This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D0867
Council Decision (EU) 2019/867 of 14 May 2019 on the position to be taken on behalf of the European Union in the Commission for the Conservation of Antarctic Marine Living Resources (CCAMLR), and repealing the Decision of 24 June 2014 on the position to be adopted, on behalf of the Union, in the CCAMLR
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/867 tal-14 ta' Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR), u li tħassar id-Deċiżjoni tal-24 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fis-CCAMLR
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/867 tal-14 ta' Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR), u li tħassar id-Deċiżjoni tal-24 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fis-CCAMLR
ST/8331/2019/INIT
ĠU L 140, 28.5.2019, p. 72–77
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 10/12/2023; Imħassar b' 32023D2812
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 32023D2812 | 11/12/2023 |
28.5.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 140/72 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/867
tal-14 ta' Mejju 2019
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR), u li tħassar id-Deċiżjoni tal-24 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fis-CCAMLR
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 81/691/KEE (1), l-Unjoni kkonkludiet il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (2) (il-“Konvenzjoni CAMLR”), li daħlet fis-seħħ fl-7 ta' April 1982 u stabbiliet il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR). Il-Belġju, Spanja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, l-Iżveżja u r-Renju Unit huma wkoll Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni CAMLR. Il-Greċja, in-Netherlands u l-Finlandja huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni CAMLR iżda mhumiex Membri tas-CCAMLR. |
(2) |
Skont l-Artikolu IX.1 tal-Konvenzjoni CAMLR, is-CCAMLR hija responsabbli mill-adozzjoni ta' miżuri ta' konservazzjoni fil-laqgħat annwali tagħha mfassla biex jiżguraw il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar Antartiku, inkluż l-użu razzjonali tagħhom. Dawn il-miżuri jistgħu jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b'mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-isfruttar ta' riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jirrestawra l-popolazzjoni ta' speċijiet mistada u jżommhom 'il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta' ġestjoni u ta' konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġja l-iżvilupp ta' għarfien u pariri xjentifiċi, telimina gradwalment l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista' jkun, ta' qabdiet mhux mixtieqa, għal sajd b'impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi speċifikament li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha. |
(4) |
Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni konġunta, il-promozzjoni ta' miżuri li jappoġġjaw u jtejbu l-effettività tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza tagħhom, hija ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni f'dawn il-fora. |
(5) |
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari”, tirreferi għal miżuri speċifiċi biex jitnaqqas il-plastik u t-tniġġis tal-baħar, kif ukoll it-telf jew l-abbandun ta' rkaptu tas-sajd fil-baħar. |
(6) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tas-CCAMLR għall-perijodu 2019-2023, peress li l-miżuri ta' konservazzjoni tas-CCAMLR ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw b'mod determinanti l-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1035/2001 (4), (KE) Nru 600/2004 (5), (KE) Nru 601/2004 (6), (KE) Nru 1005/2008 (7) u (KE) Nru 1224/2009 (8), u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). |
(7) |
Dik il-pożizzjoni jenħtieġ li tkopri biss il-materji li jaqgħu fil-kompetenza kondiviża tal-Unjoni sal-punt li jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni. F'konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każijiet konġunti C-626/15 u C-659/16 (10), jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa biss l-istabbiliment ta' Żoni Marittimi Protetti (MPAs) fiż-żona CCAMLR flimkien mal-Istati Membri tagħha. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li ma taffettwax id-diviżjoni ta' kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. |
(8) |
Attwalment, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tas-CCAMLR hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fis-CCAMLR. Huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u li tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida li tkun tkopri l-perijodu 2019-2023. |
(9) |
Fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew matul il-laqgħat tas-CCAMLR, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f'konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-perijodu 2019-2023, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku Internazzjonali (CCAMLR) hija stabbilita fl-Anness I. Dik il-pożizzjoni tkopri biss materji li jaqgħu fil-kompetenza kondiviża tal-Unjoni sal-punt li jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni.
Artikolu 2
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tas-CCAMLR għandha titwettaq f'konformità mal-Anness II.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tas-CCAMLR fl-2024.
Artikolu 4
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR) hija b'dan imħassra.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
P. DAEA
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 81/691/KEE tal-4 ta' Settembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni għall-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin tal-Antartika (ĠU L 252, 5.9.1981, p. 26).
(2) ĠU L 252, 5.9.1981, p. 27.
(3) Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(4) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1035/2001 tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabbilixxi skema ta' dokumentazzjoni ta' qbid ta' Dissostichus spp (ĠU L 145, 31.5.2001 p. 1).
(5) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 600/2004 tat-22 ta' Marzu tal-2004 li jelenka ċerti miżuri tekniċi applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fl-inħawi koperti mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar tal-Antartiku (ĠU L 97, 1.4.2004, p. 1).
(6) Regolament tal-kunsill (KE) Nru 601/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi ċerti miżuri ta' kontroll applikabbli għall-attivitajiet tas-sajd fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi marittimi ħajjin tal-Antartiku u jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 3943/90, (KE) Nru 66/98 u (KE) Nru 1721/1999 (ĠU L 97, 1.4.2004, p. 16).
(7) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).
(8) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(9) Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).
(10) ECLI:EU:C:2018:925.
ANNESS I
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni, fil-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku (CCAMLR)
1. PRINĊIPJI
Fil-qafas tas-CCAMLR, l-Unjoni għandha:
a) |
taġixxi f'konformità mal-objettivi u l-prinċipji tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), b'mod partikolari permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, biex tkun promossa l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, biex jiġu evitati jew jitnaqqsu kemm jista' jkun qabdiet mhux mixtieqa, u jiġi eliminat gradwalment il-qbid skartat, u biex jiġi minimizzat l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-ħabitats tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta' sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, biex ikun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu minn attivitajiet relatati mas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi; |
b) |
taħdem lejn involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati fil-fażi ta' preparazzjoni għal miżuri tas-CCAMLR u tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan is-CCAMLR huma skont il-Konvenzjoni CAMLR; |
c) |
tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan is-CCAMLR huma konsistenti mad-dritt internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982, mal-Ftehim tan-NU relatat mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokkijiet ta' Ħut Transżonali u Stokkijiet ta' Ħut li Jpassi Ħafna tal-1995 u mal-Ftehim li jippromwovi l-konformità mal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u ġestjoni mill-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa tal-1993 u l-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tal-Istat tal-Port tal-2009; |
d) |
tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti ma' dawk adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) fl-istess żona; |
e) |
tfittex il-konsistenza u s-sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd tagħha ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha b'mod partikolari fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-impjiegi, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni; |
f) |
tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Unjoni jiġu rispettati; |
g) |
tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd (1); |
h) |
timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fi ħdan iż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta' dawk il-prinċipji u l-istandards; |
i) |
tkun konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill (2) dwar il-komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna (3) u tippromwovi miżuri biex jappoġġaw u jtejbu l-effettività tas-CCAMLR u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza u l-prestazzjoni tagħha (b'mod partikolari dwar ix-xjenza, il-konformità, it-trasparenza u t-teħid ta' deċiżjonijiet) bħala kontribut għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani fid-dimensjonijiet kollha tagħha; |
j) |
flimkien mal-Istati Membri, tappoġġa attivament l-istabbiliment ta' netwerk rappreżentattiv ta' żoni tal-baħar protetti fl-Oċean tan-Nofsinhar, fost l-oħrajn permezz tal-preżentazzjoni mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha ta' proposti speċifiċi għal żoni tal-baħar protetti lis-CCAMLR; |
k) |
tippromwovi, fejn xieraq, il-koordinazzjoni bejn l-RFMOs u l-konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar (RSCs) u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli skont il-mandat tagħhom; |
l) |
tippromwovi mekkaniżmi ta' kooperazzjoni fost l-RFMOs mhux tat-tonn simili għall-hekk imsejjaħ proċess Kobe għall-RFMOs tat-tonn. |
2. ORJENTAZZJONIJIET
L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mis-CCAMLR tal-azzjonijiet li ġejjin:
a) |
miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, inkluż Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) u kwoti jew regolazzjoni tal-isforz għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin li huma rregolati mis-CCAMLR, li jistgħu jwasslu għal, jew iżommu, ir-rata tal-isfruttament għar-rendiment sostenibbli massimu sa mhux iktar tard mill-2020. Fejn meħtieġ, dawk il-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet li huma soġġetti għal sajd żejjed biex l-isforz tas-sajd jinżamm konformi mal-opportunitajiet ta' sajd disponibbli; |
b) |
miżuri biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw attivitajiet tas-sajd illegali, mhux irrappurtati u mhux irregolati (IUU) fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR, inkuż l-elenkar tal-bastimenti IUU, aktar skambji ta' informazzjoni mal-RFMOs, elenkar inkroċjat ma' RFMOs oħra u azzjoni mmirata kontra bastimenti mingħajr nazzjonalità; |
c) |
miżuri biex isaħħu l-ġbir ta' data xjentifika dwar is-sajd u li jippromwovu kooperazzjoni aħjar bejn l-industrija u x-xjentisti; |
d) |
miżuri ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan is-CCAMLR, inklużi t-tisħiħ tal-kontroll fuq l-attivitajiet tat-trasbord tar-riżorsi ġestiti mis-CCAMLR u r-reviżjoni tal-iskema ta' dokumentazzjoni tal-qbid (CDS) tas-CCAMLR għall-pixxisinna biex jiġu indirizzati l-lakuni possibbli fil-kummerċ ta' dawk l-ispeċijiet u jiġu promossi l-kuntatti ma' RFMOs ġirien għall-kooperazzjoni mas-CDS tas-CCAMLR; |
e) |
miżuri biex jimminimizzaw l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità tal-baħar u l-ekosistemi tal-baħar u l-ħabitats tagħhom, inklużi miżuri biex inaqqsu t-tniġġis tal-baħar u jipprevjenu r-rimi ta' plastik fil-baħar u jnaqqsu l-impatt tal-plastik preżenti fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, miżuri protettivi għal ekosistemi tal-baħar vulnerabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni CAMLR f'konformità mal-Linji Gwida Internazzjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fil-Fond fl-Ibħra Internazzjonali tal-FAO, u miżuri biex jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista' jkun il-qabdiet mhux mixtieqa, inkluż b'mod partikolari speċijiet tal-baħar vulnerabbli, u biex jiġi eliminat gradwalment il-qbid skartat; |
f) |
miżuri biex inaqqsu l-impatt ta' rkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew inkella skartat (ALDFG) fl-oċean u biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u l-irkupru ta' tagħmir bħal dan; |
g) |
miżuri li l-għan tagħhom huwa li jipprojbixxu s-sajd imwettaq biss bl-iskop tal-ġbir ta' xewk tal-klieb il-baħar u, li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art b'kull xewka mwaħħla magħhom b'mod naturali; |
h) |
rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sal-limitu permess skont id-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); |
i) |
approċċi komuni ma' RFMOs oħra, fejn xieraq, b'mod partikolari ma' dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess reġjun; |
j) |
miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-parir mill-korpi sussidjarji u mill-gruppi ta' ħidma tas-CCAMLR; |
k) |
flimkien mal-Istati Membri, l-istabbiliment ta' żoni tal-baħar protetti abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli bil-ħsieb tal-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar ħajjin u l-bijodiversità tal-baħar tal-Antartiku kif ukoll il-protezzjoni ta' ekosistemi vulnerabbli u ta' karatteristiċi ambjentali. |
(1) 7087/12 REV 1 ADD 1 COR 1.
(2) 7348/1/17 REV 1 tal-24.3.2017.
(3) JOIN(2016) 49 final tal-10.11.2016.
ANNESS II
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħa annwali tal-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Ħajjin tal-Baħar Antartiku
Qabel kull laqgħa annwali tas-CCAMLR, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li għandhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni tqis l-aħħar informazzjoni xjentifika u informazzjoni oħra rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni, f'konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.
Għal dan il-għan, u abbażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa annwali tas-CCAMLR, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni.
Jekk waqt laqgħa tas-CCAMLR, inkluż dik fuq il-post, ma jkunx jista' jintlaħaq qbil, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tkun referuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.