EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D2251

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2251 tad-19 ta’ Diċembru 2019 dwar mekkaniżmu ta’ kumpens għall-Istat Membru li tiegħu l-membru nazzjonali jiġi elett President tal-Eurojust

ST/14742/2019/INIT

ĠU L 336, 30.12.2019, p. 310–311 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/2251/oj

30.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/310


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2251

tad-19 ta’ Diċembru 2019

dwar mekkaniżmu ta’ kumpens għall-Istat Membru li tiegħu l-membru nazzjonali jiġi elett President tal-Eurojust

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) 2018/1727 u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Eurojust, il-membru nazzjonali elett bħala President tal-Eurojust ikollu funzjonijiet addizzjonali.

(2)

It-twettiq tal-funzjonijiet ta’ President tal-Eurojust jaffettwa l-ammont ta’ xogħol tad-deputat u tal-Assistent mill-Istat Membru li l-membru nazzjonali tiegħu jkun ġie elett bħala President, u l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissekonda persuna oħra kwalifikata kif xieraq biex jissaħħaħ l-uffiċċju nazzjonali għal kemm idum il-mandat tal-President.

(3)

L-Artikolu 11(7) tar-Regolament (UE) 2018/1727 jipprovdi inter alia li, f’dawk il-każijiet fejn persuna oħra kwalifikata kif xieraq tiġi ssekondata, l-Istat Membru kkonċernat huwa intitolat li japplika għal kumpens.

(4)

Jenħtieġ li mekkaniżmu għal kumpens jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tar-rimborż attwali tal-ispejjeż tal-għajxien u spejjeż oħra assoċjati bejn membru nazzjonali elett President u persuna oħra kwalifikata kif xieraq issekondata mill-Istat Membru kkonċernat,

(5)

Id-Danimarka mhijiex marbuta bir-Regolament (UE) 2018/1727 u għalhekk mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, li timplimenta r-Regolament (UE) Nru 2018/1727.

(6)

L-Irlanda u r-Renju Unit huma marbuta bir-Regolament (UE) 2018/1727 u għalhekk qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, li timplimenta r-Regolament (UE) Nru 2018/1727.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Stat Membru li l-membru nazzjonali tiegħu jkun ġie elett President tal-Eurojust u li jkun issekonda persuna oħra mal-uffiċċju nazzjonali tiegħu għal din ir-raġuni, u li għalhekk ikun intitolat taħt l-Artikolu 11(7) tar-Regolament (UE) 2018/1727 biex japplika għal kumpens lill-Kulleġġ tal-Eurojust (il-"Kulleġġ") għal dik il-persuna l-oħra, għandu jinkludi fl-applikazzjoni tiegħu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-deċiżjoni tal-Istat Membru kkonċernat dwar l-issekondar ta’ dik il-persuna;

(b)

il-ġustifikazzjoni għall-ħtieġa li jiġi rinfurzat l-uffiċċju nazzjonali tiegħu minħabba żieda fl-ammont ta’ xogħol;

(c)

dettalji dwar is-salarju gross fix-xahar nazzjonali tal-persuna ssekondata;

(d)

dettalji dwar kwalunkwe spejjeż ta’ għajxien u spejjeż oħra assoċjati pprovduti lill-persuna ssekondata taħt il-liġi nazzjonali;

(e)

dettalji dwar il-kont li fih irid jiġi trasferit il-kumpens.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat l-applikazzjoni għal kumpens lill-Kulleġġ fi żmien sitt xhur mid-deċiżjoni dwar l-issekondar tal-persuna.

Artikolu 2

1.   Il-Kulleġġ għandu jiddeċiedi dwar l-għoti ta’ kumpens fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-applikazzjoni.

2.   L-Istat Membru kkonċernat huwa intitolat għal kumpens sakemm il-membru nazzjonali tiegħu jdum President u għall-perijodu korrispondenti ta’ kemm iddum issekondata l-persuna kkonċernata.

Artikolu 3

1.   F’konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2018/1727, il-Eurojust għandha tirrimborża lill-Istat Membru kkonċernat kif ġej:

(a)

50 % tas-salarju gross fix-xahar nazzjonali tal-persuna ssekondata; u

(b)

l-ispejjeż tal-għajxien u spejjeż oħra assoċjati li fil-fatt jiġġarrbu mill-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-persuna ssekondata.

2.   L-ispejjeż imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu rimborżati biss jekk il-persuna ssekondata tkun intitolata taħt il-liġi nazzjonali għal kwalunkwe tip ta’ allowance, jew ta’ pagament li jikkorrispondi għal spejjeż, li jkunu komparabbli fin-natura tagħhom għal dawk previsti fl-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-“Regolamenti tal-Persunal”) (2), bħal: allowances tal-familja, allowance tal-espatrijazzjoni, rimborż ta’ spejjeż marbuta mal-assunzjoni tad-dmirijiet, inklużi allowance tal-istallazzjoni, allowance ta’ rinstallazzjoni, spejjeż tal-ivvjaġġar, spejjeż ta’ ġarr, allowance tas-sussistenza ta’ kuljum.

3.   Il-Eurojust għandha tirrimborża lill-Istat Membru kkonċernat skont il-kundizzjonijiet u l-limiti finanzjarji applikabbli f’dak l-Istat Membru. Fi kwalunkwe każ, ir-rimborżi ma għandhomx jaqbżu l-ammonti massimi tal-allowances jew tal-ħlasijiet li jikkorrispondu għal spejjeż, kif previsti fl-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

K. MIKKONEN


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).


Top