This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D1128
Commission Implementing Decision (EU) 2019/1128 of 1 July 2019 on access rights to safety recommendations and responses stored in the European Central Repository and repealing Decision 2012/780/EU (Text with EEA relevance.)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1128 tal-1 ta' Lulju 2019 dwar id-drittijiet ta' aċċess għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u għat-tweġibiet maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/780/UE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1128 tal-1 ta' Lulju 2019 dwar id-drittijiet ta' aċċess għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u għat-tweġibiet maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/780/UE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
C/2019/4878
ĠU L 177, 2.7.2019, p. 112–113
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 32012D0780 | 22/07/2019 |
2.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 177/112 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1128
tal-1 ta' Lulju 2019
dwar id-drittijiet ta' aċċess għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u għat-tweġibiet maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/780/UE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza u t-tweġibiet kollha għalihom għandhom jiġu rreġistrati fir-repożitorju ċentrali. |
(2) |
Ir-repożitorju ċentrali msemmi fil-premessa 1 huwa stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 376/2014 bħala r-Repożitorju Ċentrali Ewropew. |
(3) |
Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 376/2014, l-aċċess għar-rapporti dwar l-okkorrenzi maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew huwa ristrett minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom. Min-naħa l-oħra, hemm interess leġittimu li jingħata aċċess pubbliku għar-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza u t-tweġibiet għalihom minħabba l-fini ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 li jitnaqqas in-numru ta' aċċidenti u li tiġi promossa d-disseminazzjoni ta' sejbiet dwar inċidenti relatati mas-sikurezza. L-eżistenza ta' tali interess leġittimu hija kkonfermata wkoll mill-fatt li r-rapporti ta' investigazzjoni dwar is-sikurezza, li ta' spiss jinkludu rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza, iridu jsiru pubbliċi skont ir-Regolament (UE) Nru 996/2010. |
(4) |
Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014, il-Kummissjoni trid tadotta arranġamenti għall-ġestjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew. Peress li, għal raġunijiet ta' sigurtà, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda aċċess dirett għar-Repożitorju Ċentrali Ewropew, ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza u t-tweġibiet kollha għalihom li jinsabu fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali permezz ta' sit web pubbliku separat. |
(5) |
Jenħtieġ li jiġi żgurat f'kull ħin u fil-livelli kollha li, fir-rigward tal-ħżin, l-ipproċessar u l-iskambju tad-data, jiġu rispettati l-obbligi dwar il-protezzjoni tad-data personali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
(6) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/780/UE (5) jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b'din id-Deċiżjoni, li meta mqabbla mad-Deċiżjoni 2012/780/UE, jenħtieġ li tistabbilixxi aċċess pubbliku mhux biss għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza iżda wkoll għat-tweġibiet għalihom. |
(7) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri dwar il-ġestjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew stabbilit skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 fir-rigward tal-aċċess għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza skont it-tifsira tal-Artikolu 2(15) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 u għat-tweġibiet għalihom irreġistrati skont l-Artikolu 18(3) tal-istess Regolament.
Artikolu 2
Stat tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u t-tweġibiet għalihom
Ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza u t-tweġibiet kollha għalihom li jinsabu fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali permezz ta' sit web pubbliku li għandu jiġi stabbilit u ġestit mill-Kummissjoni.
Artikolu 3
Protezzjoni tad-data personali
L-ipproċessar tad-data personali fil-qafas ta' din id-Deċiżjoni għandu jitwettaq f'konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.
Artikolu 4
Kunfidenzjalità
It-tweġibiet għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza ippubblikati skont din id-Deċiżjoni ma għandu jkun fihom ebda informazzjoni ta' natura kunfidenzjali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri xierqa f'dak ir-rigward.
Artikolu 5
Tħassir
Id-Deċiżjoni 2012/780/UE titħassar.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Lulju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/780/UE tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar id-drittijiet ta' aċċess għar-Repożitorju Ċentrali Ewropew tar-Rakkomandazzjonijiet dwar is-Sikurezza u t-tweġibiet tagħhom stabbilit bl-Artikolu 18(5) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 342, 14.12.2012, p. 46).
(6) Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).