This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D0864
Council Decision (EU) 2019/864 of 14 May 2019 on the position to be taken on behalf of the European Union in the North Atlantic Salmon Conservation Organization (NASCO), and repealing the Decision of 26 May 2014 on the position to be adopted, on behalf of the Union, in the NASCO
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/864 tal-14 ta' Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO), u li tħassar id-Deċiżjoni tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fin-NASCO
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/864 tal-14 ta' Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO), u li tħassar id-Deċiżjoni tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fin-NASCO
ST/8325/2019/INIT
ĠU L 140, 28.5.2019, p. 54–59
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 10/12/2023; Imħassar b' 32023D2805
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 32023D2805 | 11/12/2023 |
28.5.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 140/54 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/864
tal-14 ta' Mejju 2019
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO), u li tħassar id-Deċiżjoni tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fin-NASCO
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/886/KEE (1), l-Unjoni kkonkludiet il-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (2) (il-“Konvenzjoni tan-NASCO”), li stabbilixxiet l-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO). |
(2) |
Il-Kunsill tan-NASCO, li huwa appoġġjat mit-tliet Kummissjonijiet (il-Kummissjoni tal-Amerika tat-Tramuntana, il-Kummissjoni tal-Atlantiku tal-Grigal u l-Kummissjoni ta' Greenland tal-Punent), huwa l-korp stabbilit mill-Konvenzjoni NASCO biex jikkonserva, jirrestawra, jtejjeb u jġestixxi b'mod razzjonali s-salmun tal-Atlantiku permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali. Il-Kunsill tan-NASCO jadotta miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni biex iġestixxi r-riżorsi tas-sajd taħt l-ambitu tiegħu. Dawn il-miżuri jistgħu jsiru vinkolanti fuq l-Unjoni. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b'mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dan jipprevedi wkoll li l-l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jirrestawra l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada u jżommhom 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Dan jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta' ġestjoni u ta' konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġja l-iżvilupp ta' għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista' jkun, ta' qabdiet mhux mixtieqa, għal sajd b'impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha. |
(4) |
Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea “Il-Governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni konġunta, il-promozzjoni ta' miżuri li jappoġġjaw u jtejbu l-effettività tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza tagħhom, hija ċentrali għall-azzjoni tal-Unjoni f'dawn il-fora. |
(5) |
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari” tirreferi għal miżuri speċifiċi sabiex jitnaqqas il-plastik u t-tniġġis tal-baħar, kif ukoll it-telf jew l-abbandun ta' rkaptu tas-sajd fil-baħar. |
(6) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kunsill tan-NASCO, minħabba li l-miżuri ta' konservazzjoni u ta' infurzar tan-NASCO ser ikunu vinkolanti fuq l-Unjoni u kapaċi li jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (4) u (KE) Nru 1224/2009 (5), u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
(7) |
Attwalment, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kunsill tan-NASCO hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fin-NASCO. Huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni tiġi mħassra u li tiġi sostitwita b'Deċiżjoni ġdida li tkun tkopri l-perijodu 2019-2023. |
(8) |
Fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni tan-NASCO u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew matul il-laqgħat tan-NASCO, iridu jiġu stabbiliti proċeduri, f'konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għal sena għall-perijodu 2019-2023, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO) hija stabbilita fl-Anness I.
Artikolu 2
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal oħra tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kunsill tan-NASCO għandha titwettaq skont l-Anness II.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tal-Kunsill tan-NASCO fl-2024.
Artikolu 4
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tat-Tramuntana tal-Atlantiku (NASCO) hija b'dan imħassra.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
P. DAEA
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 82/886/KEE tat-13 Diċembru 1982 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana (ĠU L 378, 31.12.1982, p. 24).
(2) ĠU L 378, 31.12.1982, p. 25.
(3) Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(4) Regolament tal-Kunsill Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).
(5) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(6) Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).
ANNESS I
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fl-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NASCO)
1. PRINĊIPJI
Fil-qafas tan-NASCO, l-Unjoni għandha:
(a) |
taġixxi fi qbil mal-objettivi u l-prinċipji segwiti mill-Unjoni fi ħdan il-politika komuni tas-sajd (PKS), b'mod partikolari permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-objettivi relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulati fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, li tiġi promossa l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd u jiġu limitati l-impatti ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd, li jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista' jkun il-qabdiet mhux mixtieqa, u li jiġi minimizzat l-impatt ta' attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta' sajd ekonomikalment vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, li jkun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu minn attivitajiet tas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi; |
(b) |
tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan in-NASCO jkunu skont il-Konvenzjoni NASCO; |
(c) |
tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan in-NASCO jkunu konsistenti mal-liġi internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Artikolu 66 tagħha, mal-Ftehim għall-promozzjoni tal-konformità mal-miżuri internazzjonali tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa; u mal-Ftehim tal-2009 dwar il-Miżuri tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tal-Istat tal-Port; |
(d) |
tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiċi għall-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs, regional fisheries management organisations) fl-istess żona; |
(e) |
tfittex konsistenza u sinerġija mal-politika li qed issegwi l-Unjoni bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tas-sajd ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha, b'mod partikolari fir-relazzjonijiet esterni, fl-impjiegi, fl-ambjent, fil-kummerċ, fl-iżvilupp, fir-riċerka u fl-innovazzjoni; |
(f) |
tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Unjoni jiġu rispettati; |
(g) |
tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd (1); |
(h) |
timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fi ħdan iż-żona tal-Konvenzjoni abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta' dawk il-prinċipji u l-istandards; |
(i) |
tkun konformi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill (2) dwar il-Komunikazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea dwar Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna (3) u tippromwovi miżuri biex jappoġġjaw u jtejbu l-effettività tan-NASCO u, fejn rilevanti, itejbu l-governanza u l-prestazzjoni tagħha (eż. dwar ix-xjenza, il-konformità, it-trasparenza u t-teħid ta' deċiżjonijiet) bħala kontribut għall-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani fid-dimensjonijiet kollha tagħha; |
(j) |
tippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-RFMOs u l-konvenzjonijiet tal-ibħra reġjonali (RSCs) u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli, fi ħdan il-mandati tagħhom, u b'mod partikolari tippromwovi l-koordinazzjoni mal-OSPAR, li għalih l-Unjoni hija wkoll parti kontraenti; |
(k) |
tippromwovi mekkaniżmi ta' kooperazzjoni fost l-RFMOs mhux tat-tonn simili għall-hekk imsejjaħ proċess ta' Kobe għall-RFMOs tat-tonn. |
2. ORJENTAZZJONIJIET
L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni min-NASCO tal-azzjonijiet li ġejjin:
(a) |
miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, inkluż il-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) u kwoti jew regolazzjoni tal-isforz għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tan-NASCO, li jistgħu jwasslu għal jew iżommu r-rata tal-isfruttament għar-rendiment sostenibbli massimu sa mhux iktar tard mill-2020. Fejn meħtieġ, għandhom jitqiesu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet, li jbatu minn sajd żejjed sabiex l-isforz għas-sajd jinżamm f'konformità mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli; |
(b) |
miżuri għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni ta' attivitajiet tas-sajd illegali, mhux rappurtati u mhux regolati (IUU) fiż-Żona tal-Konvenzjoni, inkluż il-lista tal-bastimenti IUU; |
(c) |
miżuri li jsaħħu l-ġbir ta' data xjentifika dwar is-sajd u li jippromwovu kooperazzjoni aħjar bejn l-industrija u x-xjentisti; |
(d) |
miżuri għall-ġestjoni, il-kontroll u s-sorveljanza fiż-żona tal-Konvenzjoni tan-NASCO sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan in-NASCO; |
(e) |
miżuri biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv ta' attivitajiet ta' sajd u akkwakultura fuq il-bijodiversità marina u l-ekosistemi marini u l-ħabitats tagħhom, inklużi miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis marittimu u l-prevenzjoni tar-rimi tal-plastik fil-baħar u t-tnaqqis tal-impatt tal-plastiks preżenti fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar, miżuri protettivi għal ekosistemi marini vulnerabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni NASCO fi qbil mal-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, miżuri biex jiġi evitat u jitnaqqas kemm jista' jkun il-qbid mhux mixtieq, inkluż b'mod partikolari l-ispeċijiet marini vulnerabbli, u biex gradwalment jiġi eliminat il-qbid skartat; |
(f) |
miżuri biex jitnaqqas l-impatt ta' Rkaptu tas-Sajd Abbandunat, Mitluf jew inkella Skartat (ALDFG, Abandoned, Lost or Otherwise Discarded Fishing Gear) fl-oċean u biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni u l-irkupru ta' tali rkaptu; |
(g) |
miżuri li l-għan tagħhom huwa l-projbizzjoni tas-sajd imwettaq biss bl-iskop tal-ġbir ta' xewk tal-klieb il-baħar u, li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art b'kull xewka mwaħħla magħhom b'mod naturali; |
(h) |
approċċi komuni ma' RFMOs oħrajn, fejn xieraq, b'mod partikolari dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess reġjun; |
(i) |
rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sal-punt permess fid-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); |
(j) |
miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-pariri mill-korpi sussidjarji u l-gruppi ta' ħidma tan-NASCO. |
(1) 7087/12 REV 1 ADD 1 COR 1.
(2) 7348/1/17 REV 1 tal-24.3.2017.
(3) JOIN(2016) 49 final tal-10.11.2016.
ANNESS II
L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Organizzazzjoni għall-Konservazzjoni tas-Salamun tal-Atlantiku tat-Tramuntana
Qabel kull laqgħa tal-Kunsill tan-NASCO, meta dak il-korp jissejjaħ biex jadotta deċiżjonijiet li jista' jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex il-pożizzjoni li ser tiġi espressa f'isem l-Unjoni tkun tqis l-informazzjoni xjentifika u informazzjoni oħra rilevanti l-aktar reċenti mibgħuta lill-Kummissjoni, skont il-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stipulati fl-Anness I.
Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti lill-Kunsill, fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-Kunsill tan-NASCO, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni.
Jekk, waqt il-bqija tal-laqgħa tal-Kunsill tan-NASCO ma jkunx jista' jintlaħaq qbil, inkluż fuq il-post, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.