This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R0066
Commission Implementing Regulation (EU) 2019/66 of 16 January 2019 on rules on uniform practical arrangements for the performance of official controls on plants, plant products and other objects in order to verify compliance with Union rules on protective measures against pests of plants applicable to those goods
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/66 tas-16 ta' Jannar 2019 rigward regoli dwar arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali fuq pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti applikabbli għal dik il-merkanzija
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/66 tas-16 ta' Jannar 2019 rigward regoli dwar arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali fuq pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti applikabbli għal dik il-merkanzija
C/2019/65
ĠU L 15, 17.1.2019, p. 1–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/11/2021
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32019R0066R(01) | (FR) | |||
Modified by | 32020R0887 | Sostituzzjoni | artikolu 1 | 19/07/2020 | |
Modified by | 32021R1865 | Sostituzzjoni (FR) | artikolu 1 paragrafu 4 sentenza 1 | 14/11/2021 | |
Modified by | 32021R1865 | Sostituzzjoni (FR) | artikolu 1 paragrafu 1 | 14/11/2021 |
17.1.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 15/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/66
tas-16 ta' Jannar 2019
rigward regoli dwar arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali fuq pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti applikabbli għal dik il-merkanzija
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Jenħtieġ li l-kontrolli uffiċjali fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), isiru minn tal-inqas darba fis-sena. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat kontroll regolari u konsistenti li jkopri ċ-ċikli produttivi tal-pjanti rilevanti kif ukoll iċ-ċiklu tal-ħajja tal-pesti rilevanti kollha u l-vetturi tagħhom. |
(2) |
Jenħtieġ li l-frekwenza ta' dawk il-kontrolli tqis l-ispezzjonijiet minn tal-inqas darba fis-sena, u t-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar jekk ikun xieraq imsemmija fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe spezzjoni, u kwalunkwe teħid ta' kampjuni u ttestjar imwettqa skont dak ir-Regolament ma jiġux ripetuti skont dan ir-Regolament. |
(3) |
Jekk ikun meħtieġ, abbażi ta' kriterji relatati mar-riskju, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżidu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031. |
(4) |
L-operaturi professjonisti li jkunu implimentaw għal minn tal-inqas sentejn konsekuttivi, pjan għall-ġestjoni tar-riskju ta' pesti skont l-Artikolu 91 tar-Regolament (UE) 2016/2031, jipprovdu garanziji iktar affidabbli rigward il-livell ta' protezzjoni fitosanitarja fil-binjiet tagħhom u, fejn applikabbli, fil-postijiet l-oħra tagħhom. Għalhekk, jixraq li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jnaqqsu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fuq dawk l-operaturi għal minn tal-inqas darba kull sentejn. |
(5) |
Bini u, fejn applikabbli, postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 għandhom ikunu soġġetti għal minn tal-inqas kontroll uffiċjali wieħed minbarra dak imsemmi fl-Artikolu 1 jekk ikunu l-post ta' oriġini tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta' oġġetti oħra kif definit fil-punti (1), (2) u (5) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/2031, li jkunu tkabbru għal minn tal-inqas parti minn ħajjithom jew li jkunu ġew lokalizzati f'żona demarkata stabbilita skont l-Artikolu 18(1) ta' dak ir-Regolament, u li jista' jkun mistenni li jkunu infestati mill-pest li għalihom dik iż-żona demarkata ġiet stabbilita. Jenħtieġ li dak il-kontroll uffiċjali addizzjonali jitwettaq kemm jista' jkun qrib il-mument meta dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra jinħarġu 'l barra miż-żona demarkata jew miż-żona infestata għaż-żona ta' lqugħ ta' dik iż-żona demarkata. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li ma jittieħed l-ebda riskju fitosanitarju wara kwalunkwe kontroll uffiċjali normali u qabel iċ-ċaqliq tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta' oġġetti oħra 'l barra miż-żona demarkata jew miż-żona infestata għaż-żona ta' lqugħ. |
(6) |
Sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta' protezzjoni fitosanitarja kif ukoll bħala deskrizzjoni ġenerali effettiva tal-importazzjoni ta' pjanti fl-Unjoni u r-riskji tagħhom, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu kontrolli uffiċjali mal-wasla fl-Unjoni fuq minn tal-inqas 1 % tal-konsenji ta' dawk il-pjanti, meta l-pjanti msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2016/2031 jiġu importati fit-territorju tal-Unjoni. |
(7) |
Jenħtieġ li l-kontrolli uffiċjali fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam imsemmija fl-Artikolu 98(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jitwettqu minn tal-inqas darba fis-sena. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat kontroll regolari u konsistenti li jkopri r-riskji fitosanitarji assoċjati mal-produzzjoni u mal-kummerċ ta' dak it-tip ta' materjal. Jekk ikun meħtieġ, abbażi ta' kriterji relatati mar-riskju, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżidu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam imsemmija fl-Artikolu 98(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031. |
(8) |
Peress li r-Regolamenti (UE) 2016/2031 u (UE) 2017/625 japplikaw mill-14 ta' Diċembru 2019, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll minn dik id-data. |
(9) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Frekwenza uniformi tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti
L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali minn tal-inqas darba fis-sena fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.
Dawk il-kontrolli għandhom jinkludu l-ispezzjonijiet u, fil-każ ta' suspett ta' riskji għas-saħħa tal-pjanti, it-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar imsemmija fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.
Dawk il-kontrolli għandhom jitwettqu fl-iktar żmien xieraq fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi skoperta l-preżenza ta' pesti rilevanti jew ta' sinjali u ta' sintomi tagħhom.
Artikolu 2
Żieda fil-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti
L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżidu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1, jekk ir-riskju jitlob dan, filwaqt li jqisu minn tal-inqas l-elementi li ġejjin:
(a) |
iktar riskji fitosanitarji għall-familja, għall-ġenera jew għall-ispeċi speċifiċi tal-pjanti jew tal-prodotti mill-pjanti prodotti f'dawk il-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra, fejn iktar minn kontroll wieħed ikun meħtieġ minħabba l-bijoloġija tal-pesti jew il-kundizzjonijiet ambjentali; |
(b) |
ir-riskji fitosanitarji marbuta mal-oriġini jew mal-provenjenza ta' pjanti, ta' prodotti mill-pjanti jew ta' oġġetti oħra partikolari fl-Unjoni; |
(c) |
l-għadd ta' ċikli ta' produzzjoni f'sena; |
(d) |
l-istorja ta' konformità tal-operatur professjonist mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti (UE) 2016/2031 u (UE) 2017/625; |
(e) |
l-infrastruttura disponibbli u fejn jinsabu l-binjiet u, fejn applikabbli, il-postijiet l-oħra li jintużaw mill-operatur professjonist. |
Artikolu 3
Tnaqqis fil-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti
L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jnaqqsu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1 għal minn tal-inqas darba kull sentejn, jekk ir-riskju jippermetti dan u jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-operatur professjonist ikun implimenta pjan ta' ġestjoni tal-pesti għal minn tal-inqas sentejn konsekuttivi pjan skont l-Artikolu 91 tar-Regolament (UE) 2016/2031; |
(b) |
l-awtorità kompetenti kkonkludiet li dak il-pjan kien effettiv fit-tnaqqis tar-riskji fitosanitarji rilevanti u li l-operatur professjonist ikkonċernat ikkonforma mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti (UE) 2016/2031 u (UE) 2017/625. |
Artikolu 4
Frekwenza minima uniformi tal-kontrolli uffiċjali fuq il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta' oriġini jew ta' provenjenza partikolari fl-Unjoni
1. Bini u, fejn applikabbli, postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 għandhom ikunu soġġetti għal minn tal-inqas kontroll uffiċjali wieħed minbarra dak imsemmi fl-Artikolu 1 jekk ikunu l-post ta' oriġini tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta' oġġetti oħra kif definit fil-punti (1), (2) u (5) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/2031, li jkunu tkabbru għal minn tal-inqas parti minn ħajjithom jew li jkunu ġew lokalizzati f'żona demarkata stabbilita skont l-Artikolu 18(1) ta' dak ir-Regolament, u li jista' jkun mistenni li jkunu infestati mill-pest li għalihom dik iż-żona demarkata ġiet stabbilita. Dak il-kontroll uffiċjali addizzjonali għandu jitwettaq kemm jista' jkun qrib il-mument meta dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra jinħarġu 'l barra miż-żona demarkata jew miż-żona infestata għaż-żona ta' lqugħ ta' dik iż-żona demarkata.
2. Meta jwettqu l-kontrolli uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw l-elementi li ġejjin:
(a) |
ir-riskju li l-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra jġorru l-pest rilevanti; |
(b) |
ir-riskju tal-preżenza ta' vetturi potenzjali ta' dak il-pest, filwaqt li jitqiesu l-oriġini jew il-provenjenza fl-Unjoni tal-konsenji, il-grad ta' suxxettibbiltà tal-pjanti għal infestazzjoni u l-konformità mill-operatur professjonist responsabbli għaċ-ċaqliq ma' kwalunkwe miżura oħra meħuda biex dak il-pest jinqered jew jitrażżan. |
Artikolu 5
Frekwenza minima uniformi tal-kontrolli uffiċjali fuq il-pjanti msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2016/2031
Għandhom jitwettqu kontrolli tal-identità u kontrolli fiżiċi fuq il-pjanti li huma msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u li jidħlu fl-Unjoni fuq minn tal-inqas 1 % tal-konsenji ta' dawk il-pjanti.
Artikolu 6
Frekwenza uniformi tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam
L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali minn tal-inqas darba fis-sena fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam skont l-Artikolu 98(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.
Dawk il-kontrolli għandhom jinkludu s-superviżjoni msemmija fl-Artikolu 98(3) tar-Regolament (UE) 2016/2031.
Artikolu 7
Żieda fil-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam
L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżidu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 6, jekk ir-riskju jitlob dan, filwaqt li jqisu wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin:
(a) |
iż-żieda fir-riskji fitosanitarji marbuta mal-preżenza tal-pesti fit-territorju tal-Unjoni; |
(b) |
il-materjal tal-imballaġġ magħmul mill-injam, pjanti oħra, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra ġew soġġetti għal interċettazzjonijiet ta' pesti; |
(c) |
l-istorja ta' konformità tal-operatur professjonist mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti (UE) 2016/2031 u (UE) 2017/625; |
(d) |
l-infrastruttura disponibbli u fejn jinsabu l-binjiet u, fejn applikabbli, il-postijiet l-oħra li jintużaw mill-operatur professjonist. |
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-14 ta' Diċembru 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).