Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L1846

    Direttiva Delegata Tal-Kummissjoni (UE) 2019/1846 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-istann użat f’ċerti magni b’kombustjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2019/5781

    ĠU L 283, 5.11.2019, p. 41–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 05/11/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2019/1846/oj

    5.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 283/41


    DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1846

    tat-8 ta’ Awwissu 2019

    li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fl-istann użat f’ċerti magni b’kombustjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2011/65/UE teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih ċerti sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dak ir-rekwiżit ma japplikax għall-applikazzjonijiet elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE.

    (2)

    Il-kategoriji differenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

    (3)

    Iċ-ċomb hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE. Fid-29 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni li saret f’konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/65/UE dwar eżenzjoni li għandha tiġi elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, għall-użu taċ-ċomb fl-istann tas-sensors, l-actuators u l-unitajiet ta’ kontroll tal-magni li jintużaw biex jimmonitorjaw u jikkontrollaw sistemi tal-magni, li jinkludu t-turbochargers u l-kontrolli tal-emissjonijiet tal-exhaust ta’ magni b’kombustjoni interna użati f’tagħmir li mhuwiex maħsub biex jintuża biss mill-konsumaturi (“l-eżenzjoni mitluba”).

    (4)

    L-evalwazzjoni tal-eżenzjoni mitluba kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE.

    (5)

    Kull magna fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mitluba hija mgħammra b’tipi speċifiċi ta’ sensors, attwaturi u unitajiet ta’ kontroll tal-magna li jimmonitorjaw u jikkontrollaw l-emissjonijiet tagħha biex jiżguraw il-konformità mar-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Il-kundizzjonijiet esperjenzati f’tali magna u sistema tal-exhaust u qribhom jistgħu jkunu daqstant severi f’termini ta’ temperaturi u ta’ livelli ta’ vibrazzjoni elevati li jistgħu jikkawżaw falliment bikri tal-legaturi tal-istann.

    (6)

    Attwalment, għall-applikazzjonijiet taċ-ċomb koperti mill-eżenzjoni mitluba, jenħtieġ żmien addizzjonali għall-ittestjar sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tas-sostituti disponibbli mingħajr ċomb.

    (7)

    Minħabba n-nuqqas ta’ sostituti affidabbli, is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni taċ-ċomb għadha xjentifikament u teknikament imprattikabbli f’ċerti magni b’kombustjoni. L-eżenzjoni hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija minnu.

    (8)

    Għalhekk, jixraq li tingħata l-eżenzjoni mitluba billi jiddaħħlu l-applikazzjonijiet koperti minnha fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE fir-rigward tat-tagħmir elettriku u elettroniku tal-kategorija 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE.

    (9)

    Jenħtieġ li l-eżenzjoni tingħata għall-perjodu ta’ validità massima ta’ ħames snin li jibda mit-22 ta’ Lulju 2019, f’konformità mal-Artikolu 4(3) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi għaddejjin biex tinsab sostituzzjoni affidabbli, aktarx li t-tul tal-eżenzjoni mhux se jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

    (10)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE hu emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mi[nn] [l-aħħar jum tal-ħames xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mi[nn] [l-aħħar jum tal-ħames xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva + 1 jum].

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir dik ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


    ANNESS

    Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, jiżdied il-punt 44 li ġej:

    “44

    Iċ-ċomb fl-istann tas-sensors, l-actuators, u l-unitajiet ta’ kontroll tal-magna ta’ magni b’kombustjoni fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), installati f’tagħmir użat f’pożizzjonijiet fissi waqt li jkun qed jitħaddem li hu maħsub għall-professjonisti, iżda li jintuża wkoll minn utenti mhux professjonisti

    Tapplika għall-kategorija 11 u tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2024.


    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE, (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).”


    Top