Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0683

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/683 tad-9 ta' April 2019 li tawtorizza lill-Istati Membri biex isiru partijiet, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Approċċ Integrat għas-Sikurezza, is-Sigurtà u s-Servizzi f'Partiti tal-Futbol u Avvenimenti Sportivi Oħra (CETS Nru. 218)

ST/12527/2018/INIT

ĠU L 115, 2.5.2019, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/683/oj

2.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/683

tad-9 ta' April 2019

li tawtorizza lill-Istati Membri biex isiru partijiet, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Approċċ Integrat għas-Sikurezza, is-Sigurtà u s-Servizzi f'Partiti tal-Futbol u Avvenimenti Sportivi Oħra (CETS Nru. 218)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 87(1), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Approċċ Integrat għas-Sikurezza, is-Sigurtà u s-Servizzi f'Partiti tal-Futbol u Avvenimenti Sportivi Oħra (“il-Konvenzjoni”) ġiet magħmula f'Saint-Denis fit-3 ta' Lulju 2016 u ilha miftuħa għall-iffirmar u r-ratifika minn dakinhar.

(2)

Il-Konvenzjoni għandha l-għan li tipprovdi ambjent protett, sigur u akkoljenti fil-partiti tal-futbol u f'avvenimenti sportivi oħra.

(3)

Il-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni, li jikkonċernaw il-punti nazzjonali ta' informazzjoni dwar il-futbol, jista' jkollhom impatt fuq ir-regoli komuni jew jibdlu l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom fis-sens tal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), peress li dawk id-dispożizzjonijiet jikkoinċidu ma' ċerti obbligi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/348/ĠAI (2).

(4)

L-appoġġ tal-Unjoni għall-Konvenzjoni huwa importanti għall-ġlieda kontra l-vjolenza relatata ma' avvenimenti sportivi u jikkomplementa l-isforzi li diġà saru f'dak il-qasam permezz ta' appoġġ għal proġetti taħt il-kapitolu tal-isport tal-programm Erasmus+, stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

L-Unjoni ma tistax issir Parti tal-Konvenzjoni, minħabba li l-Istati biss jistgħu jkunu Partijiet tagħha.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni, b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, fir-rigward ta' dawk il-partijiet tal-Konvenzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(7)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bid-Deċiżjoni 2002/348/ĠAI, u għalhekk qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(8)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati jsiru partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Approċċ Integrat għas-Sikurezza, is-Sigurtà u s-Servizzi f'Partiti tal-Futbol u Avvenimenti Sportivi Oħra (CETS Nru. 218) fir-rigward tal-Artikolu 11(2), (3) u (4) tal-Konvenzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' April 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Approvazzjoni tat-12 ta' Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/348/ĠAI tal-25 ta' April 2002 dwar sigurtà b'konnessjoni ma' logħbiet tal-futbol b' dimensjoni internazzjonali (ĠU L 121, 8.5.2002, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).


Top