Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D2211

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2211 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 li tiddetermina, għal perjodu ta’ żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal kontropartijiet ċentrali fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa ekwivalenti, skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2019/9366

    ĠU L 332, 23.12.2019, p. 157–158 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/02/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/2211/oj

    23.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 332/157


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2211

    tad-19 ta’ Diċembru 2019

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 li tiddetermina, għal perjodu ta’ żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal kontropartijiet ċentrali fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa ekwivalenti, skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 (2) se tapplika mid-data wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fit-territorju tiegħu sakemm ma jidħolx fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ sa dik id-data. Din tipprevedi li se tiskadi fit-30 ta’ Marzu 2020.

    (2)

    Fid-29 ta’ Ottubru 2019, bi ftehim mar-Renju Unit, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/1810 (3) li testendi l-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea sal-31 ta’ Jannar 2020. Minħabba dik l-estensjoni oħra, il-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2031 ma jkunx twil biżżejjed biex il-membri u l-klijenti tal-ikklerjar stabbiliti fl-Unjoni jkollhom iċ-ċertezza tad-dritt u l-prevedibbiltà meħtieġa fil-każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim.

    (3)

    Mill-31 ta’ Diċembru 2018, l-ammont nozzjonali pendenti ta’ derivattivi OTC huwa aktar minn EUR 500 triljun mad-dinja kollha, li minnhom 75 % huma derivattivi tar-rati tal-imgħax u kważi 20 % oħra huma derivattivi f’munita barranija. Madwar 30 % tad-derivattivi OTC kollha huma denominati f’euro u f’muniti oħra tal-Unjoni. Is-suq tal-ikklerjar ċentrali tad-derivattivi OTC huwa kkonċentrat ħafna, partikolarment is-suq tal-ikklerjar ċentrali ta’ derivattivi OTC tar-rata tal-imgħax denominati f’euro, li aktar minn 90% minnhom huma kklerjati f’CCP waħda stabbilita fir-Renju Unit. Fl-2017, 97 % tad-derivattivi OTC tar-rata tal-imgħax denominati f’euro ġew ikklerjati f’dak is-CCP, li jenfasizza li l-parteċipanti fis-suq qegħdin jieħdu passi biex iħejju ruħhom għall-ħruġ tar-Renju Unit.

    (4)

    Madankollu, ir-raġunijiet sottostanti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2031 għadhom japplikaw. B’mod partikolari, għad hemm riskji potenzjali fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fil-każ tal-ħruġ mingħajr ftehim , u x’aktarx li dawn se jippersistu wara t-30 ta’ Marzu 2020. Barra minn hekk, il-membri u l-klijenti tal-ikklerjar stabbiliti fl-Unjoni għandhom bżonn ċertezza tad-dritt u prevedibbiltà għal perjodu suffiċjenti ta’ żmien wara l-ħruġ potenzjali tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim. Minkejja dan, ir-raġunijiet tad-durata limitata ta’ dik id-Deċiżjoni għadhom jippersistu wkoll, partikolarment b’rabta mal-inċertezzi li jiċċirkondaw ir-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, kif ukoll l-impatt potenzjali fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u dwar l-integrità tas-Suq Uniku. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2031 għandha tibqa’ b’durata limitata.

    (5)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2031 tiġi emendata biex tipprevedi l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ sena waħda.

    (6)

    Il-Kummissjoni se tissokta l-monitoraġġ dwar jekk il-kundizzjonijiet sottostanti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2031 ikunux għadhom qed jiġu ssodisfati matul l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

    (7)

    Barra minn hekk, meta jitqiesu l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 648/2012 adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li se jkunu daħlu fis-seħħ qabel ma d-Deċiżjoni tieqaf tapplika, kwalunkwe deċiżjoni potenzjali ulterjuri se tqis il-kundizzjonijiet u l-iżviluppi tas-suq finanzjarju, kif ukoll l-iskopertura tal-membri u klijenti tal-ikklerjar li jkunu stabbiliti fl-Unjoni għar-riskju ta’ konċentrazzjoni li jinħoloq mis-CCPs stabbiliti fir-Renju Unit. Fil-każ li tali skopertura titqies ta’ ħsara għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, kwalunkwe Deċiżjoni potenzjali ulterjuri tista’ tipprova ttaffi r-riskju sistemiku fil-konfront tal-Unjoni billi jiġi llimitat l-aċċess ta’ dawk il-membri u l-klijenti tal-ikklerjar għal ċerti prodotti, attivitajiet jew servizzi li jingħataw mis-CCPs stabbiliti fir-Renju Unit. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tippjana li tagħmel l-intenzjoni tagħha magħrufa sa mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-iskadenza.

    (8)

    Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ b’urġenza biex tiġi żgurata ċ-ċertezza ġuridika għall-membri u l-klijenti tal-ikklerjar stabbiliti fl-Unjoni.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2031, ir-raba’ paragrafu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

    ‘Għandu jiskadi sena wara d-data msemmija fit-tieni paragrafu.’.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li tiddetermina, għal perjodu ta’ żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal kontropartijiet ċentrali fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa ekwivalenti, skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 50).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tad-29 ta’ Ottubru 2019 li testendi l-perjodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 278I, 30.10.2019, p. 1).


    Top