Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0392

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/392 tal-4 ta' Marzu 2019 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

    ST/13111/2018/INIT

    ĠU L 71, 13.3.2019, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/392/oj

    Related international agreement

    13.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 71/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/392

    tal-4 ta' Marzu 2019

    dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 u l-Artikolu 100(2), flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem l-Unjoni, Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (“it-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport”) bejn l-Unjoni Ewropea u r- Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo (*1), il-Montenegro u r-Repubblika tas-Serbja.

    (2)

    It-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport ġie ffirmat f'isem l-Unjoni fid-9 ta' Ottubru 2017, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar tard, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 (2), u ġie applikat fuq bażi proviżorja skont l-Artikolu 41(3) tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport.

    (3)

    It-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport tippromwovi ulterjorment l-iżvilupp tat-trasport bejn l-Unjoni u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-acquis tal-Unjoni.

    (4)

    Il-laqgħat tal-Kunsill Ministerjali jew tal-Kumitat ta' Tmexxija Reġjonali stabbiliti, rispettivament, skont l-Artikoli 21 u 24 tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport, għandhom jitħejjew kif suppost fi ħdan il-Kunsill, abbażi ta' proposti u dokumenti oħra mill-Kummissjoni, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tapprova, f'isem l-Unjoni, l-emendi għal-listi tal-atti tal-Unjoni stabbiliti fl-Anness I għat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport, skont il-punt (a) tal-Artikolu 20(3) tiegħu u wara konsultazzjoni adatta.

    (5)

    Jenħtieġ li t-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport jiġi approvat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea (3) (4).

    Artikolu 2

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha, kemm jista' jkun malajr qabel il-laqgħat tal-Kunsill Ministerjali jew tal-Kumitat ta' Tmexxija Reġjonali, tippreżenta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu, fil-format adatt, għall-adozzjoni jew konsultazzjoni skont ma jkun il-każ, skont it-TFUE u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari f'konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera, abbozzi ta' pożizzjonijiet u ta' dikjarazzjonijiet tal-Unjoni dwar il-kwistjonijiet li jkunu ser jiġu diskussi fil-laqgħa rispettiva.

    2.   Il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Unjoni fir-rigward ta' deċiżjonijiet tal-Kumitat ta' Tmexxija Reġjonali, skont il- punt (a) tal-Artikolu 20(3) tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport, li jirrigwardaw sempliċement l-aġġornament ta' atti tal-Unjoni stabbiliti fl-Anness I għat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni. Qabel ma tadotta kwalunkwe tali deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Kunsill dwar il-pożizzjoni antiċipata biżżejjed minn qabel u permezz ta' dokument preparatorju bil-miktub.

    Kwalunkwe aġġustament għall-atti tal-Unjoni li jkun ser jiġu inkorporati fl-Anness I għat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport għandu jkun limitat għall-aġġustamenti tekniċi meħtieġa għall-finijiet ta' tali inkorporazzjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Marzu 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. ANTON


    (1)  Kunsens tat-13 ta' Frar 2019 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (*1)  Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244(1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1937 tal-11 ta' Lulju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tat-Trasport (ĠU L 278, 27.10.2017, p. 1).

    (3)  It-test tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport ġie ppubblikat fil-ĠU L 278, 27.10.2017, p. 3, flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja.

    (4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport ser tiġi ppubblikata f'Il Ġurnal Uffiċjali mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    1.   

    Il-Kummissjoni tisħaq li l-intenzjoni tat-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport hi li b'mod progressiv tiġi stabbilita komunità tat-trasport bejn l-Unjoni Ewropea u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa abbażi tal-acquis rilevanti tal-UE, u b'hekk jinħoloq netwerk effettiv tat-trasport mal-pajjiżi ġirien tal-UE.

    2.   

    Il-Kummissjoni tinnota li t-Trattat dwar il-Komunità tat-Trasport ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, la fit-test tat-Trattat u lanqas fl-Annessi tiegħu, u b'hekk, f'dan l-istadju, l-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 jibqa' japplika fir-rigward tal-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa. Sakemm din is-sitwazzjoni ma tiġix immodifikata, jistgħu jinżammu l-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, inkluż il-permessi li hemm f'dawk il-Ftehimiet, skont dawn id-dispożizzjonijiet u diment li jkun hemm konformità mad-dritt tal-UE.

    3.   

    Fil-każ li l-Unjoni Ewropea u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa jipprevedu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom billi jistabbilixxu opportunitajiet għall-UE kollha għall-aċċess għas-suq fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, il-ftehimiet korrispondenti jiġu nnegozjati, iffirmati u konklużi skont l-Artikolu 218 TFUE.

    4.   

    Għall-ewwel, il-ftehimiet bilaterali li l-Istati Membri jaf ikollhom ma' Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa dwar modalitajiet oħra ta' trasport koperti minn dan it-Trattat, jistgħu jinżammu, jekk ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-qsim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.


    DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, FRANZA, L-ITALJA U L-AWSTRIJA

    Il-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Awstrija jappoġġaw l-għan tat-Trattat dwar it-Trasport għall-Balkani tal-Punent li progressivament tiġi stabbilita komunità tat-trasport u netwerk tat-trasport bejn l-Unjoni Ewropea u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa fuq il-bażi tal-acquis rilevanti tal-UE. Il-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Awstrija jisħqu li l-ftuħ gradwali tas-suq għas-setturi tat-trasport ikkonċernati fuq il-bażi tal-prinċipju tal-aktar nazzjon favorit jimplika neċessarjament li ma jistax ikun hemm trattament aktar favorevoli ta' pajjiżi terzi, inkluż ċittadini ta' pajjiżi terzi meta mqabbla ma' ċittadini tal-UE.

    Għall-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Awstrija huwa importanti li ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri u l-Partijiet tax-Xlokk tal-Ewropa jkunu jistgħu jkomplu jiġu applikati u, jekk meħtieġ, jiġu adattati, u f'dan il-kuntest huma jilqgħu l-impenji li ħadet l-Unjoni Ewropea matul in-negozjati dwar it-Trattat dwar it-Trasport għall-Balkani tal-Punent u dokumentati f'dikjarazzjoni fil-minuti.

    Filwaqt li jżommu f'moħħhom il-qsim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE, il-Ġermanja, Franza, l-Italja u l-Awstrija jsemmu wkoll li t-Trattat dwar it-Trasport għall-Balkani tal-Punent huwa mingħajr preġudizzju għall-qsim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u li dan it-Trattat dwar it-Trasport għall-Balkani tal-Punent ma joħloqx preċedent għal ftehimiet dwar it-trasport ma' pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE.


    Top