Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1954

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1954 tat-18 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat tal-EPA stabbilit mill-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni tar-regoli proċedurali għall-medjazzjoni, ir-regoli proċedurali għall-arbitraġġ u l-kodiċi ta’ kondotta tal-arbitri

    ST/12346/2019/INIT

    ĠU L 306, 27.11.2019, p. 5–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1954/oj

    27.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 306/5


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1954

    tat-18 ta’ Novembru 2019

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat tal-EPA stabbilit mill-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni tar-regoli proċedurali għall-medjazzjoni, ir-regoli proċedurali għall-arbitraġġ u l-kodiċi ta’ kondotta tal-arbitri

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra (1) (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/152/KE (2). Huwa qiegħed jiġi applikat b’mod proviżorju mill-4 ta’ Awwissu 2014.

    (2)

    F’konformità mal-Artikolu 80(1) tal-Ftehim, il-Kumitat tal-EPA (Economic Partnership Agreement) għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura u l-kodiċi ta’ kondotta għall-proċeduri għar-riżoluzzjoni ta' tilwim.

    (3)

    Skont l-Artikolu 88 tal-Ftehim, il-Kumitat tal-EPA jista’ jiddeċiedi li jemenda t-Titolu VI tal-Ftehim u l-Annessi tiegħu.

    (4)

    Il-Kumitat tal-EPA, fil-laqgħa annwali tiegħu li jmiss, huwa mistenni jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura dwar il-medjazzjoni, ir-regoli ta’ proċedura dwar l-arbitraġġ u l-kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri.

    (5)

    Jenħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat tal-EPA, fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjoni prevista sa fejn din tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

    (6)

    Jenħtieġ għalhekk li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat tal-EPA tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni li jinsab mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat tal-EPA stabbilit mill-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-EPA li tadotta r-regoli ta’ proċedura dwar il-medjazzjoni, ir-regoli ta’ proċedura dwar l-arbitraġġ u l-kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri, li huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. LEPPÄ


    (1)  ĠU L 57, 28.2.2009, p. 2.

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/152/KE tal-20 ta' Novembru 2008 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Parti Afrika Ċentrali, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 57, 28.2.2009, p. 1).


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru ..../2019 TAL-KUMITAT TAL-EPA

    stabbilit mill-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra

    ta’ ...

    li tadotta r-regoli ta’ proċedura dwar il-medjazzjoni, ir-regoli ta’ proċedura dwar l-arbitraġġ u l-kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri

    IL-KUMITAT TAL-EPA,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”), iffirmat fi Brussell fit-22 ta' Jannar 2009 u applikat fuq bażi proviżorja mill-4 ta' Awwissu 2014, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(1) u l-Artikolu 88 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Taħt it-termini tal-Ftehim u ta' din id-Deċiżjoni, il-Parti Afrika Ċentrali hija komposta mir-Repubblika tal-Kamerun.

    (2)

    L-Artikolu 80(1) tal-Ftehim jipprevedi li l-proċeduri għar-riżoluzzjoni ta' tilwim previsti fil-Kapitolu 3 (Proċeduri għar-riżoluzzjoni ta' tilwim) tat-Titolu VI (Il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' tilwim) tal-Ftehim jkunu regolati mir-regoli ta’ proċedura u l-kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri li jiġu adottati mill-Kumitat tal-EPA.

    (3)

    L-Artikolu 88 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat tal-EPA jista’ jiddeċiedi li jemenda t-Titolu VI (Il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' tilwim) tal-Ftehim u l-Annessi tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Ir-regoli ta’ proċedura dwar il-medjazzjoni, hekk kif jidhru fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni, huma stabbiliti bħala l-Anness IV tal-Ftehim.

    2.   Ir-regoli ta’ proċedura dwar l-arbitraġġ, hekk kif jidhru fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni, huma stabbiliti bħala l-Anness V tal-Ftehim.

    3.   Il-kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri, hekk kif jidher fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni, huwa stabbilit bħala l-Anness VI tal-Ftehim.

    4.   Ir-regoli ta’ proċedura u l-kodiċi ta’ kondotta msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta' dan l-Artikolu huma stabbiliti mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola speċifika stabbilita fil-Ftehim jew li tista' tiġi adottata mill-Kumitat tal-EPA.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li tiġi ffirmata.

    Magħmul fi ..., ...

    Għar-Repubblika tal-Kamerun

    ...

    Għall-Unjoni Ewropea

    ...


    ANNESS I

    REGOLI TA' PROĊEDURA DWAR IL-MEDJAZZJONI

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura jikkomplementaw u jispeċifikaw il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”), b’mod partikolari l-Artikolu 69 tiegħu (Medjazzjoni).

    2.   Dawn r-regoli ta’ proċedura huma maħsuba biex jippermettu lill-Partijiet isolvu tilwim li jista’ jinqala’ bejniethom permezz ta’ soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti permezz ta’ proċedura komprensiva u rapida ta' medjazzjoni.

    3.   Fil-qafas ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, il-medjazzjoni hija mifhuma li tfisser kwalunkwe proċediment, irrispettivament mill-isem li jista’ jkollu, li fih il-Partijiet jitolbu medjatur biex jgħinhom isibu soluzzjoni amikevoli għat-tilwim tagħhom.

    Artikolu 2

    Il-bidu tal-proċedura

    1.   Parti tista', fi kwalunkwe ħin, titlob bil-miktub biex il-Partijiet jidħlu fi proċedura ta’ medjazzjoni. It-talba trid tkun dettaljata biżżejjed biex tippreżenta b’mod ċar l-ilment tal-Parti li tressaq l-ilment. Hija għandha wkoll:

    (a)

    tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni;

    (b)

    tipprovdi dikjarazzjoni tal-effetti negattivi allegati li l-miżura għandha, jew se jkollha, skont il-Parti li tressaq l-ilment, fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet;

    (c)

    tispjega għaliex il-Parti li tressaq ilment tikkunsidra li l-miżura tikkawża l-effetti msemmija.

    2.   Il-proċedimenti ta' medjazzjoni jistgħu jinbdew biss b'kunsens reċiproku tal-Partijiet. Meta Parti titlob medjazzjoni skont il-paragrafu 1, il-Parti l-oħra għandha teżamina t-talba u twieġeb għaliha bil-miktub fi żmien ħamest ijiem minn meta tirċievi t-talba. Fin-nuqqas ta' dan, it-talba għandha titqies li tkun ġiet irrifjutata.

    Artikolu 3

    Għażla tal-medjatur

    1.   Il-Partijiet għandhom jagħżlu l-medjatur permezz ta’ ftehim reċiproku mill-bidu tal-proċedimenti ta’ medjazzjoni, mhux aktar tard minn ħmistax-il jum wara li tasal it-tweġiba għat-talba ta’ medjazzjoni.

    2.   Il-medjatur ma għandux ikun ċittadin ta' xi waħda mill-Partijiet, sakemm il-Partijiet ma jiftiehmux mod ieħor.

    3.   Il-medjatur għandu jikkonferma f’dikjarazzjoni bil-miktub l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu kif ukoll id-disponibbiltà tiegħu biex jiżgura l-proċedura ta’ medjazzjoni.

    4.   Il-medjatur għandu jkun konformi mal-kodiċi ta’ kondotta għall-arbitri, bl-adattamenti meħtieġa.

    Artikolu 4

    It-tmexxija tal-proċedimenti ta’ medjazzjoni

    1.   Il-medjatur għandu jassisti, b'mod imparzjali u trasparenti, lill-Partijiet biex jiċċaraw il-miżura inkwistjoni u l-effetti possibbli tagħha fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet u biex jilħqu soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti.

    2.   Il-medjatur jista’ jiddeċiedi dwar l-approċċ l-aktar xieraq biex jiċċara l-miżura kkonċernata u l-effetti possibbli tagħha fuq il-kummerċ bejn il-Partijiet. B’mod partikolari, huwa jista’ jorganizza laqgħat bejn il-Partijiet, jikkonsultahom flimkien jew individwalment, ifittex l-għajnuna ta’ esperti kompetenti u partijiet interessati jew jikkonsultahom, u jipprovdi kwalunkwe għajnuna addizzjonali mitluba mill-Partijiet. Madankollu, qabel ifittex l-għajnuna ta' esperti kompetenti u partijiet interessati, il-medjatur għandu jikkonsulta mal-Partijiet. Meta l-medjatur ikun jixtieq jiltaqa’ ma’, jew jintervista lil, xi waħda mill-Partijiet u/jew il-konsulent tagħha separatament, huwa għandu jinforma lill-Parti l-oħra bil-quddiem jew malajr kemm jista’ jkun wara l-laqgħa tiegħu jew wara l-komunikazzjoni unilaterali tiegħu mal-ewwel Parti.

    3.   Il-medjatur jista' joffri pariri u jipproponi soluzzjoni li jippreżenta għall-kunsiderazzjoni tal-Partijiet, li jistgħu jaċċettaw jew jirrifjutaw jew jistgħu wkoll jaqblu fuq soluzzjoni differenti. Madankollu, il-medjatur ma jistax jagħti pariri jew jikkummenta fuq il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mal-Ftehim.

    4.   Il-proċedimenti għandhom isiru fit-territorju tal-Parti li lilha tkun ġiet indirizzata t-talba, jew b'kunsens reċiproku tal-Partijiet, f'kwalunkwe post ieħor jew permezz ta' mezzi oħrajn.

    5.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti fi żmien sittin jum mill-ħatra tal-medjatur. Sa meta jintlaħaq ftehim definittiv, il-Partijiet jistgħu jikkunsidraw soluzzjonijiet interim possibbli, speċjalment jekk il-miżura jkollha x'taqsam ma' oġġetti li jitħassru.

    6.   Is-soluzzjoni tista’ tkun adottata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat tal-EPA. Is-soluzzjonijiet reċiprokament sodisfaċenti għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku, sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor. Madankollu, il-verżjoni kkomunikata lill-pubbliku ma jistax ikun fiha informazzjoni kkunsidrata bħala kunfidenzjali minn xi waħda mill-Partijiet.

    7.   Fuq talba tal-Partijiet, il-medjatur għandu jipprovdihom, bil-miktub, b’abbozz ta’ rapport fattwali, li jipprovdi sommarju tal-miżura inkwistjoni fil-qafas tal-proċedimenti segwiti u kwalunkwe soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti li tikkostitwixxi l-eżitu finali tal-proċedimenti, inklużi soluzzjonijiet interim possibbli. Il-medjatur għandu jagħti lill-Partijiet ħmistax-il jum biex jikkummentaw fuq l-abbozz tar-rapport. Wara li jikkunsidra l-kummenti tal-Partijiet imressqa f'dan il-perjodu, il-medjatur għandu jippreżenta r-rapport fattwali finali bil-miktub lill-Partijiet fi żmien ħmistax-il jum. Ir-rapport fattwali m’għandu jkun fih l-ebda interpretazzjoni tal-Ftehim.

    Artikolu 5

    Tmiem il-proċedimenti ta’ medjazzjoni

    Il-proċedimenti għandhom jintemmu, skont il-każ:

    (a)

    fid-data tal-adozzjoni ta' soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti milħuqa mill-Partijiet;

    (b)

    fid-data tad-dikjarazzjoni bil-miktub tal-medjatur, wara konsultazzjoni mal-Partijiet, li sforzi ulterjuri ta’ medjazzjoni ma jwasslu mkien;

    (c)

    fid-data tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ xi Parti, wara studju ta’ soluzzjonijiet reċiprokament sodisfaċenti fi ħdan il-qafas tal-proċedimenti ta’ medjazzjoni u wara l-eżami ta’ kwalunkwe parir u kwalunkwe soluzzjoni proposta mill-medjatur. Tali dikjarazzjoni ma tistax titressaq qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 4(5) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura; jew

    (d)

    fid-data ta’ ftehim milħuq bejn il-Partijiet fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti.

    Artikolu 6

    Implimentazzjoni ta' soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti

    1.   Meta l-Partijiet ikunu qablu dwar soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti, kull Parti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex timplimentaha fil-perjodu stipulat.

    2.   Parti li timplimenta s-soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti għandha tinforma lill-Parti l-oħra bil-miktub bi kwalunkwe pass jew miżura li tieħu biex timplimentaha, u dan fil-perjodu stipulat.

    Artikolu 7

    Kunfidenzjalità u relazzjoni mal-proċedimenti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim

    1.   L-informazzjoni kollha relatata mal-proċedimenti ta’ medjazzjoni għandha tibqa’ kunfidenzjali, sakemm l-iżvelar tagħha ma jkunx meħtieġ mil-liġi jew meħtieġ għall-implimentazzjoni jew l-infurzar tal-ftehim bejn il-Partijiet stabbilit bħala riżultat tal-medjazzjoni.

    2.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(6) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, l-istadji kollha tal-proċedimenti, inklużi kwalunkwe parir jew kwalunkwe soluzzjoni proposta, għandhom ikunu kunfidenzjali. Madankollu, kwalunkwe Parti tista' tiżvela lill-pubbliku li qed issir medjazzjoni. L-obbligu tal-kunfidenzjalità ma jestendix għal informazzjoni fattwali li tkun diġà teżisti fid-dominju pubbliku.

    3.   Il-proċedimenti ta' medjazzjoni huma bla preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar ir-riżoluzzjoni ta' tilwim jew kwalunkwe ftehim pertinenti ieħor.

    4.   Il-Partijiet mhumiex obbligati jkollhom konsultazzjonijiet qabel ma jibdew il-proċedimenti ta' medjazzjoni. Madankollu, bħala prinċipju, Parti għandha tapplika d-dispożizzjonijiet pertinenti l-oħra tal-Ftehim dwar kooperazzjoni jew konsultazzjoni qabel ma tibda l-proċedimenti ta' medjazzjoni.

    5.   Parti ma għandhiex tibbaża ruħha fuq l-elementi li ġejjin, u lanqas ma għandha tippreżentahom bħala evidenza fil-qafas ta' proċedimenti oħra ta' riżoluzzjoni ta' tilwim previsti mill-Ftehim jew kwalunkwe ftehim pertinenti ieħor, u l-elementi li ġejjin ma għandhomx jiġu kkunsidrati minn grupp speċjali ta' arbitraġġ:

    (a)

    il-pożizzjonijiet adottati mill-Parti l-oħra matul il-proċedimenti ta’ medjazzjoni jew l-informazzjoni miksuba taħt l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura;

    (b)

    il-fatt li l-Parti l-oħra indikat ir-rieda tagħha li taċċetta soluzzjoni fir-rigward tal-miżura suġġetta għall-medjazzjoni;

    (c)

    pariri mogħtija jew proposti magħmula mill-medjatur.

    6.   Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, medjatur ma jistax ikun membru ta’ grupp speċjali ta' arbitraġġ fil-qafas ta' proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim li jsiru taħt il-Ftehim jew il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO, World Trade Organisation) u li jikkonċernaw l-istess kwistjoni li għaliha jkun qed jaġixxi bħala medjatur.

    Artikolu 8

    Applikazzjoni tar-regoli ta' proċedura għall-arbitraġġ

    L-Artikolu 3 (Notifiki) - mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2) ta' dawn ir-regoli ta’ proċedura, l-Artikolu 15 (Spejjeż), l-Artikolu 16 (Il-lingwa ta' ħidma għall-proċedimenti, traduzzjoni u interpretazzjoni) u l-Artikolu 17 (Kalkolu tal-limiti ta’ żmien) tar-regoli ta’ proċedura għall-arbitraġġ għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    Artikolu 9

    Reviżjoni

    Ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar il-ħtieġa eventwali li jimmodifikaw il-mekkaniżmu ta' medjazzjoni fid-dawl tal-esperjenza miksuba u tal-iżvilupp ta' kwalunkwe mekkaniżmu korrispondenti fid-WTO.


    ANNESS II

    REGOLI TA' PROĊEDURA GĦALL-ARBITRAĠĠ

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura:

    "konsulent" tfisser persuna fiżika mqabbda minn Parti biex tagħti pariri jew tassisti lil dik il-Parti b’konnessjoni ma’ proċedura ta’ arbitraġġ;

    "grupp speċjali ta' arbitraġġ" tfisser grupp speċjali stabbilit taħt l-Artikolu 71 tal-Ftehim;

    "arbitru" tfisser membru ta’ grupp speċjali ta' arbitraġġ stabbilit taħt l-Artikolu 71 tal-Ftehim;

    "assistent" tfisser persuna fiżika li, skont it-termini tal-ħatra ta' arbitru, tagħmel riċerka għall-arbitru jew tagħtih assistenza fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu;

    "jum" tfisser jum kalendarju, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor;

    "rappreżentant ta’ Parti" tfisser impjegat jew kwalunkwe persuna fiżika maħtura minn dipartiment jew korp tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika oħra ta’ Parti, li jirrappreżentawha fil-kuntest ta' tilwima b'rabta ma' dan il-Ftehim;

    "Parti konvenuta" tfisser il-Parti li kontriha huwa allegat ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 67 tal-Ftehim;

    "Parti li tressaq ilment" tfisser il-Parti li titlob it-twaqqif ta' grupp speċjali ta' arbitraġġ taħt l-Artikolu 70 tal-Ftehim.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dawn ir-regoli ta’ proċedura jikkomplementaw u jispeċifikaw il-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Parti Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”), b’mod partikolari l-Artikoli 70 et sequitur dwar l-arbitraġġ.

    2.   Dawn ir-regoli ta’ proċedura huma maħsuba biex jippermettu lill-Partijiet isolvu tilwim li jista’ jinqala’ bejniethom permezz ta’ soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti permezz tal-mekkaniżmu ta’ arbitraġġ.

    Artikolu 3

    Notifiki

    1.   Għall-finijiet ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, "notifika" tfisser kwalunkwe talba, avviż, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor marbutin mal-proċedimenti ta' arbitraġġ, dment li:

    (a)

    kwalunkwe notifika mill-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandha tintbagħat liż-żewġ Partijiet fl-istess ħin;

    (b)

    kwalunkwe notifika minn Parti u indirizzata lill-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandha tiġi kkupjata lill-Parti l-oħra fl-istess ħin; u

    (c)

    kwalunkwe notifika minn Parti li tkun indirizzata lill-Parti l-oħra għandha tiġi kkupjata, fejn adatt, lill-grupp speċjali ta' arbitraġġ fl-istess ħin.

    2.   Kull notifika għandha ssir permezz tal-posta elettronika jew, fejn adatt, b’kull mezz ieħor ta’ telekomunikazzjoni li jipprovdi rekord li d-dokument ikun intbagħat. Sakemm ma jkunx ippruvat mod ieħor, in-notifika għandha titqies li tkun waslet fl-istess jum li tkun intbagħtet.

    3.   In-notifiki kollha għandhom jiġu indirizzati, rispettivament, lid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea tal-Unjoni Ewropea u lill-Ministeru tal-Kamerun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    4.   Żbalji żgħar ta' natura klerikali li jsiru fin-notifiki jistgħu jitranġaw permezz tal-kunsinna ta' notifika ġdida li tindika b'mod ċar il-modifiki li jkunu sarulha.

    5.   Jekk l-aħħar jum għall-kunsinna ta’ dokument jaħbat jum mhux ta’ xogħol fil-Parti Afrika Ċentrali jew fl-Unjoni Ewropea, in-notifika tista’ titwassal fil-jum ta’ xogħol li jkun imiss. L-ebda notifika, tkun xi tkun in-natura tagħha, m’għandha titqies bħala riċevuta f’jum mhux tax-xogħol.

    6.   Skont in-natura tal-kwistjonijiet ikkontestati, għandhom jintbagħtu kopji tan-notifiki kollha indirizzati lill-Kumitat tal-EPA skont dawn ir-regoli ta’ proċedura wkoll lill-korpi istituzzjonali l-oħra kkonċernati.

    Artikolu 4

    Ħatra ta' arbitri

    1.   Jekk, skont l-Artikolu 71 tal-Ftehim, arbitru jiġi magħżul bil-polza, il-president tal-Kumitat tal-EPA għandu minnufih jinforma lill-Partijiet dwar id-data, il-ħin u l-post tal-polza.

    2.   Il-Partijiet għandhom ikunu preżenti waqt l-għażla bil-polza.

    3.   Il-president tal-Kumitat tal-EPA jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jinforma bil-miktub lil kull persuna magħżula dwar il-ħatra tiegħu bħala arbitru. Kull individwu għandu jikkonferma d-disponibbiltà tiegħu liż-żewġ Partijiet matul il-ħamest ijiem mid-data li fiha jkun ġie infurmat bil-ħatra tiegħu.

    4.   Jekk il-lista ta' arbitri msemmija fl-Artikolu 85 tal-Ftehim ma tkunx ġiet stabbilita jew ma jkunx fiha ismijiet biżżejjed fiż-żmien meta ssir applikazzjoni taħt l-Artikolu 71(2) tal-Ftehim, l-arbitri għandhom jittellgħu bix-xorti mill-president tal-Kumitat tal-EPA minn fost il-persuni uffiċjalment proposti minn xi waħda mill-Partijiet jew mit-tnejn li huma, u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet definiti fl-Artikolu 85(2) tal-Ftehim.

    Artikolu 5

    Kollaborazzjoni bejn il-Partijiet u l-grupp speċjali ta' arbitraġġ

    1.   Sakemm il-Partijiet ma jiftiehmux mod ieħor, huma għandhom jiltaqgħu mal-grupp speċjali ta' arbitraġġ fi żmien sebat ijiem mit-twaqqif tiegħu biex jistabbilixxu dawk il-kwistjonijiet li l-Partijiet jew il-grupp speċjali ta' arbitraġġ iqisu xierqa, inklużi:

    (a)

    ir-rimunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-arbitri, li għandhom ikunu skont l-istandards tad-WTO;

    (b)

    ir-rimunerazzjoni tal-assistent ta’ kull arbitru, li l-ammont totali tiegħu ma għandux jaqbeż il-50 fil-mija tar-remunerazzjoni totali ta’ dak l-arbitru;

    (c)

    is-skeda ta' żmien tal-proċedimenti.

    L-arbitri u r-rappreżentanti tal-Partijiet jistgħu jieħdu sehem f'din il-laqgħa permezz tat-telefon jew ta' konferenza vidéo.

    2.   Sakemm il-Partijiet ma jiftiehmux mod ieħor fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol mid-data tat-twaqqif tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ, it-termini ta' referenza tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandhom ikunu:

    “li jeżamina, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim, tal-kwistjoni msemmija fit-talba għat-twaqqif tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ, sabiex jiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mal-Artikolu 67 tal-Ftehim u sabiex jieħu deċiżjoni skont l-Artikoli 73, 83 u 84 tal-Ftehim”.

    3.   Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw it-termini ta' referenza miftiehma lill-grupp speċjali ta' arbitraġġ fi żmien tlett ijiem ta' xogħol mill-ftehim tagħhom dwar it-termini ta' referenza.

    Artikolu 6

    Sottomissjonijiet bil-miktub

    Il-Parti rikjedenti għandha tippreżenta s-sottomissjoni inizjali tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn għoxrin jum mid-data tat-twaqqif tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ. Il-Parti konvenuta għandha tagħti l-kontrosottomissjoni tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn għoxrin jum wara d-data tat-twassil tas-sottomissjoni bil-miktub inizjali.

    Artikolu 7

    Il-ħidma tal-gruppi speċjali ta' arbitraġġ

    1.   Il-president tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandu jippresjedi fil-laqgħat kollha. Grupp speċjali ta’ arbitraġġ jista’ jiddelega lill-president tiegħu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet amministrattivi u proċedurali fil-qasam ikkonċernat.

    2.   F'konformità mal-Artikolu 9 ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, l-arbitri u l-persuni msejħa għandhom jidhru personalment għas-seduti ta' smigħ. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-Ftehim jew f’dawn ir-regoli ta’ proċedura, il-grupp speċjali ta' arbitraġġ jista’ jeżerċita l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mezz, inkluż bit-telefon, faks jew kompjuter.

    3.   L-arbitri biss jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ, iżda l-grupp speċjali ta' arbitraġġ jista' jippermetti lill-assistenti tiegħu jkunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tiegħu.

    4.   L-abbozzar ta' kwalunkwe deċiżjoni għandha tkun ir-responsabilità esklużiva tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ u ma tistax tkun iddelegata.

    5.   Meta tinqala' kwistjoni proċedurali li ma tkunx koperta mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI (Il-Prevenzjoni u r-Riżoluzzjoni ta' Tilwim) tal-Ftehim, il-grupp speċjali ta' arbitraġġ, wara konsultazzjoni mal-Partijiet, jista' jadotta proċedura xierqa li tkun kompatibbli ma' dawn id-dispożizzjonijiet u li tiżgura trattament ugwali bejn il-Partijiet.

    6.   Jekk il-grupp speċjali ta' arbitraġġ iqis li jkun meħtieġ li jimmodifika xi wieħed mil-limiti ta’ żmien proċedurali għajr il-limiti ta’ żmien stabbiliti fit-Titolu VI (Il-Prevenzjoni u r-Riżoluzzjoni ta' Tilwim) tal-Ftehim, jew li jagħmel kwalunkwe aġġustament proċedurali jew amministrattiv ieħor, huwa għandu jinforma bil-miktub lill-Partijiet bir-raġunijiet għall-bidla jew l-aġġustament u l-limitu ta’ żmien jew l-aġġustament meħtieġ. Il-grupp speċjali ta' arbitraġġ jista' jadotta tali modifika jew aġġustament wara li jkun ikkonsulta mal-Partijiet.

    7.   Fuq talba ta’ Parti, il-grupp speċjali ta' arbitraġġ jista’ jemenda l-limiti ta’ żmien applikabbli fil-proċedimenti, filwaqt li jiżgura li l-Partijiet jiġu ttrattati b’mod ugwali.

    8.   Fuq it-talba konġunta tal-Partijiet, il-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandu jissospendi l-proċedimenti f’kull ħin għal perjodu miftiehem mill-Partijiet li ma jaqbiżx tnax-il xahar konsekuttivi. Il-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandu jerġa’ jibda l-proċedimenti fi kwalunkwe ħin fuq talba konġunta bil-miktub mill-Partijiet, jew fi tmiem il-perjodu miftiehem ta’ sospensjoni fuq talba bil-miktub ta’ waħda mill-Partijiet. It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-president tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ u lill-Parti l-oħra kif xieraq. Jekk il-proċedimenti tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ ikunu ġew sospiżi għal aktar minn tnax-il xahar konsekuttivi, is-setgħa mogħtija għat-twaqqif tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandha tiskadi u l-proċedimenti tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandhom jintemmu. Il-Partijiet jistgħu jiftiehmu fi kwalunkwe ħin li jtemmu l-proċedimenti quddiem il-grupp speċjali ta' arbitraġġ. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw dan il-ftehim b’mod konġunt lill-president tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ. F’każ ta’ sospensjoni tal-proċedimenti, il-limiti ta’ żmien rilevanti għandhom jiġu estiżi biż-żmien li jikkorrispondi għall-perjodu li fih il-proċedimenti tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ ikunu ġew sospiżi.

    9.   It-terminazzjoni tal-proċedimenti tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Partijiet fi proċediment ieħor dwar l-istess kwistjoni skont it-Titolu VI (Il-Prevenzjoni u r-Riżoluzzjoni ta' Tilwim) tal-Ftehim.

    Artikolu 8

    Sostituzzjoni

    1.   Jekk arbitru ma jkunx jista' jipparteċipa fil-proċedimenti, jirtira ruħu jew ikollu jiġi sostitwit, għandu jintgħażel sostitut b'konformità mal-Artikolu 71 tal-Ftehim.

    2.   Meta Parti tqis li arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-kodiċi ta’ kondotta tal-arbitri u li għalhekk għandu jiġi sostitwit, dik il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien ħmistax-il jum mid-data meta saret taf biċ-ċirkostanzi sottostanti għall-allegat nuqqas ta’ konformità min-naħa tal-arbitru mal-imsemmi kodiċi ta’ kondotta.

    3.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fi żmien ħmistax-il jum wara d-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lill-arbitru bl-allegat nuqqas ta’ konformità tiegħu u jistgħu jitolbuh jieħu l-passi meħtieġa biex jirrimedjah. Huma jistgħu wkoll, jekk jaqblu fuq hekk, ineħħu lill-arbitru u jagħżlu arbitru ġdid skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 71(2) tal-Ftehim.

    4.   Jekk il-Partijiet ma jirnexxilhomx jaqblu dwar il-bżonn li jinbidel arbitru, minbarra l-President, kwalunkwe Parti tista' titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lill-president tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ, u d-deċiżjoni tiegħu tkun waħda finali.

    Jekk, kif mitlub, il-president jikkonkludi li arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-kodiċi ta’ kondotta tal-arbitri, għandu jintgħażel arbitru ġdid f’konformità mal-Artikolu 71(3) tal-Ftehim.

    5.   Jekk il-Partijiet ma jirnexxilhomx jaqblu dwar il-ħtieġa li jibdlu l-president, kull Parti tista' titlob li din il-kwistjoni tingħadda lil xi wieħed mill-membri li jkun fadal fil-lista ta’ individwi magħżula biex jaġixxu bħala president tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ stabbilita taħt l-Artikolu 85 tal-Ftehim. Ismu/isimha għandu jittella’ bix-xorti mill-president tal-Kumitat tal-EPA. Il-persuna magħżula għandha tiddeċiedi jekk il-president jikkonformax mar-rekwiżiti tal-kodiċi ta’ kondotta tal-arbitri. Id-deċiżjoni tiegħu għandha tkun waħda finali.

    Jekk jiġi deċiż li l-President ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-kodiċi ta’ kondotta tal-arbitri, il-President il-ġdid għandu jintgħażel skont l-Artikolu 71(3) tal-Ftehim.

    Artikolu 9

    Seduti

    1.   Skont l-iskeda determinata taħt l-Artikolu 5(1), u wara li jikkonsulta mal-Partijiet u l-arbitri l-oħra, il-president tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar id-data, il-ħin u l-post tas-seduta ta’ smigħ. Il-Parti inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, suġġett għall-Artikolu 11.

    2.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, is-seduta ta’ smigħ għandha ssir fi Brussell jekk il-Parti li tressaq l-ilment tkun l-Afrika Ċentrali, u f’Yaoundé jekk il-Parti li tressaq ilment tkun l-Unjoni Ewropea.

    3.   Il-grupp speċjali ta' arbitraġġ jista' jsejjaħ seduti addizzjonali jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan.

    4.   L-arbitri kollha għandhom ikunu preżenti matul is-seduta ta' smigħ kollha.

    5.   Il-persuni li ġejjin jistgħu jkunu preżenti għas-seduta, irrispettivament dwar jekk il-proċedimenti jkunux miftuħin għall-pubbliku jew le:

    (a)

    rappreżentanti tal-Partijiet;

    (b)

    konsulenti tal-Partijiet;

    (c)

    persunal amministrattiv, interpreti, tradutturi u stenografi tal-qrati;

    (d)

    assistenti tal-arbitri;

    (e)

    esperti magħżula mill-grupp speċjali ta' arbitraġġ f’konformità mal-Artikolu 81 tal-Ftehim.

    6.   Mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol qabel id-data ta’ seduta ta' smigħ, kull Parti għandha tagħti lill-grupp speċjali ta' arbitraġġ u lill-Parti l-oħra lista bl-ismijiet ta’ dawk il-persuni fiżiċi li se jressqu argumenti jew jagħmlu preżentazzjonijiet orali matul is-smigħ tas-seduta f’isem dik il-Parti, kif ukoll ta’ rappreżentanti u konsulenti oħra li se jattendu s-seduta ta' smigħ.

    7.   Il-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandu jiżgura li l-Parti li tressaq l-ilment u l-Parti konvenuta jingħataw ħin ugwali għad-diskorsi. Għandu jmexxi s-seduta ta’ smigħ kif ġej:

     

    L-argumenti

    (a)

    l-argument tal-Parti li tressaq l-ilment;

    (b)

    l-argument tal-Parti konvenuta;

     

    Il-kontroargumenti

    (a)

    ir-replika tal-Parti li tressaq l-ilment;

    (b)

    il-kontroreplika tal-Parti konvenuta.

    8.   Il-grupp speċjali ta' arbitraġġ jista' jindirizza mistoqsijiet lil kwalunkwe miż-żewġ Partijiet fi kwalunkwe ħin matul is-seduta.

    9.   Il-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għat-traskrizzjoni fi procès-verbal tas-seduta u għat-trasmissjoni tiegħu lill-Partijiet f'perijodu ta' żmien raġonevoli wara s-seduta. Il-Partijiet jistgħu jagħmlu osservazzjonijiet dwar il-procès-verbal, li tagħhom jista' jieħu kont il-grupp speċjali ta' arbitraġġ.

    10.   Fi żmien għaxart ijiem mid-data tas-seduta ta' smigħ, kull Parti tista' tibgħat lill-arbitri u lill-Parti l-oħra sottomissjoni supplimentari bil-miktub li tikkonċerna kwalunkwe kwistjoni li qamet matul is-seduta ta' smigħ.

    Artikolu 10

    Mistoqsijiet bil-miktub

    1.   Il-grupp speċjali ta' arbitraġġ jista', f'kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti, jindirizza mistoqsijiet bil-miktub lil waħda mill-Partijiet jew lit-tnejn li huma. Kull waħda mill-Partijiet għandha tirċievi kopja ta' kwalunkwe mistoqsija magħmula mill-grupp speċjali ta' arbitraġġ.

    2.   Kull Parti għandha wkoll tipprovdi lill-Parti l-oħra kopja tat-tweġiba tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ. Kull Parti għandha tingħata l-opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar it-tweġiba mogħtija mill-Parti l-oħra sa ħamest ijiem tax-xogħol mir-riċezzjoni tal-imsemmija tweġiba.

    Artikolu 11

    Trasparenza u kunfidenzjalità

    1.   Kull Parti u l-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandhom jiżguraw li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità ta' kwalunkwe informazzjoni ppreżentata mill-Parti l-oħra lill-grupp speċjali ta' arbitraġġ u li dik il-Parti tkun indikat bħala kunfidenzjali. Il-Parti li tippreżenta lill-grupp speċjali ta' arbitraġġ sottomissjoni li tkun tinkludi informazzjoni kunfidenzjali għandha tipprovdi wkoll, fi żmien ħmistax-il jum mill-preżentazzjoni ta' din is-sottomissjoni, verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni li tista' tiġi żvelata lill-pubbliku.

    2.   Xejn f'dawn ir-regoli ta' proċedura ma jipprekludi Parti milli tikkomunika l-pożizzjonijiet tagħha lill-pubbliku sa fejn, meta hija tirreferi għal informazzjoni mressqa mill-Parti l-oħra, ma tikxifx informazzjoni kwalifikata mill-Parti l-oħra bħala kunfidenzjali.

    3.   Il-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandu jiltaqa' f'sessjoni magħluqa meta s-sottomissjoni u l-argumenti ta' Parti jkunu jinkludu informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. Il-Partijiet għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduti ta' smigħ tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ meta dawn jinżammu f'sessjonijiet fil-magħluq.

    Artikolu 12

    Kuntatti ex parte

    1.   Il-grupp speċjali ta' arbitraġġ la għandu jiltaqa', u lanqas jikkomunika, ma' xi Parti fl-assenza tal-Parti l-oħra.

    2.   L-ebda arbitru ma għandu jiddiskuti ebda aspett tal-kwistjoni suġġetta għall-proċedimenti ma' xi Parti jew maż-żewġ Partijiet fl-assenza tal-arbitri l-oħra.

    Artikolu 13

    Sottomissjonijiet amicus curiae

    1.   Persuni mhux governattivi stabbiliti fit-territorju ta' Parti jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet amicus curiae lill-grupp speċjali ta' arbitraġġ skont il-paragrafi 2 sa 5.

    2.   Ħlief jekk il-Partijiet ma jkunux qablu mod ieħor sa ħamest ijiem mid-data tat-twaqqif tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ, l-istess grupp speċjali ta' arbitraġġ jista' jirċievi sottomissjonijiet bil-miktub mhux mitluba, sakemm dawn isiru fi żmien għaxart ijiem mid-data tat-twaqqif tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ, ikunu direttament rilevanti għall-kwistjoni eżaminata mill-grupp speċjali ta' arbitraġġ u f'ebda każ dawn is-sottomissjonijiet, inklużi l-annessi tagħhom, ma jkunu itwal minn 15-il faċċata ttajpjata.

    3.   Kull sottomissjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel is-sottomissjoni, sew jekk fiżika u sew jekk ġuridika, u tinkludi n-natura tal-attivitajiet ta' dik il-persuna u s-sors tal-finanzjament tagħha, u għandha tispeċifika n-natura tal-interess li dik il-persuna jkollha fil-proċedimenti tal-arbitraġġ. Is-sottomissjoni għandha tinkiteb bil-lingwi magħżula mill-Partijiet, f'konformità mal-Artikoli 16(1) u (2) ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura.

    4.   Kull sottomissjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Partijiet sabiex ikunu jistgħu jibagħtu l-kummenti tagħhom. Il-Partijiet jistgħu jibagħtu, fi żmien għaxart ijiem mid-data tat-trasmissjoni tas-sottomissjoni, il-kummenti tagħhom lill-grupp speċjali ta' arbitraġġ.

    5.   Fid-deċiżjoni tiegħu, il-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandu jelenka s-sottomissjonijiet kollha li jkun irċieva u li jkunu konformi ma' dawn ir-regoli ta’ proċedura. Il-grupp speċjali ta' arbitraġġ ma għandux ikun obbligat jindirizza, fid-deċiżjoni tiegħu, l-argumenti li saru f'dawn is-sottomissjonijiet. Il-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandu jippreżenta lill-Partijiet, għall-kummenti tagħhom, kull sottomissjoni li huwa jirċievi.

    Artikolu 14

    Każijiet urġenti

    Fil-każijiet ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 73(2) tal-Ftehim, il-grupp speċjali ta' arbitraġġ, wara li jikkonsulta mal-Partijiet, għandu jaġġusta t-termini previsti f'dawn ir-regoli ta’ proċedura skont kif jidhirlu xieraq u għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar dawn l-aġġustamenti.

    Artikolu 15

    Spejjeż

    1.   Kull Parti għandha tħallas l-ispejjeż tagħha ta' parteċipazzjoni fil-proċedimenti ta' arbitraġġ.

    2.   Il-Parti konvenuta għandha tkun inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedura ta’ arbitraġġ, b’mod partikolari l-organizzazzjoni tas-seduti ta’ smigħ, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, u għandha tħallas l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-amministrazzjoni loġistika tas-seduti ta’ smigħ. Madankollu, il-Partijiet għandhom b’mod konġunt u b'mod ugwali jħallsu l-ispejjeż amministrattivi l-oħra tal-proċedimenti ta’ arbitraġġ kif ukoll ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż tal-arbitri u l-assistenti tagħhom.

    Artikolu 16

    Il-lingwa ta' ħidma għall-proċedimenti, traduzzjoni u interpretazzjoni

    1.   Matul il-konsultazzjonijiet previsti fl-Artikolu 71(2) tal-Ftehim, u mhux aktar tard mil-laqgħa prevista fl-Artikolu 5(1) ta' dawn ir-regoli ta' proċedura, il-Partijiet għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex jilħqu qbil fuq lingwa ta' ħidma komuni għall-proċedimenti quddiem il-grupp speċjali ta' arbitraġġ.

    2.   Jekk il-Partijiet ma jirnexxilhomx jaqblu dwar lingwa ta’ ħidma komuni, kull Parti għandha għandha tipprovdi t-traduzzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fil-lingwa magħżula mill-Parti l-oħra, ħlief fil-każ ta’ sottomissjonijiet bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali komuni għall-Partijiet għall-Ftehim. Fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ sottomissjonijiet orali fil-lingwi magħżula mill-Partijiet, għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Parti konvenuta, sakemm il-Partijiet ikunu għażlu waħda mil-lingwi uffiċjali li jkunu komuni għalihom. Jekk l-għażla ta’ waħda mill-Partijiet tkun ta’ lingwa distinta mil-lingwi uffiċjali komuni, l-interpretazzjoni tas-sottomissjonijiet orali għandha tkun ipprovduta kollha kemm hi minn dik il-Parti.

    3.   Ir-rapporti u d-deċiżjonijiet tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandhom jitfasslu bil-lingwi magħżula mill-Partijiet. Jekk il-Partijiet ma jkunux qablu dwar lingwa ta’ ħidma komuni, ir-rapport interim, ir-rapport finali u d-deċiżjonijiet tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ għandhom jiġu ppreżentati f’waħda mil-lingwi uffiċjali komuni għall-Partijiet għall-Ftehim.

    4.   L-ispejjeż kollha li jirriżultaw mit-traduzzjoni ta' deċiżjoni tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ fil-lingwi magħżula mill-Partijiet għandhom jinqasmu b'mod ugwali bejn il-Partijiet.

    5.   Parti tista' tipprovdi kummenti dwar l-akkuratezza ta' kwalunkwe verżjoni tradotta ta' dokument imfassal f'konformità ma' dawn ir-regoli ta' proċedura.

    6.   Kull Parti għandha tħallas l-ispejjeż tat-traduzzjoni tas-sottomissjonijiet miktuba tagħha.

    Artikolu 17

    Kalkolu tal-limiti ta’ żmien

    Il-limiti ta’ żmien kollha stabbiliti fit-Titolu VI (Il-Prevenzjoni u r-Riżoluzzjoni ta' Tilwim) tal-Ftehim u f’dawn ir-regoli ta’ proċedura, inklużi l-limiti ta’ żmien imposti fuq il-gruppi speċjali ta' arbitraġġ għan-notifika tad-deċiżjonijiet tagħhom, jistgħu jiġu emendati b’kunsens reċiproku tal-Partijiet, u għandhom jingħaddu f’jiem kalendarji mill-jum li jsegwi l-att jew il-fatt li għalih jirreferu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Artikolu 18

    Proċedimenti oħra

    Il-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dawn ir-regoli ta’ proċedura għandhom jiġu aġġustati skont il-limiti speċjali ta’ żmien previsti għall-adozzjoni ta' deċiżjoni mill-grupp speċjali ta' arbitraġġ fil-proċedimenti taħt l-Artikoli 74 sa 78 tal-Ftehim.


    ANNESS III

    KODIĊI TAL-KONDOTTA GĦALL-ARBITRI

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta:

    "arbitru" tfisser membru ta’ grupp speċjali ta' arbitraġġ stabbilit taħt l-Artikolu 71 tal-Ftehim;

    "assistent" tfisser persuna fiżika li, skont it-termini tal-ħatra ta' arbitru, tagħmel riċerka għall-arbitru jew tagħtih assistenza fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu;

    "kandidat" tfisser individwu li ismu jkun fuq il-lista tal-arbitri msemmija fl-Artikolu 85 tal-Ftehim u li jkun ikkunsidrat għall-għażla bħala arbitru taħt l-Artikolu 71 tal-Ftehim;

    "medjatur" tfisser persuna fiżika li tmexxi medjazzjoni f’konformità mal-Artikolu 69 tal-Ftehim;

    "persunal" tfisser, fir-rigward ta' arbitru, il-persuni fiżiċi taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-arbitru, minbarra l-assistenti.

    Artikolu 2

    Prinċipji bażiċi

    1.   Sabiex jiġu ppreservati l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, kull kandidat għandu jkollu konoxxenza ta' dan il-kodiċi ta’ kondotta. Huwa għandu:

    (a)

    ikun indipendenti u imparzjali;

    (b)

    jevita kull kunflitt ta’ interess dirett jew indirett;

    (c)

    jevita kondotta li tonqos mill-etika u kull azzjoni li tagħti l-impressjoni ta' kondotta li tonqos mill-etika jew mill-obbligu tal-imparzjalità;

    (d)

    josserva standards għolja ta’ kondotta;

    (e)

    ma jkunx influwenzat mill-interess personali, pressjoni esterna, kunsiderazzjonijiet politiċi, għagħa pubblika, lealtà lejn xi Parti jew ikollu biża’ mill-kritika.

    2.   Arbitru m'għandux jidħol, direttament jew indirettament, għal obbligi jew jaċċetta kwalunkwe benefiċċju li jista’ bi kwalunkwe mod ifixkel, jew jidher li jfixkel, it-twettiq xieraq ta’ dmirijietu.

    3.   Arbitru ma għandux juża l-funzjonijiet tiegħu fil-grupp speċjali ta' arbitraġġ biex iservi interessi personali jew privati. Arbitru għandu jevita kull azzjoni li tista' tagħti l-impressjoni li xi persuni oħrajn ikunu f'pożizzjoni li jinfluwenzawh.

    4.   Arbitru għandu jiżgura li l-kondotta u l-ġudizzju tiegħu ma jkunux influwenzati minn relazzjonijiet jew responsabbiltajiet, passati jew preżenti, ta' natura finanzjarja, kummerċjali, professjonali, personali jew soċjali.

    5.   Arbitru għandu jevita li jidħol fi kwalunkwe relazzjoni jew li jakkwista kwalunkwe interess finanzjarju li x'aktarx jaffettwaw l-imparzjalità tiegħu jew li jistgħu raġonevolment jagħtu l-impressjoni ta' kondotta li tonqos mill-etika jew mill-obbligu tal-imparzjalità.

    Artikolu 3

    Obbligi ta' divulgazzjoni

    1.   Qabel ma tkun ikkonfermata l-għażla ta' kandidat bħala arbitru skont l-Artikolu 71 tal-Ftehim, huwa għandu jiddikjara kull interess, relazzjoni jew kwistjoni li jistgħu jinċidu fuq l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu, jew li jistgħu raġonevolment jagħtu l-impressjoni ta' kondotta li tonqos mill-etika jew mill-obbligu tal-imparzjalità fil-kors tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, kandidat għandu jagħmel l-isforzi kollha possibbli biex isir konxju ta' kwalunkwe tali interess, relazzjoni u kwistjoni, inklużi dawk ta' natura finanzjarja, jew professjonali, jew marbuta max-xogħol jew mal-familja tiegħu.

    2.   L-obbligu ta' divulgazzjoni previst fil-paragrafu 1 huwa dmir kontinwu, u jirrikjedi li kull arbitru jiddivulga kwalunkwe tali interess, relazzjoni u kwistjoni li jistgħu jitfaċċaw matul kull stadju tal-proċedimenti.

    3.   Kandidat jew arbitru għandhom jikkomunikaw lill-Kumitat tal-EPA, għall-kunsiderazzjoni mill-Partijiet, kull kwistjoni li tikkonċerna ksur reali jew potenzjali ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta fl-iqsar żmien possibbli wara li huwa jsir konxju minnhom.

    Artikolu 4

    Dmirijiet ta' arbitri

    1.   Wara li jkun aċċetta l-ħatra tiegħu, arbitru għandu jkun disponibbli sabiex jassumi dmirijietu u għandu jwettaqhom b'mod sħiħ u effettiv matul il-kors kollu tal-proċedimenti, b'mod ġust u diliġenti.

    2.   Arbitru għandu jikkunsidra biss dawk il-kwistjonijiet li jkunu tqajmu waqt il-proċedimenti u li jkunu meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni, u ma għandux jiddelega dan id-dmir lil ebda persuna oħra.

    3.   Arbitru għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiżgura li l-assistent u l-persunal tiegħu jkunu konxji mill-Artikoli 2, 3 u 6 ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta u li jkunu konformi magħhom.

    Artikolu 5

    Obbligi ta' arbitri preċedenti

    L-arbitri preċedenti kollha jridu jevitaw azzjonijiet li jistgħu jagħtu impressjoni li kienu ppreġudikati fit-twettiq ta' dmirijiethom jew li bbenefikaw mid-deċiżjonijiet tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ.

    Artikolu 6

    Kunfidenzjalità

    1.   L-ebda arbitru jew arbitru preċedenti fl-ebda mument ma għandu jiżvela jew juża xi informazzjoni mhux pubblika li tikkonċerna proċedimenti jew li tkun miksuba waqt proċedimenti, ħlief għall-finijiet ta' dawk il-proċedimenti, u fl-ebda każ ma għandu jiżvela jew juża l-ebda tali informazzjoni biex jikseb vantaġġ personali jew vantaġġ għal oħrajn jew biex jagħmel ħsara lill-interessi ta' oħrajn.

    2.   Arbitru ma għandux jiżvela deċiżjoni tal-grupp speċjali ta' arbitraġġ, kollha jew partijiet minnha, qabel ma tiġi ppubblikata b'konformità mal-Artikolu 84(2) tal-Ftehim.

    3.   L-arbitru jew arbitru preċedenti ma għandu qatt jiżvela l-kontenut tad-deliberazzjonijiet ta' grupp speċjali ta' arbitraġġ jew il-fehma ta’ xi membru tiegħu.

    Artikolu 7

    Spejjeż

    Kull arbitru għandu jżomm rekord tal-ħin iddedikat għall-proċedimenti u l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll iż-żmien użat u l-ispejjeż magħmula mill-assistent tiegħu, u jagħti rendikont finali lill-Partijiet.

    Artikolu 8

    Medjaturi

    Dan il-kodiċi ta' kondotta għandu japplika, mutatis mutandis, għall-medjaturi.


    Top