiżgura l-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel f'komunikazzjonijiet ta' emerġenza minn apparat mobbli
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tagħha,
Billi:
(1) |
Kif iddikjarat fil-premessa 14 tad-Direttiva 2014/53/UE, it-tagħmir tar-radju jista' jkun strumentali fil-provvista tal-aċċess għas-servizzi tal-emerġenza u għalhekk jenħtieġ li, fil-każijiet xierqa, ikun iddisinjat b'mod li jkollu l-karatteristiċi meħtieġa biex jiġu aċċessati dawk is-servizzi. |
(2) |
Is-sistema stabbilita skont il-programm Galileo abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) hija sistema globali ta' navigazzjoni bis-satellita (“GNSS”), kompletament proprjetà tal-Unjoni u kkontrollata minnha, li tipprovdi servizz ta' pożizzjonament preċiż ħafna taħt kontroll ċivili. Is-sistema Galileo tista' tintuża flimkien ma' GNSS oħrajn. |
(3) |
L-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa (3) adottata fl-2016 tħabbar miżuri li jintroduċu l-użu ta' servizzi ta' pożizzjonament u ta' navigazzjoni Galileo fil-mowbajls. |
(4) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta' Diċembru 2017 (4), il-Kunsill appoġġa l-iżvilupp ta' suq downstream b'saħħtu għal applikazzjonijiet u servizzi spazjali, u enfasizza li jenħtieġ li jittieħdu miżuri adegwati, inklużi dawk regolatorji, fejn xieraq, biex tinkiseb il-kompatibbiltà sħiħa tal-apparat mibjugħ fl-Unjoni mas-sistema Galileo u biex jitħeġġeġ l-użu ta' apparati kompatibbli mal-Galileo fis-suq globali. |
(5) |
Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tipprevedi l-iskjerament tan-numru uniku Ewropew għas-sejħiet ta' emerġenza (“112”) fl-Unjoni kollha u tobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu lill-utenti aħħarin b'servizz ta' komunikazzjoni elettronika li jippermetti li jsiru sejħiet lil numru jew diversi numri tal-pjan nazzjonali ta' numerazzjoni, jagħmlu l-informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel disponibbli għall-awtoritajiet li jkunu qed jieħdu ħsieb is-sejħiet ta' emerġenza tal-anqas fir-rigward tan-numru uniku Ewropew tas-sejħiet ta' emerġenza “112”. |
(6) |
Il-mowbajls li jinżammu fl-idejn b'kapaċitajiet tal-informatika avvanzati (“apparat mobbli”) jikkonstitwixxu l-kategorija ta' tagħmir tat-telekomunikazzjoni bir-radju li tintuża l-aktar fl-Unjoni biex isiru sejħiet lin-numru uniku Ewropew għall-emerġenza “112”. |
(7) |
Il-livell ta' preċiżjoni tal-lokalizzazzjoni tat-tagħmir tar-radju li jkun qed jaċċessa servizzi ta' emerġenza huwa fundamentali biex jiżgura li l-aċċess meħtieġ għal dawk is-servizzi ikun effettiv. Attwalment, il-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel f'komunikazzjonijiet ta' emerġenza minn apparat mobbli tiġi stabbilita bl-użu ta' Cell-ID bbażat fuq iż-żona ta' kopertura tat-torri tat-telefonija ċellulari li jkun qed jaqbad mal-apparat mobbli. Iż-żona ta' kopertura tat-torri tat-telefonija ċellullari tvarja minn 100 metru sa diversi kilometri. F'ċerti każijiet, b'mod partikolari fil-muntanji, fil-bliet u f'bini kbir, dan jista' jwassal għal żbalji sinifikanti fil-pożizzjonament ta' min qed iċempel b'emerġenza. |
(8) |
Identifikazzjoni tal-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel ibbażata fuq Cell-ID ikkumplimentata b'informazzjoni Wi-Fi u GNSS tippermetti lokalizzazzjoni ħafna aktar preċiża ta' min qed iċempel u tippermetti sforzi ta' salvataġġ aktar rapidi u aktar effiċjenti, kif ukoll l-aħjar użu tar-riżorsi. |
(9) |
Soluzzjonijiet ibbażati fuq il-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel ibbażati fuq il-GNSS diġà ġew skjerati fi tmien Stati Membri u ċerti pajjiżi terzi. |
(10) |
Fir-rigward tas-sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq is-servizz 112, ir-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) diġà jeżiġi li r-riċevituri f'dawk is-sistemi jkunu kompatibbli mas-servizzi ta' pożizzjonament provduti mis-sistemi Galileo u EGNOS. |
(11) |
Għar-raġunijiet stabbiliti, jenħtieġ li l-apparat mobbli jaqa' wkoll fil-kategorija ta' tagħmir tar-radju li tappoġġa ċerti karatteristiċi li jiżguraw l-aċċess għas-servizzi ta' emerġenza msemmija fl-Artikolu 3(3)(g) tad-Direttiva 2014/53/UE. Jenħtieġ li l-apparat mobbli ġdid ikun kapaċi jipprovdi aċċess għall-informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni Wi-Fi u GNSS fil-komunikazzjonijiet ta' emerġenza u jenħtieġ li l-funzjoni tal-pożizzjonament tal-lokalizzazzjoni tkun kompatibbli u tinteraġixxi mas-servizzi provduti mill-programm Galileo. |
(12) |
Id-Direttiva 2014/53/UE hija limitata għall-espressjoni tar-rekwiżiti essenzjali. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti, hija tipprevedi l-preżunzjoni tal-konformità għat-tagħmir tar-radju li jikkonforma mal-istandards armonizzati volontarji li jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) għall-iskop tal-espressjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati ta' dawk ir-rekwiżiti. |
(13) |
Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) u l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) ġew mitluba jabbozzaw, b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/53/UE, standards armonizzati għat-tagħmir tar-radju (M/536) (8). |
(14) |
Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu provduti b'perjodu ta' żmien suffiċjenti biex jipproċedu bl-adattamenti meħtieġa għall-apparat mobbli li għandhom l-intenzjoni li jqiegħdu fis-suq. Jenħtieġ li xejn f'dan ir-Regolament ma jiġi interpretat bħala li jipprevjeni lill-operaturi ekonomiċi milli jikkonformaw miegħu sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. |
(15) |
Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell tal-esperti, matul ix-xogħol preparatorju tal-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament u kkonsultat il-Grupp ta' Esperti dwar il-Politika Spazjali fil-laqgħat tiegħu tal-14 ta' Novembru 2017 u tal-14 ta' Marzu 2018, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3(3)(g) tad-Direttiva 2014/53/UE għandhom japplikaw għall-mowbajls li jinżammu fl-idejn b'karatteristiċi simili għal dawk ta' kompjuter mil-lat ta' kapaċità biex jittrattaw u jaħżnu d-data.
2. Il-konformità mal-paragrafu 1 għandha tiġi żgurata permezz ta' soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu li tiġi riċevuta u pproċessata data mill-Wi-Fi u data minn Sistemi Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita kompatibbli u interoperabbli tal-anqas mas-sistema Galileo msemmija fir-Regolament (UE) Nru 1285/2013, u li jippermettu li dik id-data tkun disponibbli għat-trażmissjoni fil-komunikazzjonijiet ta' emerġenza.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mis-17 ta' Marzu 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1).
(3) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Spazjali għall-Ewropa (COM (2016)705 final).
(4) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar “L-Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programmi Galileo u EGNOS u tal-prestazzjoni tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea”, 15435/17.
(5) Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51).
(6) Ir-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 77).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).
(8) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5376 final tal-4 ta' Awwissu 2015 dwar talba għal standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni rigward it-tagħmir tar-radju biex tappoġġja d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.