EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R2067

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2067 tad-19 ta' Diċembru 2018 dwar il-verifika tad-data u l-akkreditament tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/8589

ĠU L 334, 31.12.2018, p. 94–134 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/05/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2067/oj

31.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 334/94


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2067

tad-19 ta' Diċembru 2018

dwar il-verifika tad-data u l-akkreditament tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b'mod partikulari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 15 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10a tagħha,

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b'urġenza sabiex titqies l-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali - Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (il-Volum IV tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta' Chicago) li l-Kunsill tal-ICAO adotta waqt l-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu fis-27 ta' Ġunju 2018 u li għandhom jibdew japplikaw fl-2019.

(2)

Huwa meħtieġ qafas ġenerali ta' regoli għall-akkreditament tal-verifikaturi sabiex jiġi żgurat li l-verifika tar-rapporti tal-operaturi jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru fil-qafas tas-sistema tal-Unjoni għan-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, li jridu jintbagħtu skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 (2), titwettaq minn verifikaturi li jkollhom il-kompetenza teknika biex iwettqu l-kompitu fdat lilhom b'mod indipendenti u imparzjali u f'konformità mar-rekwiżiti u mal-prinċipji stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(3)

L-esperjenza fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012 (3) uriet li r-regoli dwar l-akkreditament u dwar il-verifika jeħtieġ li jittejbu u jiġu ċċarati u ssimplifikati sabiex tkompli tiġi promossa l-armonizzazzjoni u sabiex is-sistema ssir iktar effiċjenti. Għalhekk jeħtieġ li jsiru għadd ta' emendi fir-Regolament (UE) Nru 600/2012. Fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li dak ir-Regolament jinbidel.

(4)

Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tas-servizzi u tal-fornituri tas-servizzi fl-Unjoni, filwaqt li tinżamm kwalità għolja tas-servizzi. Jenħtieġ li l-armonizzazzjoni tar-regoli għall-akkreditament u għall-verifika marbutin mas-sistema tal-Unjoni għan-negozjar tal-emissjonijiet fl-Unjoni tikkontribwixxi għal suq kompetittiv għall-verifikaturi, filwaqt li tiżgura t-trasparenza u l-informazzjoni għall-operaturi u għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru.

(5)

Huwa u jiġi implimentat l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE, jeħtieġ li tiġi żgurata sinerġija bejn il-qafas komprensiv għall-akkreditament stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-dispożizzjonijiet relatati tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), minn naħa, u l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema tal-Unjoni għan-negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rekwiżiti li huma essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2003/87/KE, min-naħa l-oħra. Jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 765/2008 jkompli japplika għal dawk l-aspetti tal-akkreditament tal-verifikaturi li mhumiex ittrattati f'dan ir-Regolament. B'mod partikulari, jenħtieġ li jiġi żgurat li meta, minħabba l-prattiki interni ta' Stat Membru, awtorità nazzjonali maħtura minn dak l-Istat Membru skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 twettaq proċedura alternattiva għall-akkreditament, b'mod partikulari ċ-ċertifikazzjoni ta' verifikaturi li huma persuni fiżiċi, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi provi ddokumentati li t-tali awtorità tilħaq livell ta' kredibbiltà li jkun jixbah lil dak tal-korpi nazzjonali ta' akkreditament li tkun saritilhom evalwazzjoni b'suċċess bejn il-pari organizzata mill-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 ta' dak ir-Regolament.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jipprevedi sistema indipendenti u newtrali tal-akkreditament jew tal-liċenzjar għall-verifikaturi ambjentali. Għal raġunijiet ta' koerenza u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri u għall-operaturi ekonomiċi, huwa xieraq li jitqiesu s-sinerġiji bejn dak ir-Regolament u dan il-wieħed.

(7)

Jenħtieġ li s-sistema ta' verifika u ta' akkreditament tevita kull irduppjar żejjed tal-proċeduri u tal-organizzazzjonijiet stabbiliti skont strumenti legali oħrajn tal-Unjoni li jwassal għal iżjed piż fuq l-Istati Membri jew fuq l-operaturi ekonomiċi. Għalhekk, huwa xieraq li jintużaw l-aqwa prattiki li joħorġu mill-applikazzjoni tal-istandards armonizzati li l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni jadotta abbażi ta' talba li l-Kummissjoni tagħmillu skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), bħall-istandard armonizzat dwar ir-rekwiżiti ġenerali għall-korpi tal-akkreditament li jakkreditaw il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u l-istandard armonizzat dwar ir-rekwiżiti għall-korpi tal-validazzjoni u tal-verifika tal-gassijiet serra li jintużaw fl-akkreditament jew f'forom oħrajn ta' rikonoxximent, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mid-dokument EA-6/03 u minn dokumenti tekniċi oħrajn żviluppati mill-Kooperazzjoni Ewropea tal-Akkreditament jew minn korpi oħrajn.

(8)

Huma u jiġu stabbiliti r-regoli armonizzati għall-verifika tar-rapporti tal-operaturi jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għall-akkreditament tal-verifikaturi, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-piż impost fuq l-operaturi li f'sena jkollhom inqas emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2), fuq l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jitqiesu bħala emittenti żgħar skont it-tifsira tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, kif ukoll fuq ir-riżorsi disponibbli tal-Istati Membri ma jkunx sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet li jridu jintlaħqu.

(9)

Sabiex is-sinerġiji jintużaw bl-aqwa mod, u minħabba l-importanza li tiġi vverifikata d-data li tintuża biex jiġu aġġornati l-valuri ta' referenza ex ante u biex tiġi stabbilita l-allokazzjoni bla ħlas lill-istallazzjonijiet, huwa xieraq li fir-regoli armonizzati għall-verifika u għall-akkreditament tal-verifikaturi jiddaħħlu regoli għall-verifika tar-rapporti dwar id-data ta' referenza u tar-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid li huma meħtieġa skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni …./…. tad-19 ta' Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(10)

Skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-istallazzjonijiet iż-żgħar suġġetti għal miżuri ekwivalenti mis-sistema tal-Unjoni għan-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, dejjem jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet mogħtija f'dak l-Artikolu. Skont l-Artikolu 27a tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-istallazzjonijiet b'emissjonijiet ta' inqas minn 2 500 tunnellata mis-sistema tal-Unjoni għan-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, dejjem jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet mogħtija f'dak l-Artikolu. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jkunx japplika direttament għall-istallazzjonijiet esklużi skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE jew skont l-Artikolu 27a tagħha, sakemm l-Istat Membru ma jiddeċidix mod ieħor.

(11)

Skont il-prinċipji tal-Anness V tad-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li l-verifikatur iwettaq żjara fuq il-post sabiex jiċċekkja l-limiti tal-istallazzjoni rispettiva jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru rispettiv, sabiex jivvaluta l-operat tal-istrumenti tal-kejl u tas-sistemi ta' monitoraġġ, sabiex iwettaq intervisti u sabiex iwettaq attivitajiet oħrajn. Jenħtieġ li l-verifikatur ma jwettaqx iż-żjara fuq il-post f'kundizzjonijiet speċifiċi biss.

(12)

Skont il-prinċipji tal-Anness V tad-Direttiva 2003/87/KE, jenħtieġ li l-verifikatur japplika approċċ ibbażat fuq ir-riskju bil-għan li jilħaq opinjoni ta' verifika li tkun tipprovdi garanzija raġonevoli li l-emissjonijiet totali jew it-tunnellati kilometri totali ddikjarati ma jkunux iddikjarati ħażin mil-lat materjali u li r-rapport ikun jista' jiġi vverifikat bħala wieħed sodisfaċenti. Jenħtieġ li l-livell ta' garanzija jkun marbut mal-profondità tal-attivitajiet ta' verifika li jkunu twettqu waqt il-verifika u mad-dettall tagħhom, kif ukoll mal-kliem tad-dikjarazzjoni tal-opinjoni ta' verifika. Jenħtieġ li l-verifikatur ikun obbligat jaġġusta attività waħda jew iktar tal-proċess ta' verifika sabiex jissodisfa r-rekwiżiti biex tinkiseb garanzija raġonevoli jekk ikun hemm bżonn minħabba s-sejbiet li jsiru waqt dan il-proċess u l-informazzjoni li tinkiseb matulu.

(13)

Sabiex jiġi evitat it-tgerfix bejn ir-rwol tal-awtorità kompetenti u dak tal-verifikatur, jenħtieġ li jiġu ddefiniti biċ-ċar ir-responsabbiltajiet ta' verifikatur meta jkun qed iwettaq verifika. Jenħtieġ li l-verifikatur jieħu l-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti bħala punt ta' referenza u jivvaluta jekk dan il-pjan u l-proċeduri deskritti fih ikunux ġew implimentati sewwa jew le. Meta l-verifikatur jidentifika nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, jenħtieġ li huwa jkollu r-responsabbiltà jirrapporta din il-kwistjoni ta' nuqqas ta' konformità fir-rapport ta' verifika.

(14)

Huwa neċessarju li jkun hemm fehim sħiħ tal-attivitajiet ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru biex issir verifika effettiva tar-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru. Jenħtieġ li verifikatur iwettaq l-attivitajiet ta' verifika mitlubin biss wara li huwa jkun żgura, wara li tkun saret valutazzjoni preliminari, li huwa kompetenti jagħmel dan. Sabiex l-attivitajiet ta' verifika jkunu ta' kwalità għolja, jenħtieġ li jiġu żviluppati regoli armonizzati għal valutazzjoni preliminari sabiex jiġi stabbilit jekk verifikatur huwiex kompetenti, indipendenti u imparzjali biex iwettaq l-attivitajiet ta' verifika mitlubin skont ir-regoli u l-prinċipji stabbiliti f'dan ir-Regolament jew le.

(15)

L-għoti tal-informazzjoni rilevanti bejn l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru u l-verifikatur hija essenzjali fl-aspetti kollha tal-proċess ta' verifika, b'mod partikulari fil-fażi prekuntrattwali, fit-twettiq ta' analiżi strateġika min-naħa tal-verifikatur u matul il-proċess kollu tal-verifika. Jeħtieġ li jiġi stabbilit sett ta' rekwiżiti armonizzati li jrid jirregola l-ħin kollu dan l-għoti tal-informazzjoni bejn l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru u l-verifikatur.

(16)

L-attivitajiet kollha ta' verifika fil-proċess ta' verifika huma marbutin ma' xulxin u jenħtieġ li jiġu konklużi bil-ħruġ ta' rapport ta' verifika min-naħa tal-verifikatur li jkun fih dikjarazzjoni ta' verifika li tkun proporzjonata mar-riżultat tal-valutazzjoni tal-verifika. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti armonizzati għar-rapporti ta' verifika u għat-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika sabiex ikun żgurat li r-rapporti ta' verifika u l-attivitajiet ta' verifika fl-Istati Membri jkunu jilħqu l-istess standards.

(17)

L-analiżi ta' kemm id-data rrappurtata hija suxxettibbli għal dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali hija parti essenzjali mill-proċess ta' verifika u tistabbilixxi kif il-verifikatur irid iwettaq l-attivitajiet ta' verifika. Għalhekk kull element fil-proċess ta' verifika jrid ikun marbut mill-qrib mar-riżultat tal-analiżi ta' dawn ir-riskji li jsiru dikjarazzjonijiet skorretti.

(18)

Jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni speċifika għall-verifika tar-rapport tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għal dik tar-rapport tal-operaturi tas-siti li għalihom tapplika d-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(19)

Ir-rappurtar korrett u effettiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra min-naħa tal-operaturi jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament it-tajjeb tal-proċess ta' monitoraġġ u ta' rappurtar, jenħtieġ li t-titjib kontinwu fil-prestazzjoni tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun jifforma parti mill-attivitajiet ta' verifika li jwettaq il-verifikatur.

(20)

Jenħtieġ li l-verifikaturi u l-persunal tagħhom li jkun kompetenti biss iwettqu l-attivitajiet ta' verifika u joħorġu r-rapporti ta' verifika. Jenħtieġ li l-verifikaturi jistabbilixxu proċessi interni li jiżguraw li l-persunal kollu involut fl-attivitajiet ta' verifika jkun kompetenti biex iwettaq il-kompiti fdati lilu u li jtejbu dawn il-proċessi b'mod kontinwu. Jenħtieġ li l-kriterji biex jiġi stabbilit jekk verifikatur huwiex kompetenti jew le jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha u li dawn ikunu oġġettivi u trasparenti u jkunu jistgħu jiġu vverifikati.

(21)

Jenħtieġ li l-korp nazzjonali ta' akkreditament stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jingħata s-setgħa jakkredita u joħroġ dikjarazzjoni awtorevoli dwar il-kompetenza ta' verifikatur biex iwettaq l-attivitajiet ta' verifika skont dan ir-Regolament, jadotta miżuri amministrattivi u jissorvelja lill-verifikaturi.

(22)

Il-mudelli u formati speċifiċi tal-fajls li l-verifikaturi jridu jużaw jippromwovu l-armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri u jevitaw li jkun hemm differenzi fl-approċċi. Jenħtieġ li l-verifikaturi jużaw mudelli u formati speċifiċi tal-fajls żviluppati mill-Kummissjoni. Meta Stat Membru jkun żviluppa mudelli nazzjonali jew speċifikazzjonijiet nazzjonali dwar il-format tal-fajls, jenħtieġ li dawn ikun fihom tal-inqas l-istess kontenut bħall-mudelli żviluppati mill-Kummissjoni sabiex ikunu żgurati approċċi armonizzati.

(23)

Jenħtieġ li Stat Membru li jidhirlu li ma jagħmilx sens mil-lat ekonomiku li jistabbilixxi korp nazzjonali ta' akkreditament jew li jwettaq attivitajiet ta' akkreditament jew li jidhirlu li dan mhuwiex sostenibbli mil-lat ekonomiku jitħalla jirrikorri għall-korp nazzjonali ta' akkreditament ta' Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li l-korpi nazzjonali ta' akkreditament li tkun saritilhom evalwazzjoni b'suċċess bejn il-pari organizzata mill-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 biss jitħallew iwettqu l-attivitajiet ta' akkreditament skont dan ir-Regolament.

(24)

Jenħtieġ li wieħed jassumi li l-korpi nazzjonali ta' akkreditament li juru li huma konformi ma' dan ir-Regolament u li tkun diġà saritilhom evalwazzjoni b'suċċess bejn il-pari organizzata mill-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jissodisfaw ir-rekwiżiti proċedurali imposti fuq il-korpi nazzjonali ta' akkreditament bħal, pereżempju, ir-rekwiżiti dwar l-istruttura ta' korp nazzjonali ta' akkreditament, l-istabbiliment ta' proċess ta' kompetenza u l-istabbiliment tal-proċeduri u tas-sistema ta' ġestjoni meħtieġa u tal-arranġamenti biex titħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba, u li dawn jiġu eżentati milli ssirilhom evalwazzjoni ġdida bejn il-pari wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Skont id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), jenħtieġ li t-tagħrif ambjentali li jkun fihom ir-rapporti vverifikati tal-operaturi jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li l-awtoritajiet pubbliċi jkollhom jiġi ppubblikat sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, suġġett għal ċerti rekwiżiti ta' kunfidenzjalità.

(25)

Il-kooperazzjoni effettiva bejn il-korpi nazzjonali ta' akkreditament jew, meta dan ikun applikabbli, bejn awtoritajiet nazzjonali oħrajn u l-awtoritajiet kompetenti hija essenzjali għall-funzjonament it-tajjeb tas-sistema tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u għas-sorveljanza tal-kwalità tal-verifika. Għal raġunijiet ta' trasparenza, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-korpi nazzjonali ta' akkreditament jew, meta dan ikun applikabbli, awtoritajiet nazzjonali oħrajn, u l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mezzi effettivi għall-iskambju tal-informazzjoni. Jenħtieġ li l-iskambji tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi nazzjonali ta' akkreditament jew awtoritajiet nazzjonali oħrajn jiġu rregolati mill-garanziji l-iżjed stretti ta' kunfidenzjalità u ta' segretezza professjonali u li dawn jiġu ttrattati skont il-liġijiet nazzjonali u l-liġijiet tal-Unjoni applikabbli.

(26)

Dan ir-Regolament jinkludi titjib fil-proċess tal-akkreditament u tal-verifika li, b'mod parzjali, iqis l-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali - Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (il-Volum IV tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta' Chicago) li l-Kunsill tal-ICAO adotta waqt l-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu fis-27 ta' Ġunju 2018. Ir-Regolament dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE ukoll qed jiġi emendat sabiex iqis l-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati, u dawn iż-żewġ strumenti qed jiġu ssupplimentati minn Att Delegat skont l-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE.

(27)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-verifika tar-rapporti mibgħuta skont id-Direttiva 2003/87/KE u għall-akkreditament u għas-sorveljanza tal-verifikaturi.

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 765/2008, dan ir-Regolament jispeċifika wkoll dispożizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-verifikaturi u għall-evalwazzjoni bejn il-pari tal-korpi nazzjonali ta' akkreditament skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-verifika tad-data dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u dwar it-tunnellati kilometri li jkun hemm mill-1 ta' Jannar 2019 'il quddiem, irrappurtata skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/87/KE, u għall-verifika tad-data rilevanti għall-aġġornament tal-valuri ta' referenza ex ante u għall-istabbiliment tal-allokazzjoni bla ħlas lill-istallazzjonijiet.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE u fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“riskju tad-detezzjoni” tfisser ir-riskju li verifikatur ma jindunax b'dikjarazzjoni skorretta materjali;

(2)

“akkreditament” tfisser attestazzjoni min-naħa ta' korp nazzjonali ta' akkreditament li verifikatur jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn standards armonizzati skont it-tifsira tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u r-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament sabiex iwettaq il-verifika ta' rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament;

(3)

“verifikatur” tfisser persuna ġuridika jew entità legali oħra li twettaq attivitajiet ta' verifika skont dan ir-Regolament u li tkun akkreditata minn korp nazzjonali ta' akkreditament skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 u skont dan ir-Regolament jew persuna fiżika awtorizzata b'mod ieħor, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament, fiż-żmien li fih jinħareġ rapport ta' verifika;

(4)

“verifika” tfisser l-attivitajiet li verifikatur iwettaq biex joħroġ rapport ta' verifika skont dan ir-Regolament;

(5)

“dikjarazzjoni skorretta” tfisser ommissjoni, dikjarazzjoni falza jew żball fid-data li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jirrapporta, mingħajr ma titqies l-inċertezza permissibbli skont l-Artikolu 12(1)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;

(6)

“dikjarazzjoni skorretta materjali” tfisser dikjarazzjoni skorretta li, fl-opinjoni tal-verifikatur, meta tittieħed waħedha jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, taqbeż il-livell ta' materjalità jew tista' taffettwa t-trattament tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru mill-awtorità kompetenti;

(7)

“rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru” tfisser ir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jrid jibgħat skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-rapport dwar it-tunnellati kilometri li operatur tal-inġenji tal-ajru jrid jibgħat biex japplika għall-allokazzjoni tal-kwoti skont l-Artikoli 3e u 3f ta' dik id-Direttiva, ir-rapport dwar id-data ta' referenza li operatur jibgħat skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat (UE) …/… jew ir-rapport dwar id-data li operatur jibgħat skont l-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament;

(8)

“kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament” tfisser l-attivitajiet li jissemmew fl-Anness I li għalihom ikun qed jintalab l-akkreditament jew li għalihom dan ikun ingħata;

(9)

“kompetenza” tfisser il-ħila li wieħed japplika l-għarfien u l-ħiliet tiegħu biex iwettaq attività;

(10)

“livell ta' materjalità” tfisser il-livell limitu kwantitattiv jew il-punt ta' limitu li, meta jinqabeż, verifikatur iqis id-dikjarazzjonijiet skorretti, meta jittieħdu waħedhom jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, bħala materjali;

(11)

“sistema ta' kontroll” tfisser il-valutazzjoni tar-riskju tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u s-sett sħiħ ta' attivitajiet ta' kontroll tiegħu, fosthom il-ġestjoni kontinwa tagħhom, li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jkun stabbilixxa, iddokumenta, implimenta u żamm skont l-Artikolu 59 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) …/…, skont il-każ;

(12)

“attivitajiet ta' kontroll” tfisser kull att li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jwettaq biex inaqqas kemm jista' jkun ir-riskji inerenti jew kull miżura li dan jimplimenta għal dan il-għan;

(13)

“nuqqas ta' konformità” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, kull att jew ommissjoni ta' att min-naħa tal-operatur li jmur kontra l-permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rekwiżiti tal-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti;

(b)

għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet jew ta' rapport dwar it-tunnellati kilometri ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, kull att jew ommissjoni ta' att min-naħa tal-operatur tal-inġenji tal-ajru li jmur kontra r-rekwiżiti tal-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti;

(c)

għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar id-data ta' referenza li operatur jibgħat skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Delegat (UE) …/… jew tar-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid li operatur jibgħat skont l-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament, kull att jew ommissjoni ta' att min-naħa tal-operatur li jmur kontra r-rekwiżiti tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ;

(d)

għall-finijiet tal-akkreditament skont il-Kapitolu IV, kull att jew ommissjoni ta' att min-naħa tal-verifikatur li jmur kontra r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament;

(14)

“sit”, għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet jew dwar it-tunnellati kilometri ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, tfisser il-postijiet fejn jiġi ddefinit u mmaniġġjat il-proċess ta' monitoraġġ, fosthom il-postijiet fejn jiġu kkontrollati u maħżuna d-data u l-informazzjoni rilevanti;

(15)

“ambjent ta' kontroll” tfisser l-ambjent li fih taħdem is-sistema interna ta' kontroll u l-azzjonijiet ġenerali tal-ġestjoni ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru sabiex jiġi żgurat l-għarfien dwar din is-sistema interna ta' kontroll;

(16)

“riskju inerenti” tfisser kemm parametru fir-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru jkun suxxettibbli għal dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali meta jittieħdu waħedhom jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, qabel ma jitqies l-effett ta' kull attività ta' kontroll relatata;

(17)

“riskju ta' kontroll” tfisser kemm parametru fir-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru jkun suxxettibbli għal dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali meta jittieħdu waħedhom jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn u li s-sistema ta' kontroll ma tistax tipprevenihom jew tinnutahom u tikkoreġihom fil-ħin;

(18)

“riskju ta' verifika” tfisser ir-riskju, li huwa funzjoni tar-riskju inerenti, tar-riskju ta' kontroll u tar-riskju tad-detezzjoni, li l-verifikatur jagħti opinjoni ta' verifika li ma tkunx xierqa meta r-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun fih dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(19)

“garanzija raġonevoli” tfisser livell għoli ta' garanzija iżda mhux livell assolut tagħha, espress b'mod pożittiv fl-opinjoni ta' verifika, dwar jekk ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru li jkun qed jiġi vverifikat ikunx ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali jew le;

(20)

“proċeduri analitiċi” tfisser l-analiżi tal-varjazzjonijiet u tax-xejriet fid-data, fosthom analiżi tar-relazzjonijiet li ma jkunux konsistenti ma' informazzjoni rilevanti oħra jew li jiddevjaw mill-ammonti previsti;

(21)

“dokumentazzjoni interna tal-verifika” tfisser id-dokumentazzjoni interna kollha li verifikatur ikun ġabar sabiex jirreġistra l-provi ddokumentati kollha u l-ġustifikazzjonijiet kollha tal-attivitajiet li jitwettqu għall-verifika ta' rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru;

(22)

“awditur ewlieni tal-EU ETS” tfisser awditur tal-EU ETS li huwa responsabbli għat-tmexxija u għas-sorveljanza tat-tim tal-verifika li jkun responsabbli għat-twettiq tal-verifika ta' rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru u għar-rappurtar dwarha;

(23)

“awditur tal-EU ETS” tfisser membru individwali ta' tim tal-verifika li jkun responsabbli għat-twettiq ta' verifika ta' rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, minbarra l-awditur ewlieni tal-EU ETS;

(24)

“espert tekniku” tfisser persuna li tipprovdi għarfien espert u ddettaljat dwar suġġett speċifiku li jkun meħtieġ biex jitwettqu l-attivitajiet ta' verifika għall-finijiet tal-Kapitolu III u biex jitwettqu l-attivitajiet ta' akkreditament għall-finijiet tal-Kapitolu V;

(25)

“livell ta' garanzija” tfisser il-livell ta' garanzija li verifikatur jipprovdi fir-rapport ta' verifika abbażi tal-għan li jitnaqqas ir-riskju ta' verifika skont iċ-ċirkustanzi tal-impenn ta' verifika;

(26)

“assessur” tfisser persuna li korp nazzjonali ta' akkreditament iqabbad biex tivvaluta lil verifikatur skont dan ir-Regolament, waħedha jew bħala parti minn tim tal-valutazzjoni;

(27)

“assessur ewlieni” tfisser assessur li jingħata r-responsabbiltà ġenerali għat-twettiq tal-valutazzjoni ta' verifikatur skont dan ir-Regolament;

(28)

“rapport dwar id-data ta' referenza” tfisser rapport li operatur jibgħat skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat (UE) …/…;

(29)

“rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid” tfisser rapport li operatur jibgħat skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat (UE) …/….

Artikolu 4

Suppożizzjoni ta' konformità

Meta verifikatur juri li huwa konformi mal-kriterji stabbiliti fl-istandards armonizzati rilevanti ddefiniti fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew ma' partijiet minnhom, wieħed għandu jassumi li dan il-verifikatur huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III ta' dan ir-Regolament sal-punt li fih l-istandards armonizzati applikabbli jkopru dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 5

Qafas ġenerali għall-akkreditament

Meta dan ir-Regolament ma jistabbilixxi l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-kompożizzjoni tal-korpi nazzjonali ta' akkreditament jew dwar l-attivitajiet u r-rekwiżiti marbutin mal-akkreditament, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

KAPITOLU II

VERIFIKA

Artikolu 6

Affidabbiltà tal-verifika

Rapport ivverifikat dwar l-emissjonijiet, dwar id-data ta' referenza jew dwar id-data ta' min jidħol ġdid għandu jkun affidabbli għall-utenti. Huwa għandu jirrappreżenta b'mod fidil dak li għandu l-għan li jirrappreżenta jew inkella dak li wieħed jista' jistenna b'mod raġonevoli li jirrappreżenta.

Il-proċess ta' verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jkun għodda affidabbli u effettiva ta' appoġġ għall-proċeduri ta' garanzija tal-kwalità u ta' kontroll tal-kwalità, li tipprovdi informazzjoni li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jkun jista' juża biex itejjeb il-prestazzjoni tiegħu b'rabta mal-monitoraġġ u mar-rappurtar tal-emissjonijiet u tad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas.

Artikolu 7

Obbligi ġenerali tal-verifikatur

1.   Il-verifikatur għandu jwettaq il-verifika u l-attivitajiet meħtieġa skont dan il-Kapitolu bil-għan li jipprovdi rapport ta' verifika li jikkonkludi b'garanzija raġonevoli li r-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru ma fihx dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

2.   Il-verifikatur għandu jippjana u jwettaq il-verifika b'attitudni ta' xettiċiżmu professjonali u jirrikonoxxi li jista' jkun hemm ċirkustanzi li jwasslu biex ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun fih dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

3.   Il-verifikatur irid iwettaq il-verifika fl-interess pubbliku u jkun indipendenti mill-operatur jew mill-operatur tal-inġenji tal-ajru u mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għad-Direttiva 2003/87/KE.

4.   Waqt il-verifika, il-verifikatur għandu jivvaluta dan li ġej:

(a)

jekk ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru huwiex komplut u jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness X tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew fl-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) …/… skont il-każ, jew le;

(b)

jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkunx aġixxa f'konformità mar-rekwiżiti tal-permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew le meta l-verifika tkun qed issir b'rabta ma' rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, u jekk huwa jkunx aġixxa f'konformità mar-rekwiżiti tal-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew le meta l-verifika tkun qed issir b'rabta ma' rapport dwar l-emissjonijiet jew dwar it-tunnellati kilometri ta' operatur tal-inġenji tal-ajru;

(c)

jekk l-operatur ikunx aġixxa f'konformità mar-rekwiżiti tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) …/… approvat mill-awtorità kompetenti jew le meta l-verifika tkun qed issir b'rabta ma' rapport dwar id-data ta' referenza ta' operatur jew ma' rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu;

(d)

jekk id-data tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru tkunx ħielsa minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali jew le;

(e)

jekk tistax tiġi pprovduta informazzjoni li tappoġġa l-attivitajiet tal-fluss tad-data u s-sistema ta' kontroll tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u l-proċeduri marbutin magħhom tiegħu sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tal-monitoraġġ u tar-rappurtar tiegħu jew le.

B'deroga mill-punt (c), il-verifikatur għandu jivvaluta jekk il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ tal-operatur ikunx konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Delegat (UE) …/… jew le meta dak il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ma jkunx ġie approvat mill-awtorità kompetenti qabel ma jkun intbagħat ir-rapport dwar id-data ta' referenza. Jekk il-verifikatur isib li pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ma jkunx jikkonforma mar-Regolament Delegat (UE) …/…, l-operatur għandu jibdel dak il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ sabiex ikun jikkonforma ma' dak ir-Regolament.

Għall-finijiet tal-punt (d) ta' dan il-paragrafu, il-verifikatur għandu jikseb provi ċari u oġġettivi mingħand l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru li tappoġġa l-emissjonijiet jew it-tunnellati kilometri aggregati rrappurtati jew id-data aggregata rrappurtata rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas, filwaqt li jqis l-informazzjoni l-oħra kollha pprovduta fir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru.

5.   Jekk il-verifikatur isib li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx qed jikkonforma mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/…, huwa għandu jniżżel dik l-irregolarità fir-rapport ta' verifika, anke jekk l-awtorità kompetenti tkun approvat il-pjan ta' monitoraġġ jew il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ikkonċernat, skont il-każ.

6.   Jekk l-awtorità kompetenti ma tkunx approvat il-pjan ta' monitoraġġ skont l-Artikolu 12 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew jekk dan ma jkunx komplut jew jekk, matul il-perjodu tar-rappurtar, ikun sar tibdil sinifikanti fih imsemmi fl-Artikolu 15(3) jew (4) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni li l-awtorità kompetenti ma tkunx approvat kif xieraq, il-verifikatur għandu jagħti parir lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru jikseb l-approvazzjoni meħtieġa mingħand l-awtorità kompetenti.

Jekk tkun trid tinkiseb l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti għall-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ qabel ma jintbagħat ir-rapport dwar id-data ta' referenza skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Delegat (UE) …/… u l-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ma jkunx ġie approvat jew ma jkunx komplut, jew jekk ikun sar tibdil sinifikanti fih imsemmi fl-Artikolu 9(5) ta' dak ir-Regolament li l-awtorità kompetenti ma tkunx approvat, il-verifikatur għandu jagħti parir lill-operatur jikseb l-approvazzjoni meħtieġa mingħand l-awtorità kompetenti.

Wara li l-awtorità kompetenti tagħti l-approvazzjoni tagħha, il-verifikatur għandu jkompli l-attivitajiet ta' verifika jew jirrepetihom jew jadattahom kif xieraq.

Jekk ma tkunx inkisbet l-approvazzjoni qabel ma jinħareġ ir-rapport ta' verifika, il-verifikatur għandu jniżżel dan fir-rapport ta' verifika.

Artikolu 8

Obbligi prekuntrattwali

1.   Qabel ma jaċċetta impenn ta' verifika, verifikatur għandu jikseb fehim tajjeb tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u jivvaluta jekk jistax jidħol għall-verifika jew le. Għal dan il-għan, il-verifikatur għandu jagħmel tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

jevalwa r-riskji involuti fit-twettiq tal-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament;

(b)

janalizza l-informazzjoni li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jipprovdilu sabiex jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni tal-verifika;

(c)

jivvaluta jekk l-impenn jidħolx fil-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tiegħu jew le;

(d)

jivvaluta jekk għandux il-kompetenza, il-persunal u r-riżorsi meħtieġa biex jagħżel tim tal-verifika li jkun kapaċi jittratta l-kumplessità tal-istallazzjoni jew tal-attivitajiet u tal-flotta tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jew le, kif ukoll jekk huwiex kapaċi jlesti b'suċċess l-attivitajiet ta' verifika fil-perjodu taż-żmien meħtieġ jew le;

(e)

jivvaluta jekk huwiex kapaċi jiżgura li t-tim tal-verifika potenzjali li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu għandu l-kompetenza u l-persuni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika għal dak l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru speċifiku jew le;

(f)

għal kull impenn ta' verifika mitlub, jistabbilixxi l-allokazzjoni tal-ħin meħtieġa biex il-verifika ssir sewwa.

2.   L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jagħti lill-verifikatur l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilu jwettaq l-attivitajiet li jisssemmew fil-paragrafu 1.

Artikolu 9

Allokazzjoni tal-ħin

1.   Huwa u jistabbilixxi l-allokazzjoni tal-ħin għal impenn ta' verifika msemmija fl-Artikolu 8(1)(f), il-verifikatur għandu jqis tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

il-kumplessità tal-istallazzjoni jew tal-attivitajiet u tal-flotta tal-operatur tal-inġenji tal-ajru;

(b)

il-livell ta' informazzjoni u l-kumplessità tal-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ;

(c)

il-livell meħtieġ ta' materjalità;

(d)

il-kumplessità u l-kompletezza tal-attivitajiet tal-fluss tad-data u tas-sistema ta' kontroll tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru;

(e)

il-post fejn jinsabu l-informazzjoni u d-data marbutin mal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, id-data dwar it-tunnellati kilometri u d-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas.

2.   Il-verifikatur għandu jiżgura li l-kuntratt tal-verifika jipprevedi l-possibbiltà ta' ħin li jrid jiġi ċċarġjat minbarra l-ħin miftiehem fil-kuntratt meta jinstab li t-tali ħin addizzjonali jkun meħtieġ għall-analiżi strateġika, għall-analiżi tar-riskji jew għal attivitajiet oħrajn ta' verifika. Is-sitwazzjonijiet li fihom jaf ikun meħtieġ il-ħin addizzjonali għandhom jinkludu tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)

waqt il-verifika meta l-attivitajiet tal-fluss tad-data, l-attivitajiet ta' kontroll jew il-loġistika tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jidhru li jkunu iżjed kumplessi minn dak li kien previst fil-bidu;

(b)

meta l-verifikatur jidentifika dikjarazzjonijiet skorretti, nuqqasijiet ta' konformità, data insuffiċjenti jew żbalji fis-settijiet tad-data waqt il-verifika.

3.   Il-verifikatur għandu jniżżel il-ħin allokat fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika.

Artikolu 10

Informazzjoni mingħand operatur jew mingħand operatur tal-inġenji tal-ajru

1.   Qabel l-analiżi strateġika u f'mumenti oħrajn waqt il-verifika, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jagħti lill-verifikatur l-affarijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-permess għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-operatur meta l-verifika tkun qed issir b'rabta ma' rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur;

(b)

l-aħħar verżjoni tal-pjan ta' monitoraġġ tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, kif ukoll kull verżjoni rilevanti oħra tal-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti, fosthom il-provi tal-approvazzjoni;

(c)

l-aħħar verżjoni tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ tal-operatur, kif ukoll kull verżjoni rilevanti oħra tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, fosthom il-provi tal-approvazzjoni meta dan ikun applikabbli;

(d)

deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-fluss tad-data tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru;

(e)

il-valutazzjoni tar-riskju tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 59(2)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Delegat (UE) …/…, skont il-każ, u deskrizzjoni tas-sistema ġenerali ta' kontroll;

(f)

il-valutazzjoni ssimplifikata tal-inċertezza msemmija fl-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament Delegat (UE) …/…, meta dan ikun applikabbli;

(g)

il-proċeduri msemmijin fil-pjan ta' monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti jew fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, fosthom il-proċeduri għall-attivitajiet tal-fluss tad-data u għall-attivitajiet ta' kontroll;

(h)

ir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet, ir-rapport dwar it-tunnellati kilometri, ir-rapport dwar id-data ta' referenza jew ir-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, skont il-każ;

(i)

ir-rapporti dwar id-data ta' referenza tal-perjodi tal-allokazzjoni ta' qabel għall-fażijiet tal-allokazzjoni ta' qabel u r-rapporti annwali dwar il-livell tal-attività tas-snin ta' qabel li jkunu ntbagħtu lill-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 10a(21) tad-Direttiva 2003/87/KE, jekk dan ikun applikabbli;

(j)

il-pjan ta' kampjunar tal-operatur imsemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 kif approvat mill-awtorità kompetenti, meta dan ikun applikabbli;

(k)

jekk il-pjan ta' monitoraġġ ikun inbidel matul il-perjodu tar-rappurtar, reġistru ta' dak it-tibdil kollu skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;

(l)

ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 69(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, meta dan ikun applikabbli;

(m)

ir-rapport ta' verifika tas-sena ta' qabel jew tal-perjodu ta' referenza ta' qabel, skont il-każ, jekk il-verifikatur ma jkunx wettaq il-verifika ta' dak l-operatur partikulari jew ta' dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru partikulari fis-sena ta' qabel jew fil-perjodu ta' referenza ta' qabel, skont il-każ;

(n)

il-korrispondenza kollha rilevanti mal-awtorità kompetenti, b'mod partikulari l-informazzjoni marbuta man-notifika ta' tibdil fil-pjan ta' monitoraġġ jew fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ;

(o)

informazzjoni dwar il-bażijiet tad-data u s-sorsi tad-data użati għall-finijiet tal-monitoraġġ u tar-rappurtar, fosthom dawk tal-Eurocontrol jew ta' organizzazzjoni rilevanti oħra;

(p)

meta l-verifika tkun qed issir b'rabta ma' rapport dwar l-emissjonijiet ta' stallazzjoni li tkun qed twettaq il-ħżin ġeoloġiku tal-gassijiet serra f'sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE, il-pjan ta' monitoraġġ meħtieġ skont dik id-Direttiva u r-rapporti meħtieġa skont l-Artikolu 14 ta' dik id-Direttiva, li jkunu jkopru tal-inqas il-perjodu tar-rappurtar tar-rapport dwar l-emissjonijiet li jrid jiġi vverifikat;

(q)

l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti sabiex ma jitwettqux iż-żjarat fuq il-post għall-istallazzjonijiet skont l-Artikolu 31(1), meta dan ikun applikabbli;

(r)

provi min-naħa tal-operatur li juru l-konformità mal-limiti tal-inċertezza għas-saffi stabbiliti fil-pjan ta' monitoraġġ;

(s)

kull informazzjoni rilevanti oħra meħtieġa għall-ippjanar tal-verifika u għat-twettiq tagħha.

2.   Qabel ma l-verifikatur joħroġ ir-rapport ta' verifika, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jagħtih ir-rapport finali awtorizzat u vvalidat internament tiegħu.

Artikolu 11

Analiżi strateġika

1.   Fil-bidu tal-verifika l-verifikatur għandu jivvaluta n-natura, l-iskala u l-kumplessità li x'aktarx ikollhom il-kompiti tal-verifika billi jwettaq analiżi strateġika tal-attivitajiet kollha li jkunu rilevanti għall-istallazzjoni jew għall-operatur tal-inġenji tal-ajru.

2.   Sabiex jifhem l-attivitajiet li twettaq l-istallazzjoni jew li jwettaq l-operatur tal-inġenji tal-ajru, il-verifikatur għandu jiġbor u janalizza l-informazzjoni meħtieġa sabiex jivvaluta li t-tim tal-verifika huwa kompetenti biżżejjed biex iwettaq il-verifika, sabiex jistabbilixxi li l-allokazzjoni tal-ħin indikata fil-kuntratt ġiet stabbilita tajjeb u sabiex jiżgura li huwa għandu l-ħila jwettaq l-analiżi tar-riskji meħtieġa. L-informazzjoni għandha tinkludi tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1);

(b)

il-livell meħtieġ ta' materjalità;

(c)

l-informazzjoni miksuba mill-verifika tas-snin ta' qabel, jekk il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifika għall-istess operatur jew għall-istess operatur tal-inġenji tal-ajru.

3.   Huwa u janalizza l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-verifikatur għandu jivvaluta tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, il-kategorija tal-istallazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u l-attivitajiet li jitwettqu f'dik l-istallazzjoni;

(b)

għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet jew dwar it-tunnellati kilometri ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, id-daqs tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u n-natura tiegħu, it-tqassim tal-informazzjoni f'postijiet differenti, kif ukoll l-għadd ta' titjiriet u t-tip tagħhom;

(c)

il-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, kif ukoll id-dettalji tal-metodoloġija tal-monitoraġġ stabbilita f'dak il-pjan ta' monitoraġġ jew f'dak il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ;

(d)

in-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-sorsi tal-emissjonijiet u tal-flussi mis-sorsi, kif ukoll it-tagħmir u l-proċessi li jkunu wasslu għad-data dwar l-emissjonijiet, għad-data dwar it-tunnellati kilometri u għad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas, fosthom it-tagħmir tal-kejl deskritt fil-pjan ta' monitoraġġ jew fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, l-oriġini u l-applikazzjoni tal-fatturi ta' kalkolu u sorsi primarji oħrajn tad-data;

(e)

l-attivitajiet tal-fluss tad-data, is-sistema ta' kontroll u l-ambjent ta' kontroll.

4.   Huwa u jwettaq l-analiżi strateġika, il-verifikatur għandu jiċċekkja l-affarijiet li ġejjin:

(a)

jekk il-verżjoni tal-pjan ta' monitoraġġ jew tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ippreżentata lilu, skont il-każ, hijiex l-iktar verżjoni riċenti jew le u ġietx approvata mill-awtorità kompetenti jew le meta tkun meħtieġa t-tali approvazzjoni;

(b)

jekk sarx tibdil fil-pjan ta' monitoraġġ matul il-perjodu tar-rappurtar jew jekk sarx tibdil fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ matul il-perjodu ta' referenza, skont il-każ, jew le;

(c)

jekk l-awtorità kompetenti ġietx mgħarrfa bit-tibdil imsemmi fil-punt (b) skont l-Artikolu 15(1) jew l-Artikolu 23 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew jekk l-awtorità kompetenti approvatx dan it-tibdil skont l-Artikolu 15(2) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni jew le, meta dan ikun applikabbli;

(d)

jekk l-awtorità kompetenti ġietx mgħarrfa bit-tibdil imsemmi fil-punt (b) skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat (UE) …/… jew jekk l-awtorità kompetenti approvatx dan it-tibdil skont l-Artikolu 9(4) ta' dak ir-Regolament jew le, meta dan ikun applikabbli.

Artikolu 12

Analiżi tar-riskji

1.   Il-verifikatur għandu jidentifika u janalizza l-elementi li ġejjin sabiex ifassal, jippjana u jimplimenta verifika effettiva:

(a)

ir-riskji inerenti;

(b)

l-attivitajiet ta' kontroll;

(c)

meta jkunu ġew implimentati l-attivitajiet ta' kontroll imsemmijin fil-punt (b), ir-riskji ta' kontroll marbutin mal-effettività ta' dawk l-attivitajiet ta' kontroll.

2.   Huwa u jidentifika u janalizza l-elementi msemmijin fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jqis tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

is-sejbiet tal-analiżi strateġika msemmija fl-Artikolu 11(1);

(b)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) u fl-Artikolu 11(2)(c);

(c)

il-livell ta' materjalità msemmi fl-Artikolu 11(2)(b).

3.   Jekk il-verifikatur jistabbilixxi li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx irnexxielu jidentifika r-riskji inerenti u r-riskji ta' kontroll rilevanti fil-valutazzjoni tar-riskju tiegħu, għandu javża lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru b'dan.

4.   Meta dan ikun xieraq skont l-informazzjoni miksuba waqt il-verifika, il-verifikatur għandu jirrevedi l-analiżi tar-riskji u jibdel l-attivitajiet ta' verifika li jridu jitwettqu jew jirrepetihom.

Artikolu 13

Pjan ta' verifika

1.   Il-verifikatur għandu jabbozza pjan ta' verifika li jkun proporzjonat mal-informazzjoni miksuba u mar-riskji identifikati waqt l-analiżi strateġika u waqt l-analiżi tar-riskji, li jrid ikun fih tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

programm ta' verifika li jiddeskrivi n-natura tal-attivitajiet ta' verifika u l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, kif ukoll il-ħin li fih iridu jitwettqu dawn l-attivitajiet u l-mod kif għandhom jitwettqu;

(b)

pjan magħmul bħala test li jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet ta' kontroll u l-metodi tal-ittestjar tagħhom, kif ukoll il-proċeduri għall-attivitajiet ta' kontroll;

(c)

pjan ta' kampjunar tad-data li jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni u l-metodi tal-kampjunar tad-data b'rabta mal-punti tad-data li fuqhom jissejsu l-emissjonijiet aggregati mogħtija fir-rapport dwar l-emissjonijiet tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, id-data aggregata dwar it-tunnellati kilometri mogħtija fir-rapport dwar it-tunnellati kilometri tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u d-data aggregata rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas mogħtija fir-rapport dwar id-data ta' referenza jew fir-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tal-operatur.

2.   Il-verifikatur għandu jistabbilixxi l-pjan magħmul bħala test imsemmi fil-paragrafu 1(b) b'mod li jippermettilu jistabbilixxi kemm jista' joqgħod fuq l-attivitajiet ta' kontroll rilevanti biex jivvaluta l-konformità mar-rekwiżiti msemmijin fl-Artikolu 7(4)(b), (c) jew (d) jew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4).

Huwa u jistabbilixxi d-daqs tal-kampjunar u l-attivitajiet tal-kampjunar għall-ittestjar tal-attivitajiet ta' kontroll, il-verifikatur għandu jqis l-elementi li ġejjin:

(a)

ir-riskji inerenti;

(b)

l-ambjent ta' kontroll;

(c)

l-attivitajiet ta' kontroll rilevanti;

(d)

ir-rekwiżit li jagħti opinjoni ta' verifika b'garanzija raġonevoli.

3.   Huwa u jistabbilixxi d-daqs tal-kampjunar u l-attivitajiet tal-kampjunar għall-kampjunar tad-data msemmija fil-paragrafu 1(c), il-verifikatur għandu jqis l-elementi li ġejjin:

(a)

ir-riskji inerenti u r-riskji ta' kontroll;

(b)

ir-riżultati tal-proċeduri analitiċi;

(c)

ir-rekwiżit li jagħti opinjoni ta' verifika b'garanzija raġonevoli;

(d)

il-livell ta' materjalità;

(e)

il-materjalità tal-kontribut ta' element individwali tad-data għas-sett tad-data ġenerali.

4.   Il-verifikatur għandu jistabbilixxi u jimplimenta l-pjan ta' verifika b'tali mod li r-riskju ta' verifika jitnaqqas għal livell aċċettabbli biex tinkiseb garanzija raġonevoli li r-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru ma fihx dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

5.   Il-verifikatur għandu jaġġorna l-analiżi tar-riskji u l-pjan ta' verifika u jadatta l-attivitajiet ta' verifika waqt il-verifika meta huwa jsib riskji addizzjonali li jridu jitnaqqsu jew meta huwa jsib li r-riskju reali huwa inqas minn dak li kien mistenni fil-bidu.

Artikolu 14

Attivitajiet ta' verifika

Il-verifikatur għandu jimplimenta l-pjan ta' verifika u jiċċekkja l-implimentazzjoni tal-pjan ta' monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti jew tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, abbażi tal-analiżi tar-riskji.

Għal dak il-għan, il-verifikatur għandu jwettaq tal-inqas ittestjar sostantiv li jkun jikkonsisti fi proċeduri analitiċi, verifika tad-data u ċċekkjar tal-metodoloġija tal-monitoraġġ u għandu jiċċekkja l-affarijiet li ġejjin:

(a)

l-attivitajiet tal-fluss tad-data u s-sistemi użati fil-fluss tad-data, fosthom is-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni;

(b)

jekk l-attivitajiet ta' kontroll tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru humiex iddokumentati, implimentati u miżmuma kif xieraq u humiex effettivi biex jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji inerenti jew le;

(c)

jekk il-proċeduri mniżżlin fil-pjan ta' monitoraġġ jew fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, humiex effettivi biex jitnaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji inerenti u r-riskji ta' kontroll jew le u jekk il-proċeduri humiex implimentati, iddokumentati biżżejjed u miżmuma sewwa jew le.

Għall-finijiet tal-punt (a) tat-tieni paragrafu, il-verifikatur għandu jsegwi l-fluss tad-data billi jsegwi s-sekwenza u l-interazzjoni tal-attivitajiet tal-fluss tad-data mid-data mis-sorsi primarji sal-kumpilazzjoni tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru.

Artikolu 15

Proċeduri analitiċi

1.   Il-verifikatur għandu juża proċeduri analitiċi biex jivvaluta kemm hi plawżibbli u kompluta d-data f'każijiet fejn ir-riskju inerenti, ir-riskju ta' kontroll u l-livell ta' adattament tal-attivitajiet ta' kontroll tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru juru li hemm bżonn isiru t-tali proċeduri analitiċi.

2.   Meta jkun qed iwettaq il-proċeduri analitiċi msemmijin fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jivvaluta d-data rrappurtata sabiex jidentifika l-oqsma potenzjali ta' riskju u wara jivvalida l-attivitajiet ta' verifika ppjanati u jadattahom għalihom. Il-verifikatur għandu jagħmel tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

jivvaluta kemm huma plawżibbli l-varjazzjonijiet u x-xejriet tul iż-żmien jew fost l-oġġetti li jistgħu jitqabblu ma' xulxin;

(b)

jidentifika l-anomaliji immedjati, id-data mhix mistennija u n-nuqqasijiet fid-data.

3.   Meta jkun qed japplika l-proċeduri analitiċi msemmijin fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jwettaq il-proċeduri li ġejjin:

(a)

proċeduri analitiċi preliminari b'rabta mad-data aggregata qabel ma jwettaq l-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 14 sabiex jifhem in-natura, l-kumplessità u r-rilevanza tad-data rrappurtata;

(b)

proċeduri analitiċi sostantivi b'rabta mad-data aggregata u mal-punti tad-data li fuqhom tissejjes din id-data sabiex jidentifika l-iżbalji strutturali potenzjali u l-anomaliji immedjati li jista' jkun hemm;

(c)

proċeduri analitiċi finali b'rabta mad-data aggregata sabiex jiżgura li l-iżbalji kollha li jkunu ġew identifikati waqt il-proċess ta' verifika jkunu ssolvew kif suppost.

4.   Meta l-verifikatur jidentifika anomaliji, varjazzjonijiet, xejriet, nuqqasijiet fid-data jew data li ma tkunx konsistenti ma' informazzjoni rilevanti oħra jew li tkun tvarja ħafna mill-ammonti jew mil-proporzjonijiet mistennija, huwa għandu jikseb spjegazzjonijiet dwar dan mingħand l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru, appoġġati minn provi rilevanti addizzjonali.

Abbażi tal-ispjegazzjonijiet u tal-provi addizzjonali pprovduti, il-verifikatur għandu jivvaluta l-impatt tagħhom fuq il-pjan ta' verifika u fuq l-attivitajiet ta' verifika li jridu jitwettqu.

Artikolu 16

Verifika tad-data

1.   Il-verifikatur għandu jivverifika d-data mogħtija fir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru billi jittestja d-data b'mod iddettaljat, fosthom billi jittraċċa d-data lura lejn is-sors primarju tad-data, billi jivverifika d-data ma' sorsi esterni tad-data, billi jwettaq rikonċiljazzjonijiet, billi jiċċekkja l-limiti marbutin mad-data x-xierqa u billi jagħmel il-kalkoli mill-ġdid.

2.   Bħala parti mill-verifika tad-data msemmija fil-paragrafu 1 u filwaqt li jqis il-pjan ta' monitoraġġ jew il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ approvat, skont il-każ, fosthom il-proċeduri deskritti f'dak il-pjan, il-verifikatur għandu jiċċekkja l-affarijiet li ġejjin:

(a)

għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, il-limiti ta' stallazzjoni;

(b)

għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar id-data ta' referenza ta' operatur jew ta' rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu, il-limiti ta' stallazzjoni u tas-subinstallazzjonijiet tagħha;

(c)

għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, ta' rapport dwar id-data ta' referenza tiegħu jew ta' rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu, il-kompletezza tal-flussi mis-sorsi u tas-sorsi tal-emissjonijiet kif deskritt fil-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ;

(d)

għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet u ta' rapport dwar it-tunnellati kilometri ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, il-kompletezza tat-titjiriet koperti minn attività tal-avjazzjoni mniżżla fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE li għaliha l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun responsabbli, kif ukoll il-kompletezza tad-data dwar l-emissjonijiet u tad-data dwar it-tunnellati kilometri rispettivament;

(e)

għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet u ta' rapport dwar it-tunnellati kilometri ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, il-konsistenza bejn id-data rrappurtata u d-dokumentazzjoni dwar il-massa u l-bilanċ;

(f)

għall-finijiet tal-verifika ta' rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, il-konsistenza bejn il-konsum aggregat tal-fjuwil u d-data dwar il-fjuwil mixtri jew ipprovdut mod ieħor lill-inġenju tal-ajru li jkun qed iwettaq l-attività tal-avjazzjoni;

(g)

il-konsistenza tad-data aggregata rrappurtata f'rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru mad-data mis-sorsi primarji;

(h)

meta operatur japplika metodoloġija bbażata fuq il-kejl imsemmija fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-valuri mkejla bl-użu tar-riżultati tal-kalkoli li l-operatur ikun għamel skont l-Artikolu 46 ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni;

(i)

l-affidabbiltà u l-preċiżjoni tad-data.

3.   Għall-finijiet tal-iċċekkjar tal-kompletezza tat-titjiriet imsemmija fil-paragrafu 2(d), il-verifikatur għandu juża d-data dwar it-traffiku tal-ajru tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, fosthom id-data miġbura mill-Eurocontrol jew minn organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn li jistgħu jipproċessaw l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-ajru bħal dik disponibbli għall-Eurocontrol.

Artikolu 17

Verifika tal-applikazzjoni korretta tal-metodoloġija tal-monitoraġġ

1.   Il-verifikatur għandu jiċċekkja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-metodoloġija tal-monitoraġġ kif approvata mill-awtorità kompetenti fil-pjan ta' monitoraġġ, fosthom id-dettalji speċifiċi ta' dik il-metodoloġija tal-monitoraġġ.

2.   Għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, il-verifikatur għandu jiċċekkja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-pjan ta' kampjunar imsemmi fl-Artikolu 33 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 kif approvat mill-awtorità kompetenti.

3.   Għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar id-data ta' referenza ta' operatur jew tar-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk il-metodoloġija għall-ġbir u għall-monitoraġġ tad-data ddefinita fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ hijiex applikata kif suppost jew le, fosthom l-affarijiet li ġejjin:

(a)

jekk id-data kollha marbuta mal-emissjonijiet, mad-dħul, mal-prodotti u mal-flussi tal-enerġija ġietx attribwita sewwa għas-subinstallazzjonijiet skont il-limiti tas-sistema kif imsemmi fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) …/… jew le;

(b)

jekk id-data hijiex kompluta u jekk kienx hemm nuqqasijiet fid-data jew għadd doppju jew le;

(c)

jekk il-livelli tal-attività għall-valuri ta' referenza tal-prodotti humiex ibbażati fuq applikazzjoni korretta tad-definizzjonijiet tal-prodotti mniżżlin fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) …/… jew le;

(d)

jekk il-livelli tal-attività għas-subinstallazzjonijiet ta' referenza għas-sħana, għas-subinstallazzjoni tat-tisħin distrettwali, għas-subinstallazzjonijiet ta' referenza għall-fjuwil u għas-subinstallazzjonijiet tal-emissjonijiet mill-proċessi ġewx attribwiti sewwa skont il-prodotti li ġew prodotti u skont l-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10b(5) tad-Direttiva 2003/87/KE jew le.

4.   Meta s-CO2 ittrasferit jitnaqqas skont l-Artikolu 49 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew in-N2O ittrasferit ma jingħaddx skont l-Artikolu 50 ta' dak ir-Regolament u s-CO2 jew in-N2O ittrasferit jitkejjel kemm mill-istallazzjoni li tkun qed tittrasferih u kemm mill-istallazzjoni li tkun qed tirċevih, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk l-inċertezza tas-sistemi tal-kejl tistax tispjega d-differenzi bejn il-valuri mkejla fiż-żewġ stallazzjonijiet jew le u jekk tkunx intużat il-medja aritmetika korretta tal-valuri mkejla fir-rapporti dwar l-emissjonijiet taż-żewġ stallazzjonijiet jew le.

Meta l-inċertezza tas-sistemi tal-kejl ma tkunx tista' tispjega d-differenzi bejn il-valuri mkejla fiż-żewġ stallazzjonijiet, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk sarux xi aġġustamenti sabiex jiġu allinjati d-differenzi bejn il-valuri mkejla jew le, jekk dawk l-aġġustamenti kinux konservattivi jew le u jekk l-awtorità kompetenti approvatx dawk l-aġġustamenti jew le.

5.   Meta, skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, l-operaturi jkollhom idaħħlu iktar elementi fil-pjan ta' monitoraġġ li jkunu rilevanti għall-ilħiq tar-rekwiżiti tal-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (12), il-verifikatur għandu jiċċekkja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni korretti tal-proċeduri msemmijin fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012. Meta jagħmel dan, il-verifikatur għandu jiċċekkja wkoll jekk l-operatur ikunx bagħat l-informazzjoni dwar it-tibdil ippjanat jew it-tibdil effettiv fil-kapaċità, fil-livell tal-attività u fl-operat ta' stallazzjoni lill-awtorità kompetenti sal-31 ta' Diċembru tal-perjodu tar-rappurtar jew le.

Artikolu 18

Verifika tal-metodi applikati għad-data nieqsa

1.   Meta jkunu ntużaw il-metodi stabbiliti fil-pjan ta' monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti biex tiġi kompluta d-data nieqsa skont l-Artikolu 66 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk il-metodi użati kinux xierqa għas-sitwazzjoni speċifika jew le u jekk dawn ġewx applikati tajjeb jew le.

Jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun kiseb approvazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti biex juża metodi oħrajn minbarra dawk imsemmijin fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 66 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk l-approċċ approvat ġiex applikat tajjeb u ddokumentat kif xieraq jew le.

Meta operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx kapaċi jikseb it-tali approvazzjoni fil-ħin, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk l-approċċ li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun uża biex iżid id-data nieqsa jiżgurax li l-emissjonijiet ma jiġux issottovalutati jew le u li dan l-approċċ ma jwassalx għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

2.   Il-verifikatur għandu jiċċekkja l-effettività tal-attivitajiet ta' kontroll li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun implimenta biex jevita li jkun hemm id-data nieqsa msemmija fl-Artikolu 66 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.

3.   Meta jkun hemm nuqqasijiet fid-data fir-rapporti dwar id-data ta' referenza jew fir-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ hemmx metodi stabbiliti biex jiġu ttrattati n-nuqqasijiet fid-data skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) …/… jew le, jekk dawn il-metodi kinux xierqa għas-sitwazzjoni speċifika jew le u jekk dawn ġewx applikati tajjeb jew le.

Meta fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ma jkun hemm l-ebda metodu applikabbli stabbilit b'rabta man-nuqqasijiet fid-data, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk l-approċċ li l-operatur ikun uża biex jikkumpensa għad-data nieqsa kienx ibbażat fuq provi raġonevoli u kienx jiżgura li d-data meħtieġa skont ir-Regolament Delegat (UE) …/… ma tiġix issottovalutata jew issopravalutata jew le.

Artikolu 19

Valutazzjoni tal-inċertezza

1.   Meta, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, l-operatur ikollu juri l-konformità tiegħu mal-limiti tal-inċertezza għad-data dwar l-attività u għall-fatturi ta' kalkolu, il-verifikatur għandu jikkonferma l-validità tal-informazzjoni li tkun intużat biex jiġu kkalkulati l-livelli tal-inċertezza kif stabbilit fil-pjan ta' monitoraġġ approvat.

2.   Meta operatur juża metodoloġija tal-monitoraġġ li ma tkunx ibbażata fuq is-saffi, kif imsemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-verifikatur għandu jiċċekkja l-affarijiet li ġejjin:

(a)

jekk l-operatur ikunx ivvaluta u kkwantifika l-inċertezza b'mod li juri li ntlaħaq il-limitu ġenerali tal-inċertezza meħtieġ għal-livell annwali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont l-Artikolu 22(c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew le;

(b)

il-validità tal-informazzjoni li tkun intużat għall-valutazzjoni u għall-kwantifikazzjoni tal-inċertezza;

(c)

jekk l-approċċ ġenerali li jkun intuża għall-valutazzjoni u għall-kwantifikazzjoni tal-inċertezza jkunx konformi mal-Artikolu 22(b) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew le;

(d)

jekk ikunux ingħataw provi li jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet għall-metodoloġija tal-monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 22(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew le.

3.   Meta, skont ir-Regolament Delegat (UE) …/…, l-operatur ikollu jagħmel valutazzjoni ssimplifikata tal-inċertezza, il-verifikatur għandu jikkonferma l-validità tal-informazzjoni li tkun intużat għl dik il-valutazzjoni.

Artikolu 20

Kampjunar

1.   Huwa u jivverifika l-konformità tal-attivitajiet ta' kontroll u tal-proċeduri msemmijin fl-Artikolu 14(b) u (c) jew huwa u jwettaq il-verifiki msemmijin fl-Artikoli 15 u 16, il-verifikatur jista' juża metodi tal-kampjunar speċifiċi għal stallazzjoni jew għal operatur tal-inġenji tal-ajru, dejjem jekk il-kampjunar ikun iġġustifikat abbażi tal-analiżi tar-riskji.

2.   Meta l-verifikatur jidentifika nuqqas ta' konformità jew dikjarazzjoni skorretta waqt il-kampjunar, għandu jitlob lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru jispjega l-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta' konformità jew tad-dikjarazzjoni skorretta sabiex jivvaluta l-impatt tan-nuqqas ta' konformità jew tad-dikjarazzjoni skorretta fuq id-data rrappurtata. Abbażi tar-riżultat ta' dik il-valutazzjoni, il-verifikatur għandu jistabbilixxi jekk ikunx hemm bżonn ta' attivitajiet addizzjonali ta' verifika u jekk ikunx hemm bżonn li jitkabbar id-daqs tal-kampjunar jew le, u liema parti mill-popolazzjoni tad-data jrid jikkoreġi l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru.

3.   Il-verifikatur għandu jiddokumenta r-riżultat tal-verifiki msemmijin fl-Artikoli 14 sa 17, inklużi d-dettalji tal-kampjuni addizzjonali, fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika.

Artikolu 21

Żjarat fuq il-post

1.   F'ħin opportun jew f'diversi ħinijiet opportuni waqt il-proċess ta' verifika, il-verifikatur għandu jwettaq żjara fuq il-post sabiex jivvaluta l-operat tal-istrumenti tal-kejl u tas-sistemi ta' monitoraġġ, sabiex iwettaq intervisti u sabiex iwettaq l-attivitajiet meħtieġa skont dan il-Kapitolu, kif ukoll sabiex jiġbor biżżejjed informazzjoni u provi biex ikun jista' jikkonkludi jekk ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru huwiex ħieles minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali jew le.

2.   Lill-verifikatur, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jagħtih aċċess għas-siti tiegħu.

3.   Għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, il-verifikatur għandu juża wkoll żjara fuq il-post biex jivvaluta l-limiti tal-istallazzjoni kif ukoll il-kompletezza tal-flussi mis-sorsi u tas-sorsi tal-emissjonijiet.

4.   Għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar id-data ta' referenza ta' operatur jew tar-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu, il-verifikatur għandu juża wkoll żjara fuq il-post biex jivvaluta l-limiti tal-istallazzjoni u tas-subinstallazzjonijiet tagħha, kif ukoll il-kompletezza tal-flussi mis-sorsi, tas-sorsi tal-emissjonijiet u tal-konnessjonijiet tekniċi.

5.   Għall-finijiet tal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur, tar-rapport dwar id-data ta' referenza tiegħu jew tar-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu, il-verifikatur għandu jiddeċiedi, abbażi tal-analiżi tar-riskji, jekk hemmx bżonn isiru żjarat f'postijiet addizzjonali jew le, fosthom meta partijiet rilevanti mill-attivitajiet tal-fluss tad-data u mill-attivitajiet ta' kontroll jitwettqu f'postijiet oħrajn bħal fil-kwartieri ġenerali tal-kumpanija u f'uffiċċji oħrajn barra mill-post.

Artikolu 22

Trattament tad-dikjarazzjonijiet skorretti u tan-nuqqasijiet ta' konformità

1.   Jekk, waqt il-verifika, il-verifikatur jidentifika dikjarazzjonijiet skorretti, nuqqasijiet ta' konformità jew nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/…, skont il-każ, huwa għandu javża lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru fil-waqt b'dan u jitolbu jagħmel il-korrezzjonijiet rilevanti.

L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jikkoreġi d-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta' konformità li jkun ġie mgħarraf bihom.

Meta jkun ġie identifikat nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/…, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti b'dan u jikkoreġi n-nuqqas ta' konformità kif xieraq mingħajr dewmien żejjed.

2.   Fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika, il-verifikatur għandu jiddokumenta u jimmarka bħala solvuti d-dikjarazzjonijiet skorretti kollha, in-nuqqasijiet kollha ta' konformità jew in-nuqqasijiet kollha ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/… li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun ikkoreġa waqt il-verifika.

3.   Jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jikkoreġix id-dikjarazzjonijiet skorretti jew in-nuqqasijiet ta' konformità li l-verifikatur ikun għarrfu bihom skont il-paragrafu 1 qabel ma l-verifikatur joħroġ ir-rapport ta' verifika, il-verifikatur għandu jitlob lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru jispjega l-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta' konformità jew tad-dikjarazzjoni skorretta sabiex jivvaluta l-impatt tan-nuqqasijiet ta' konformità jew tad-dikjarazzjonijiet skorretti fuq id-data rrappurtata.

Il-verifikatur għandu jistabbilixxi jekk id-dikjarazzjonijiet skorretti mhux ikkoreġuti, meta jittieħdu waħedhom jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, ikollhomx effett materjali fuq l-emissjonijiet totali rrappurtati, fuq id-data totali rrappurtata dwar it-tunnellati kilometri jew fuq id-data totali rrappurtata rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas. Meta jkun qed jivvaluta l-materjalità tad-dikjarazzjonijiet skorretti, il-verifikatur għandu jqis id-daqs u n-natura tad-dikjarazzjonijiet skorretti, kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikulari li fihom ikunu seħħew.

Il-verifikatur għandu jivvaluta jekk in-nuqqas ta' konformità mhux ikkoreġut, meta jittieħed waħdu jew flimkien ma' nuqqasijiet ta' konformità oħrajn, ikollux impatt fuq id-data rrappurtata jew le u jekk dan iwassalx għal dikjarazzjoni skorretta materjali jew le.

Jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jikkoreġix in-nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/… skont il-paragrafu 1 qabel ma l-verifikatur joħroġ ir-rapport ta' verifika, il-verifikatur għandu jivvaluta jekk in-nuqqas ta' konformità mhux ikkoreġut ikollux impatt fuq id-data rrappurtata jew le u jekk dan iwassalx għal dikjarazzjoni skorretta materjali jew le.

Il-verifikatur jista' jqis id-dikjarazzjonijiet skorretti bħala materjali anke jekk dawk id-dikjarazzjonijiet skorretti, meta jittieħdu waħedhom jew flimkien ma' dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, ma jkunux jaqbżu l-livell ta' materjalità stabbilit fl-Artikolu 23, meta d-daqs u n-natura tad-dikjarazzjonijiet skorretti u ċ-ċirkustanzi partikulari li fihom iseħħu jkunu jiġġustifikaw it-tali kunsiderazzjoni.

Artikolu 23

Livell ta' materjalità

1.   Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet, il-livell ta' materjalità għandu jkun ta' 5 % tal-emissjonijiet totali rrappurtati fil-perjodu tar-rappurtar li għalih tkun qed issir il-verifika, għal kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

l-istallazzjonijiet tal-kategorija A msemmijin fl-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u l-istallazzjonijiet tal-kategorija B imsemmijin fl-Artikolu 19(2)(b) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni;

(b)

l-operaturi tal-inġenji tal-ajru b'emissjonijiet annwali ta' 500 kilotunnellata ta' CO2 fossili jew inqas.

2.   Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet, il-livell ta' materjalità għandu jkun ta' 2 % tal-emissjonijiet totali rrappurtati fil-perjodu tar-rappurtar li għalih tkun qed issir il-verifika, għal kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

l-istallazzjonijiet tal-kategorija C imsemmijin fl-Artikolu 19(2)(c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;

(b)

l-operaturi tal-inġenji tal-ajru b'emissjonijiet annwali ta' iktar minn 500 kilotunnellata ta' CO2 fossili.

3.   Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar it-tunnellati kilometri tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru, il-livell ta' materjalità għandu jkun ta' 5 % tad-data totali rrappurtata dwar it-tunnellati kilometri fil-perjodu tar-rappurtar li għalih tkun qed issir il-verifika.

4.   Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar id-data ta' referenza jew tar-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid, il-livell ta' materjalità għandu jkun ta' 5 % tal-valur totali rrappurtat għall-affarijiet li ġejjin:

(a)

l-emissjonijiet totali tal-istallazzjoni, meta d-data tkun marbuta mal-emissjonijiet;

(b)

l-importazzjonijiet u l-produzzjoni tas-sħana netta li tista' titkejjel, magħdudin flimkien, jekk dan ikun rilevanti, meta d-data tkun marbuta mad-data dwar is-sħana li tista' titkejjel;

(c)

l-ammonti tal-gassijiet tal-iskart importati u prodotti fl-istallazzjoni, magħdudin flimkien, jekk dan ikun rilevanti;

(d)

il-livell tal-attività ta' kull subinstallazzjoni ta' referenza għall-prodotti rilevanti meħuda waħedha.

Artikolu 24

Konklużjonijiet dwar is-sejbiet tal-verifika

Huwa u jlesti l-verifika u huwa u jqis l-informazzjoni li tkun inkisbet waqt il-verifika, il-verifikatur għandu jagħmel l-affarijiet li ġejjin:

(a)

jiċċekkja d-data finali li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun ipprovda, fosthom id-data li tkun ġiet aġġustata abbażi tal-informazzjoni li tkun inkisbet waqt il-verifika;

(b)

janalizza r-raġunijiet tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru għal kull differenza bejn id-data finali pprovduta u d-data li kienet ingħatat qabel;

(c)

janalizza r-riżultat tal-valutazzjoni biex jistabbilixxi jekk il-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, ikunx ġie implimentat sewwa jew le, inklużi l-proċeduri deskritti f'dak il-pjan;

(d)

jivvaluta jekk ir-riskju ta' verifika jkunx f'livell baxx aċċettabbli biex tinkiseb garanzija raġonevoli;

(e)

jiżgura li jkunu nġabru biżżejjed provi biex ikun jista' jagħti opinjoni ta' verifika b'garanzija raġonevoli li r-rapport ma fihx dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(f)

jiżgura li l-proċess ta' verifika jiġi ddokumentat bis-sħiħ fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika u li jkun jista' jingħata ġudizzju finali fir-rapport ta' verifika.

Artikolu 25

Analiżi indipendenti

1.   Il-verifikatur għandu jibgħat id-dokumentazzjoni interna tal-verifika u r-rapport ta' verifika lil eżaminatur indipendenti qabel ma joħroġ ir-rapport ta' verifika.

2.   L-eżaminatur indipendenti ma għandu jkun wettaq l-ebda attività ta' verifika li jkun qed janalizza.

3.   Il-kamp ta' applikazzjoni tal-analiżi indipendenti għandu jinkludi l-proċess kollu ta' verifika deskritt f'dan il-Kapitolu u rreġistrat fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika.

L-eżaminatur indipendenti għandu jwettaq l-analiżi b'mod li jiżgura li l-proċess ta' verifika jkun twettaq skont dan ir-Regolament, li l-proċeduri għall-attivitajiet ta' verifika msemmijin fl-Artikolu 41 ikunu twettqu tajjeb u li tkun ingħatat attenzjoni professjonali xierqa u jkun sar ġudizzju professjonali xieraq.

L-eżaminatur indipendenti għandu jivvaluta wkoll jekk il-provi li jkunu nġabru jkunux biżżejjed biex il-verifikatur ikun jista' joħroġ rapport ta' verifika b'garanzija raġonevoli jew le.

4.   Meta jinqalgħu ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal tibdil fir-rapport ta' verifika wara l-analiżi, l-eżaminatur indipendenti għandu janalizza wkoll dak it-tibdil u l-provi ta' dan.

5.   Il-verifikatur għandu jawtorizza kif xieraq lil persuna tawtentika r-rapport ta' verifika abbażi tal-konklużjonijiet tal-eżaminatur indipendenti u tal-provi mogħtija fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika.

Artikolu 26

Id-dokumentazzjoni interna tal-verifika

1.   Il-verifikatur għandu jħejji u jikkumpila dokumentazzjoni interna tal-verifika li jkun fiha tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

ir-riżultati tal-attivitajiet ta' verifika li jkunu twettqu;

(b)

l-analiżi strateġika, l-analiżi tar-riskji u l-pjan ta' verifika;

(c)

biżżejjed informazzjoni biex tappoġġa l-opinjoni ta' verifika, fosthom il-ġustifikazzjonijiet għall-ġudizzji li jkunu saru dwar jekk id-dikjarazzjonijiet skorretti identifikati għandhomx effett materjali fuq l-emissjonijiet irrappurtati, fuq id-data rrappurtata dwar it-tunnellati kilometri jew fuq id-data rrappurtata rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas.

2.   Id-dokumentazzjoni interna tal-verifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi abbozzata b'tali mod li l-eżaminatur indipendenti msemmi fl-Artikolu 25 u l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikunu jistgħu jivvalutaw jekk il-verifika tkunx twettqet skont dan ir-Regolament jew le.

Wara li r-rapport ta' verifika jiġi awtentikat skont l-Artikolu 25(5), il-verifikatur għandu jinkludi r-riżultati tal-analiżi indipendenti fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika.

3.   Fuq talba, il-verifikatur għandu jagħti aċċess lill-awtorità kompetenti għad-dokumentazzjoni interna tal-verifika sabiex jiffaċilita evalwazzjoni tal-verifika min-naħa tal-awtorità kompetenti.

Artikolu 27

Rapport ta' verifika

1.   Abbażi tal-informazzjoni miġbura waqt il-verifika, il-verifikatur għandu joħroġ rapport ta' verifika lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru għal kull rapport dwar l-emissjonijiet, rapport dwar it-tunnellati kilometri, rapport dwar id-data ta' referenza jew rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid li jkun ġie vverifikat. Ir-rapport ta' verifika għandu jinkludi tal-inqas waħda mis-sejbiet li ġejjin:

(a)

li r-rapport ġie vverifikat bħala sodisfaċenti;

(b)

li r-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru fih dikjarazzjonijiet skorretti materjali li ma ġewx ikkoreġuti qabel ma nħareġ ir-rapport ta' verifika;

(c)

li l-kamp ta' applikazzjoni tal-verifika huwa limitat wisq skont l-Artikolu 28 u l-verifikatur ma setax jikseb biżżejjed provi biex jagħti opinjoni ta' verifika b'garanzija raġonevoli li r-rapport ma fihx dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(d)

li n-nuqqasijiet ta' konformità, meħudin waħedhom jew flimkien ma' nuqqasijiet ta' konformità oħrajn, ma jipprovdux ċarezza biżżejjed u jipprevjenu lill-verifikatur milli jiddikjara b'garanzija raġonevoli li r-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru ma fihx dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(e)

meta l-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ ma jkunx ġie approvat mill-awtorità kompetenti, li nuqqas ta' konformità mar-Regolament Delegat (UE) …/… ma jipprovdix ċarezza biżżejjed u jipprevjeni lill-verifikatur milli jiddikjara b'garanzija raġonevoli li r-rapport dwar id-data ta' referenza jew ir-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid ma fihx dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru jista' jiġi vverifikat bħala sodisfaċenti biss meta dan ma jkunx fih dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

2.   L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jibgħat ir-rapport ta' verifika lill-awtorità kompetenti flimkien mar-rapport ikkonċernat tiegħu.

3.   Ir-rapport ta' verifika għandu jkun fih tal-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

isem l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru li saritlu l-verifika;

(b)

l-għanijiet tal-verifika;

(c)

il-kamp ta' applikazzjoni tal-verifika;

(d)

referenza għar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru li jkun ġie vverifikat;

(e)

il-kriterji li ntużaw għall-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, inkluż il-permess, meta dan ikun applikabbli, u l-verżjonijiet tal-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, kif ukoll il-perjodu ta' validità ta' kull pjan;

(f)

fil-każ tal-verifika tar-rapport ta' referenza meħtieġ għall-allokazzjoni għall-perjodu mill-2021 sal-2025, u f'każ li l-awtorità kompetenti ma tkunx imponiet obbligu li l-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ jiġi approvat, konferma li l-verifikatur iċċekkja l-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ u li dan il-pjan huwa konformi mar-Regolament Delegat (UE) …/…;

(g)

meta dan ikollu x'jaqsam mal-verifika tar-rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru, l-emissjonijiet aggregati jew it-tunnellati kilometri aggregati għal kull attività msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u għal kull stallazzjoni jew għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru;

(h)

meta dan ikollu x'jaqsam mal-verifika tar-rapport dwar id-data ta' referenza jew tar-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid, id-data annwali aggregata vverifikata għal kull sena tal-perjodu ta' referenza għal kull subinstallazzjoni għal-livell annwali tal-attività u l-emissjonijiet attribwiti lis-subinstallazzjoni;

(i)

il-perjodu tar-rappurtar jew il-perjodu ta' referenza li għalih tkun qed issir il-verifika;

(j)

ir-responsabbiltajiet tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, tal-awtorità kompetenti u tal-verifikatur;

(k)

id-dikjarazzjoni tal-opinjoni ta' verifika;

(l)

deskrizzjoni ta' kull dikjarazzjoni skorretta u ta' kull nuqqas ta' konformità identifikati li ma jkunux ġew ikkoreġuti qabel ma nħareġ ir-rapport ta' verifika;

(m)

id-dati meta jkunu twettqu ż-żjarat fuq il-post u min ikun wettaqhom;

(n)

informazzjoni dwar jekk kienx hemm xi eżenzjoni għal xi żjara fuq il-post kif ukoll ir-raġunijiet għall-eżenzjoni ta' dawn iż-żjarat fuq il-post;

(o)

kull kwistjoni ta' nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/… li tkun ħarġet fid-deher waqt il-verifika;

(p)

jekk l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti għall-metodu użat biex jingħalaq in-nuqqas fid-data skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ma tkunx tista' tinkiseb fil-ħin, konferma dwar jekk il-metodu użat huwiex konservattiv jew le u dwar jekk dan iwassalx għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali jew le;

(q)

dikjarazzjoni jekk il-metodu użat biex jingħalaq kull nuqqas fid-data skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) …/… iwassal għal dikjarazzjonijiet skorretti materjali;

(r)

meta l-verifikatur ikun innota tibdil fil-kapaċità, fil-livell tal-attività u fl-operat tal-istallazzjoni li jista' jkollu impatt fuq l-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-istallazzjoni u li ma jkunx ġie rrappurtat lill-awtorità kompetenti sal-31 ta' Diċembru tal-perjodu tar-rappurtar skont l-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, deskrizzjoni ta' dan it-tibdil u l-kummenti marbutin miegħu;

(s)

rakkomandazzjonijiet għal titjib, meta dan ikun applikabbli;

(t)

l-ismijiet tal-awditur ewlieni tal-EU ETS, tal-eżaminatur indipendenti u, meta dan ikun applikabbli, tal-awditur tal-EU ETS u tal-espert tekniku li kienu involuti fil-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru;

(u)

id-data u l-firma ta' persuna awtorizzata f'isem il-verifikatur, inkluż isimha.

4.   Fir-rapport ta' verifika, il-verifikatur għandu jiddeskrivi d-dikjarazzjonijiet skorretti, in-nuqqasijiet ta' konformità u n-nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/… f'biżżejjed dettall biex l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru u l-awtorità kompetenti jkunu jistgħu jifhmu l-affarijiet li ġejjin:

(a)

id-daqs u n-natura tad-dikjarazzjoni skorretta, tan-nuqqas ta' konformità jew tan-nuqqas ta' konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew mar-Regolament Delegat (UE) …/…;

(b)

għaliex id-dikjarazzjoni skorretta għandha effett materjali jew le;

(c)

għal liema element tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru tirreferi d-dikjarazzjoni skorretta jew għal liema element tal-pjan ta' monitoraġġ jew tal-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ jirreferi n-nuqqas ta' konformità;

(d)

ma' liema Artikolu tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew tar-Regolament Delegat (UE) …/… għandu x'jaqsam in-nuqqas ta' konformità.

5.   Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet jew tar-rapporti dwar it-tunnellati kilometri, jekk Stat Membru jkun jeżiġi li l-verifikatur jibgħat iktar informazzjoni dwar il-proċess ta' verifika minbarra l-elementi deskritti fil-paragrafu 3 u dik l-informazzjoni ma tkunx meħtieġa biex wieħed jifhem l-opinjoni ta' verifika, għal raġunijiet ta' effiċjenza, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jista' jibgħat dik l-informazzjoni addizzjonali lill-awtorità kompetenti b'mod separat mir-rapport ta' verifika f'data alternattiva, iżda mhux iktar tard mill-15 ta' Mejju tal-istess sena.

Artikolu 28

Limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni

Il-verifikatur jista' jikkonkludi li l-kamp ta' applikazzjoni tal-verifika msemmi fl-Artikolu 27(1)(c) huwa limitat wisq fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta jkun hemm data nieqsa li ma tħallihx jikseb il-provi meħtieġa biex inaqqas ir-riskju ta' verifika għal-livell li jkun meħtieġ biex jinkiseb livell raġonevoli ta' garanzija;

(b)

meta l-awtorità kompetenti ma tkunx approvat il-pjan ta' monitoraġġ;

(c)

meta l-pjan ta' monitoraġġ jew il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, ma jkunx jipprovdi biżżejjed ċarezza jew kamp ta' applikazzjoni wiesa' biżżejjed biex ikun jista' joħroġ b'konklużjonijiet dwar il-verifika;

(d)

meta l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx tah biżżejjed informazzjoni biex huwa jkun jista' jwettaq il-verifika;

(e)

meta l-awtorità kompetenti tkun trid tapprova l-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ qabel ma jintbagħat ir-rapport dwar id-data ta' referenza skont ir-Regolament Delegat (UE) …/… jew skont ir-regoli tal-Istat Membru, u l-awtorità kompetenti ma tkunx approvat dak il-pjan qabel il-bidu tal-verifika.

Artikolu 29

Trattament tan-nuqqasijiet ta' konformità mhux materjali pendenti

1.   Il-verifikatur għandu jivvaluta jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkunx ikkoreġa n-nuqqasijiet ta' konformità indikati fir-rapport ta' verifika marbut mal-perjodu ta' monitoraġġ ta' qabel skont ir-rekwiżiti li għandu l-operatur imsemmijin fl-Artikolu 69(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew le, meta dan ikun rilevanti.

Jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx ikkoreġa dawk in-nuqqasijiet ta' konformità skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, il-verifikatur għandu jqis jekk l-ommissjoni żżidx ir-riskju ta' dikjarazzjonijiet skorretti jew tistax tagħmel dan jew le.

Fir-rapport ta' verifika, il-verifikatur għandu jniżżel jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkunx solva dawn in-nuqqasijiet ta' konformità jew le.

2.   Fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika, il-verifikatur għandu jniżżel id-dettalji ta' meta u kif, waqt il-verifika, l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru solva n-nuqqasijiet ta' konformità identifikati.

Artikolu 30

Titjib fil-proċess ta' monitoraġġ u ta' rappurtar

1.   Meta l-verifikatur ikun identifika oqsma ta' titjib fil-prestazzjoni tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru marbutin mal-punti (a) sa (e) ta' dan il-paragrafu, fir-rapport ta' verifika huwa għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet għal titjib marbut mal-prestazzjoni tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru f'dawk il-punti:

(a)

il-valutazzjoni tar-riskju tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru;

(b)

l-iżvilupp, id-dokumentazzjoni, l-implimentazzjoni u ż-żamma tal-attivitajiet tal-fluss tad-data u tal-attivitajiet ta' kontroll, kif ukoll l-evalwazzjoni tas-sistema ta' kontroll;

(c)

l-iżvilupp, id-dokumentazzjoni, l-implimentazzjoni u ż-żamma tal-proċeduri għall-attivitajiet tal-fluss tad-data u għall-attivitajiet ta' kontroll, kif ukoll ta' proċeduri oħrajn li operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jrid jistabbilixxi skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Delegat (UE) …/…;

(d)

il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet jew tat-tunnellati kilometri, fosthom b'rabta mal-ilħiq ta' saffi ogħla, mat-tnaqqis tar-riskji u mat-titjib fl-effiċjenza tal-monitoraġġ u tar-rappurtar;

(e)

il-monitoraġġ u r-rappurtar tad-data għar-rapporti dwar id-data ta' referenza u għar-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid.

2.   Waqt il-verifika wara sena li fiha jkunu saru rakkomandazzjonijiet għal titjib f'rapport ta' verifika, il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkunx implimenta dawk ir-rakkomandazzjonijiet għal titjib jew le u l-mod kif ikun għamel dan.

Meta l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma jkunx implimenta dawk ir-rakkomandazzjonijiet jew ma jkunx implimentahom sewwa, il-verifikatur għandu jivvaluta l-impatt li dan għandu fuq ir-riskju ta' dikjarazzjonijiet skorretti u ta' nuqqasijiet ta' konformità.

Artikolu 31

Verifika ssimplifikata fil-każ tal-istallazzjonijiet

1.   B'deroga mill-Artikolu 21(1), il-verifikatur jista' jiddeċiedi li ma jwettaqx żjarat fuq il-post fl-istallazzjonijiet, dejjem jekk awtorità kompetenti tapprova dan skont it-tieni subparagrafu ta' dan l-Artikolu. Din id-deċiżjoni għandha tissejjes fuq ir-riżultat tal-analiżi tar-riskji u għandha tittieħed wara li jiġi stabbilit li l-verifikatur jista' jkollu aċċess mill-bogħod għad-data rilevanti kollha u li jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet biex ma jitwettqux iż-żjarat fuq il-post. Il-verifikatur għandu javża lill-operatur b'dan mingħajr dewmien żejjed.

L-operatur għandu jibgħat applikazzjoni lill-awtorità kompetenti li fiha jitlobha tapprova d-deċiżjoni tal-verifikatur li ma jwettaqx iż-żjara fuq il-post.

Meta tirċievi applikazzjoni mingħand l-operatur ikkonċernat, l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi jekk tapprovax id-deċiżjoni tal-verifikatur li ma jwettaqx iż-żjara fuq il-post jew le billi tqis l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni pprovduta mill-verifikatur dwar ir-riżultat tal-analiżi tar-riskji;

(b)

informazzjoni dwar il-fatt li jista' jkun hemm aċċess mill-bogħod għad-data rilevanti;

(c)

provi li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ma japplikawx għall-istallazzjoni;

(d)

provi li jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet biex ma jitwettqux iż-żjarat fuq il-post.

2.   L-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu mhix meħtieġa biex ma jitwettqux żjarat fuq il-post fl-istallazzjonijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.

3.   Fis-sitwazzjonijiet li ġejjin, il-verifikatur dejjem għandu jwettaq żjarat fuq il-post:

(a)

meta huwa jkun qed jivverifika r-rapport dwar l-emissjonijiet ta' operatur għall-ewwel darba;

(b)

jekk huwa ma jkunx wettaq żjara fuq il-post fiż-żewġ perjodi tar-rappurtar ta' eżatt qabel il-perjodu attwali tar-rappurtar;

(c)

jekk ikun sar tibdil sinifikanti fil-pjan ta' monitoraġġ matul il-perjodu tar-rappurtar, fosthom dak imsemmi fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;

(d)

jekk huwa jkun qed jivverifika rapport dwar id-data ta' referenza ta' operatur jew rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid tiegħu.

4.   Il-paragrafu 3(c) ma japplikax meta, matul il-perjodu tar-rappurtar, ikun sar biss tibdil fil-valur prestabbilit għal fattur ta' kalkolu kif imsemmi fl-Artikolu 15(3)(h) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.

Artikolu 32

Kundizzjonijiet biex ma jitwettqux iż-żjarat fuq il-post

Il-kundizzjonijiet biex ma jitwettqux iż-żjarat fuq il-post imsemmijin fl-Artikolu 31(1) huma kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(1)

meta l-verifika jkollha x'taqsam ma' stallazzjoni tal-kategorija A msemmija fl-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew ma' stallazzjoni tal-kategorija B imsemmija fl-Artikolu 19(2)(b) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, li fiha:

(a)

ikun hemm biss fluss wieħed mis-sorsi kif imsemmi fl-Artikolu 19(3)(c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, li jkun gass naturali, jew fluss wieħed jew iktar mis-sorsi de minimis li, meta jittieħdu flimkien, ma jkunux jaqbżu l-limitu għall-flussi mis-sorsi de minimis stabbilit fl-Artikolu 19 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;

(b)

il-gass naturali jkun immonitorjat permezz tal-kejl fiskali b'miter li jkun jidħol fi skema legali xierqa għall-kontroll tal-miters għall-kejl fiskali u li jkun jilħaq il-livelli meħtieġa tal-inċertezza marbutin mas-saff applikabbli;

(c)

jiġu applikati biss il-valuri prestabbiliti għall-fatturi ta' kalkolu tal-gass naturali;

(2)

meta l-verifika jkollha x'taqsam ma' stallazzjoni tal-kategorija A msemmija fl-Artikolu 19(2)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew ma' stallazzjoni tal-kategorija B imsemmija fl-Artikolu 19(2)(b) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, li fiha:

(a)

ikun hemm biss fluss wieħed mis-sorsi li jkun fjuwil mingħajr emissjonijiet mill-proċessi, u dak il-fjuwil ikun jew fjuwil solidu li jinħaraq mill-ewwel fiha mingħajr ma jinħażen b'mod intermedju jew fjuwil gassuż jew likwidu li jista' jinħażen b'mod intermedju;

(b)

id-data dwar l-attività marbuta mal-fluss mis-sorsi tiġi mmonitorjata billi jintuża wieħed mill-metodi li ġejjin:

(i)

b'metodu tal-kejl fiskali b'miter li jkun jidħol fi skema legali xierqa għall-kontroll tal-miters għall-kejl fiskali u li jkun jilħaq il-livelli meħtieġa tal-inċertezza marbutin mas-saff applikabbli;

(ii)

b'metodu bbażat biss fuq id-data mill-fatturi li jkun iqis il-bidliet fl-istokk, jekk ikun hemm bżonn;

(c)

jiġu applikati biss il-valuri prestabbiliti għall-fatturi ta' kalkolu;

(d)

ikun jintuża pjan issimplifikat tal-monitoraġġ, bl-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066;

(3)

meta l-verifika jkollha x'taqsam ma' stallazzjoni b'livell baxx ta' emissjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u jkun japplika l-punt 2(a) sa (c);

(4)

meta l-verifika jkollha x'taqsam ma' stallazzjoni li tkun tinsab f'sit mingħajr persunal li fiha:

(a)

id-data mkejla mis-sit mingħajr persunal permezz tal-miters mill-bogħod tkun tintbagħat direttament lejn post ieħor fejn tiġi pproċessata, ġestita u maħżuna d-data kollha;

(b)

l-istess persuna tkun responsabbli għall-ġestjoni u għar-reġistrazzjoni tad-data kollha marbuta mas-sit;

(c)

l-operatur jew laboratorju jkunu diġà wettqu spezzjoni fuq il-post tal-miters skont l-Artikolu 60 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u li għaliha l-operatur ikun ipprovda dokument iffirmat jew ritratti bid-data fuqhom li jservu ta' provi li juru li fiha ma sar l-ebda tibdil fil-kejl bil-miters jew tibdil operattiv minn mindu saret dik l-ispezzjoni;

(5)

meta l-verifika jkollha x'taqsam ma' stallazzjoni li tkun tinsab f'post imbiegħed jew li ma jkunx aċċessibbli, b'mod partikulari stallazzjoni lil hinn mill-kosta, li fiha:

(a)

ikun hemm livell għoli ta' ċentralizzazzjoni tad-data li tinġabar minn dak is-sit u li tintbagħat direttament lejn post ieħor fejn tiġi pproċessata, ġestita u maħżuna d-data kollha b'garanzija tajba tal-kwalità;

(b)

l-operatur jew laboratorju jkunu diġà wettqu spezzjoni fuq il-post tal-miters skont l-Artikolu 60 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 u li għaliha l-operatur ikun ipprovda dokument iffirmat jew ritratti bid-data fuqhom li jservu ta' provi li juru li fiha ma sar l-ebda tibdil fil-kejl bil-miters jew tibdil operattiv minn mindu saret dik l-ispezzjoni.

Il-punt (2) jista' jiġi applikat ukoll jekk, minbarra l-fluss mis-sorsi kif imsemmi fil-punt (a) ta' dak il-punt, l-istallazzjoni tkun tuża fluss wieħed jew iktar mis-sorsi de minimis li, meta jittieħdu flimkien, ma jkunux jaqbżu l-limitu għall-flussi mis-sorsi de minimis stabbilit fl-Artikolu 19 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.

Artikolu 33

Verifika ssimplifikata fil-każ tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru

1.   B'deroga mill-Artikolu 21(1) ta' dan ir-Regolament, verifikatur jista' jiddeċiedi li ma jwettaqx żjara fuq il-post fil-każ ta' emittent żgħir imsemmi fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jekk huwa jkun ikkonkluda, abbażi tal-analiżi tar-riskji tiegħu, li jista' jkollu aċċess mill-bogħod għad-data rilevanti kollha.

2.   Meta operatur tal-inġenji tal-ajru juża l-għodod issimplifikati msemmijin fl-Artikolu 55(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 biex jistabbilixxi l-konsum tal-fjuwil u d-data rrappurtata tkun ġiet iġġenerata bl-użu ta' dawk l-għodod, b'mod indipendenti minn kull dħul nin-naħa tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, il-verifikatur jista' jiddeċiedi, abbażi tal-analiżi tar-riskji tiegħu, li ma jwettaqx il-verifiki msemmijin fl-Artikoli 14 u 16, fl-Artikolu 17(1) u (2) u fl-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 34

Pjanijiet ta' verifika ssimplifikati

Meta verifikatur juża pjan ta' verifika ssimplifikat, għandu jżomm reġistru tal-ġustifikazzjonijiet għall-użu tat-tali pjanijiet fid-dokumentazzjoni interna tal-verifika, fosthom il-provi li ntlaħqu l-kundizzjonijiet għall-użu tal-pjanijiet ta' verifika ssimplifikati.

KAPITOLU III

REKWIŻITI GĦALL-VERIFIKATURI

Artikolu 35

Kampijiet ta' applikazzjoni settorjali tal-akkreditament

Il-verifikatur għandu joħroġ rapport ta' verifika lil operatur jew lil operatur tal-inġenji tal-ajru li jwettaq attività li tkun koperta mill-kamp ta' applikazzjoni tal-attività msemmi fl-Anness I li għalih huwa jkun ġie akkreditat skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u ta' dan ir-Regolament biss.

Artikolu 36

Proċess kontinwu ta' kompetenza

1.   Il-verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċess ta' kompetenza sabiex jiżgura li l-persunal kollu li jiġi fdat bl-attivitajiet ta' verifika jkun kompetenti biex iwettaq il-kompiti li jiġu allokati lilu.

2.   Bħala parti mill-proċess ta' kompetenza msemmi fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

kriterji ġenerali ta' kompetenza għall-persunal kollu li jkun qed iwettaq attivitajiet ta' verifika;

(b)

il-kriterji speċifiċi ta' kompetenza għal kull funzjoni tal-verifikatur li jkun qed iwettaq attivitajiet ta' verifika, b'mod partikulari għall-awditur tal-EU ETS, għall-awditur ewlieni tal-EU ETS, għall-eżaminatur indipendenti u għall-espert tekniku;

(c)

metodu biex jiġu żgurati l-kompetenza kontinwa u l-evalwazzjoni regolari tal-prestazzjoni tal-persunal kollu li jwettaq attivitajiet ta' verifika;

(d)

proċess biex jiġi żgurat taħriġ kontinwu tal-persunal li jkun qed iwettaq attivitajiet ta' verifika;

(e)

proċess biex jiġi vvalutat jekk l-impenn ta' verifika jidħolx fil-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tiegħu jew le, u jekk huwa għandux il-kompetenza, il-persunal u r-riżorsi meħtieġa biex jagħżel it-tim tal-verifika u jlesti b'suċċess l-attivitajiet ta' verifika fil-perjodu taż-żmien meħtieġ jew le.

Il-kriterji ta' kompetenza msemmijin fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu speċifiċi għal kull kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament li fih dawn il-persuni jkunu qed iwettqu l-attivitajiet ta' verifika.

Meta jkun qed jevalwa l-kompetenza tal-persunal skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, il-verifikatur għandu jivvaluta dik il-kompetenza billi jqabbilha mal-kriterji ta' kompetenza msemmijin fil-punti (a) u (b).

Il-proċess imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu għandu jinkludi wkoll proċess biex jiġi vvalutat jekk it-tim tal-verifika jkollux il-kompetenzi u l-persuni kollha meħtieġa biex iwettaq l-attivitajiet ta' verifika għal operatur jew għal operatur tal-inġenji tal-ajru speċifiku jew le.

Il-verifikatur għandu jiżviluppa kriterji ġenerali u speċifiċi ta' kompetenza li jkunu konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 37(4) u fl-Artikoli 38, 39 u 40.

3.   Il-verifikatur għandu jimmonitorja l-prestazzjoni tal-persunal kollu li jwettaq l-attivitajiet ta' verifika b'mod regolari sabiex jikkonferma l-kompetenza kontinwa ta' dak il-persunal.

4.   Il-verifikatur għandu janalizza l-proċess ta' kompetenza msemmi fil-paragrafu 1 b'mod regolari sabiex jiżgura l-affarijiet li ġejjin:

(a)

li l-kriterji ta' kompetenza msemmijin fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 jiġu żviluppati skont ir-rekwiżiti ta' kompetenza previsti f'dan ir-Regolament;

(b)

li jiġu ttrattati l-kwistjonijiet kollha li jistgħu jiġu identifikati b'rabta mal-istabbiliment tal-kriterji ġenerali u speċifiċi ta' kompetenza skont il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2;

(c)

li r-rekwiżiti kollha fil-proċess ta' kompetenza jiġu aġġornati u jinżammu kif xieraq.

5.   Il-verifikatur għandu jkollu sistema biex jirreġistra r-riżultati tal-attivitajiet li jitwettqu fil-proċess ta' kompetenza msemmi fil-paragrafu 1.

6.   Evalwatur kompetenti biżżejjed għandu jivvaluta l-kompetenza u l-prestazzjoni ta' awditur tal-EU ETS u ta' awditur ewlieni tal-EU ETS.

L-evalwatur kompetenti għandu jimmonitorja lil dawk l-awdituri waqt il-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru fis-sit tal-istallazzjoni jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, skont il-każ, biex jistabbilixxi jekk huma jissodisfawx il-kriterji ta' kompetenza jew le.

7.   Jekk xi membru tal-persunal ma jkunx kapaċi juri li huwa jissodisfa għalkollox il-kriterji ta' kompetenza għal kompitu speċifiku allokat lilu, il-verifikatur għandu jidentifika l-bżonn ta' taħriġ addizzjonali jew ta' esperjenza tax-xogħol taħt superviżjoni u jorganizza dan. Il-verifikatur għandu jimmonitorja lil dak il-membru sa ma dan jurih li huwa jissodisfa l-kriterji ta' kompetenza.

Artikolu 37

Timijiet tal-verifika

1.   Għal kull impenn partikulari ta' verifika, il-verifikatur għandu jgħaqqad tim tal-verifika li jkun kapaċi jwettaq l-attivitajiet ta' verifika msemmijin fil-Kapitolu II.

2.   It-tim tal-verifika għandu jkun magħmul tal-inqas minn awditur ewlieni tal-EU ETS u, meta l-konklużjonijiet tal-verifikatur li joħorġu mill-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(e) u mill-analiżi strateġika jkunu jeħtieġu dan, minn għadd xieraq ta' awdituri tal-EU ETS u ta' esperti tekniċi.

3.   Għall-analiżi indipendenti tal-attivitajiet ta' verifika marbutin ma' impenn partikulari ta' verifika, il-verifikatur għandu jaħtar eżaminatur indipendenti li ma għandux ikun jagħmel parti mit-tim tal-verifika.

4.   Kull membru tat-tim għandu:

(a)

jifhem sewwa r-rwol tiegħu fil-proċess ta' verifika;

(b)

ikun kapaċi jikkomunika b'mod effettiv bl-ilsien meħtieġ biex iwettaq il-kompiti speċifiċi tiegħu.

5.   It-tim tal-verifika għandu jinkludi tal-inqas persuna waħda li jkollha l-kompetenza teknika u l-għarfien meħtieġa biex tivvaluta l-aspetti tekniċi speċifiċi tal-monitoraġġ u tar-rappurtar marbutin mal-attivitajiet imsemmijin fl-Anness I li jitwettqu mill-istallazzjoni jew mill-operatur tal-inġenji tal-ajru. It-tim tal-verifika għandu jinkludi wkoll persuna waħda li tkun kapaċi tikkomunika bl-ilsien meħtieġ għall-verifika tar-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru fl-Istat Membru fejn il-verifikatur ikun qed iwettaq dik il-verifika.

Meta l-verifikatur ikun qed iwettaq verifika tar-rapporti dwar id-data ta' referenza u tar-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid, it-tim tal-verifika għandu jinkludi wkoll tal-inqas persuna waħda li jkollha l-kompetenza teknika u l-għarfien meħtieġa biex tivvaluta l-aspetti tekniċi speċifiċi marbutin mal-ġbir, mal-monitoraġġ u mar-rappurtar tad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas.

6.   Meta t-tim tal-verifika jkun magħmul minn persuna waħda, din il-persuna għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha ta' kompetenza għall-awditur tal-EU ETS u għall-awditur ewlieni tal-EU ETS u tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5.

Artikolu 38

Rekwiżiti ta' kompetenza għall-awdituri tal-EU ETS u għall-awdituri ewlenin tal-EU ETS

1.   Awditur tal-EU ETS għandu jkollu l-kompetenza jwettaq il-verifika. Għal dan il-għan, l-awditur tal-EU ETS għandu jkollu tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

għarfien tad-Direttiva 2003/87/KE, tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) …/… fil-każ tal-verifika tar-rapport dwar id-data ta' referenza jew tar-rapport dwar id-data ta' min jidħol ġdid, ta' dan ir-Regolament, tal-istandards rilevanti, ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra u tal-linji gwida applikabbli, kif ukoll tal-linji gwida u tal-leġiżlazzjoni rilevanti li jkun ħareġ l-Istat Membru fejn il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifika;

(b)

għarfien tal-awditjar tad-data u tal-informazzjoni u esperjenza f'dan il-qasam, fosthom b'rabta mal-affarijiet li ġejjin:

(i)

il-metodoloġiji tal-awditjar tad-data u tal-informazzjoni, fosthom l-applikazzjoni tal-livell ta' materjalità u l-valutazzjoni tal-materjalità tad-dikjarazzjonijiet skorretti;

(ii)

l-analiżi tar-riskji inerenti u tar-riskji ta' kontroll;

(iii)

it-tekniki tal-kampjunar marbutin mal-kampjunar tad-data u mal-verifika tal-attivitajiet ta' kontroll;

(iv)

il-valutazzjoni tas-sistemi tad-data u tal-informazzjoni, tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, tal-attivitajiet tal-fluss tad-data, tal-attivitajiet ta' kontroll, tas-sistemi ta' kontroll u tal-proċeduri għall-attivitajiet ta' kontroll;

(c)

il-ħila jwettaq l-attivitajiet marbutin mal-verifika tar-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru kif meħtieġ skont il-Kapitolu II;

(d)

għarfien tal-aspetti tekniċi tal-monitoraġġ u tar-rappurtar li jkunu speċifiċi għas-settur u li jkunu rilevanti għall-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet imsemmijin fl-Anness I li fih huwa jkun qed iwettaq il-verifika, u esperjenza fihom.

2.   Awditur ewlieni tal-EU ETS għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' kompetenza għal awditur tal-EU ETS u għandu jkun wera kompetenza fit-tmexxija ta' tim tal-verifika u fit-teħid ta' responsabbiltà għat-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika skont dan ir-Regolament.

Artikolu 39

Rekwiżiti ta' kompetenza għall-eżaminaturi indipendenti

1.   L-eżaminatur indipendenti għandu jkollu l-awtorità x-xierqa biex janalizza l-abbozz tar-rapport ta' verifika u d-dokumentazzjoni interna tal-verifika skont l-Artikolu 25.

2.   L-eżaminatur indipendenti għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' kompetenza tal-awditur ewlieni tal-EU ETS imsemmijin fl-Artikolu 38(2).

3.   L-eżaminatur indipendenti għandu jkollu l-kompetenza meħtieġa biex janalizza l-informazzjoni pprovduta sabiex jikkonferma l-kompletezza u l-integrità tagħha, biex jikkontesta l-informazzjoni nieqsa jew kontradittorja, kif ukoll biex jivverifika r-rendikont tad-data biex jivvaluta jekk id-dokumentazzjoni interna tal-verifika hijiex kompluta u tipprovdix biżżejjed informazzjoni biex tappoġġa l-abbozz tar-rapport ta' verifika jew le.

Artikolu 40

Użu tal-esperti tekniċi

1.   Huwa u jwettaq l-attivitajiet ta' verifika, verifikatur jista' juża esperti tekniċi biex jipprovdu għarfien espert u ddettaljat dwar suġġett speċifiku li jkun meħtieġ biex l-awditur tal-EU ETS u l-awditur ewlieni tal-EU ETS jingħataw appoġġ fit-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika tagħhom.

2.   Meta l-eżaminatur indipendenti ma jkollux il-kompetenza jivvaluta kwistjoni partikulari fil-proċess tal-analiżi, il-verifikatur għandu jitlob l-appoġġ ta' espert tekniku.

3.   L-espert tekniku għandu jkollu l-kompetenza u l-għarfien espert meħtieġa biex jappoġġa b'mod effettiv lill-awditur tal-EU ETS u lill-awditur ewlieni tal-EU ETS, jew lill-eżaminatur indipendenti, meta jkun hemm bżonn, fis-suġġett li dwaru jkun qed jintalab l-għarfien u l-għarfien espert tiegħu. Barra minn hekk, l-espert tekniku għandu jifhem biżżejjed il-kwistjonijiet deskritti fl-Artikolu 38(1)(a), (b) u (c).

4.   L-espert tekniku għandu jwettaq il-kompiti speċifiċi tiegħu taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà sħiħa tal-awditur ewlieni tal-EU ETS tat-tim tal-verifika li fih huwa jkun qed jaħdem jew taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà sħiħa tal-eżaminatur indipendenti.

Artikolu 41

Proċeduri għall-attivitajiet ta' verifika

1.   Verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċedura waħda jew aktar għall-attivitajiet ta' verifika kif deskritt fil-Kapitolu II u l-proċeduri u l-proċessi meħtieġa skont l-Anness II. Huwa u jistabbilixxi u jimplimenta dawk il-proċeduri u dawk il-proċessi, il-verifikatur għandu jwettaq l-attivitajiet skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

2.   Verifikatur għandu jfassal, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm sistema ta' ġestjoni tal-kwalità sabiex jiżgura li l-proċeduri u l-proċessi msemmijin fil-paragrafu 1 jiġu żviluppati, implimentati, mtejbin u analizzati b'mod konsistenti skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

Artikolu 42

Reġistri u komunikazzjoni

1.   Verifikatur għandu jżomm reġistri biex juri l-konformità ma' dan ir-Regolament, fosthom reġistri dwar il-kompetenza u l-imparzjalità tal-persunal.

2.   Verifikatur għandu jqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenju tal-ajru u ta' partijiet rilevanti oħrajn b'mod regolari skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

3.   Verifikatur għandu jħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jkun kiseb waqt il-verifika skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

Artikolu 43

Imparzjalità u indipendenza

1.   Verifikatur għandu jkun indipendenti minn operatur jew minn operatur tal-inġenji tal-ajru u għandu jkun imparzjali fit-twettiq tal-attivitajiet ta' verifika tiegħu.

Sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-imparzjalità, il-verifikatur u kull parti mill-istess entità legali ma għandhomx ikunu operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jew ikunu s-sid ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru jew ikunu l-proprjetà tagħhom, u l-verifikatur lanqas ma għandu jkollu relazzjonijiet mal-operatur jew mal-operatur tal-inġenji tal-ajru li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu. Il-verifikatur għandu jkun indipendenti wkoll mill-korpi li jinnegozjaw il-kwoti tal-emissjonijiet fil-kuntest tas-sistema għan-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbilita skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/87/KE.

2.   Verifikatur għandu jkun organizzat b'tali mod li jħares l-oġġettività, l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

3.   Verifikatur ma għandux iwettaq attivitajiet ta' verifika għal operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru li joħolqulu riskju inaċċettabbli għall-imparzjalità tiegħu jew li joħolqulu kunflitt ta' interess. Il-verifikatur ma għandux juża membri tal-persunal jew persuni mqabbdin b'kuntratt biex jivverifika rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru meta dan joħloq kunflitt ta' interess jew ikun jista' joħloq kunflitt ta' interess. Il-verifikatur għandu jiżgura wkoll li l-attivitajiet tal-persunal jew tal-organizzazzjonijiet ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-verifika.

Għandu jitqies li jkun inħoloq riskju inaċċettabbli għall-imparzjalità jew kunflitt ta' interess imsemmijin fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu b'mod partikulari fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

meta verifikatur jew kull parti mill-istess entità legali jkunu jipprovdu servizzi ta' konsulenza biex tiġi żviluppata parti mill-proċess ta' monitoraġġ u ta' rappurtar li hija deskritta fil-pjan ta' monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti jew fil-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ, skont il-każ, fosthom biex tiġi żviluppata l-metodoloġija tal-monitoraġġ, biex jiġi abbozzat ir-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u biex jiġi abbozzat il-pjan ta' monitoraġġ jew il-pjan ta' metodoloġija tal-monitoraġġ;

(b)

meta verifikatur jew kull parti mill-istess entità legali jkunu jipprovdu assistenza teknika biex tiġi żviluppata jew biex tinżamm is-sistema implimentata għall-monitoraġġ u għar-rappurtar tal-emissjonijiet, tad-data dwar it-tunnellati kilometri jew tad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas.

4.   Għandu jitqies li jkun inħoloq kunflitt ta' interess għall-verifikatur fir-relazzjonijiet tiegħu ma' operatur jew ma' operatur tal-inġenji tal-ajru b'mod partikulari fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

meta r-relazzjoni bejn il-verifikatur u l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru tkun ibbażata fuq sjieda komuni, governanza komuni, ġestjoni jew persunal komuni, riżorsi kondiviżi, finanzi komuni u kuntratti jew kummerċjalizzazzjoni komuni;

(b)

meta l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jkun irċieva s-servizzi ta' konsulenza msemmijin fil-paragrafu 3(a) jew l-assistenza teknika msemmija fil-punt (b) ta' dak il-paragrafu minn korp ta' konsulenza, korp tal-assistenza teknika jew organizzazzjoni oħra li jkollha relazzjonijiet mal-verifikatur u li thedded l-imparzjalità tal-verifikatur.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-imparzjalità tal-verifikatur għandha titqies li tkun ġiet mhedda meta r-relazzjonijiet bejn il-verifikatur u l-korp ta' konsulenza, il-korp tal-assistenza teknika jew l-organizzazzjoni l-oħra jkunu bbażati fuq sjieda komuni, governanza komuni, ġestjoni jew persunal komuni, riżorsi kondiviżi, finanzi komuni, kuntratti jew kummerċjalizzazzjoni komuni u ħlas komuni tal-inkarigi tal-bejgħ jew inċentivi oħrajn għar-riferiment ta' klijenti ġodda.

5.   Verifikatur ma għandux jesternalizza l-analiżi indipendenti jew il-ħruġ tar-rapport ta' verifika. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, meta jkun qed jesternalizza attivitajiet oħrajn ta' verifika, il-verifikatur għandu jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

Madankollu, il-fatt li l-individwi jitqabbdu b'kuntratt biex iwettqu l-attivitajiet ta' verifika ma għandux jikkostitwixxi esternalizzazzjoni għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu jekk il-verifikatur ikun jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti mogħtija fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II meta jkun qed iqabbad lil dawk il-persuni b'kuntratt.

6.   Verifikatur għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċess biex jiżgura l-imparzjalità u l-indipendenza kontinwi tiegħu stess, ta' partijiet mill-istess entità legali tiegħu, ta' organizzazzjonijiet oħrajn imsemmijin fil-paragrafu 4 u tal-persunal kollu u tal-persuni kollha mqabbdin b'kuntratt involuti fil-verifika. Dak il-proċess għandu jinkludi mekkaniżmu biex jitħarsu l-imparzjalità u l-indipendenza tal-verifikatur u għandu jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness II.

7.   Jekk l-awditur ewlieni tal-EU ETS iwettaq sitt verifiki annwali għal operatur tal-inġenji tal-ajru partikulari, huwa għandu jieqaf għal tliet snin konsekuttivi milli jipprovdi s-servizzi ta' verifika lil dak l-istess operatur tal-inġenji tal-ajru. Il-perjodu massimu ta' sitt snin jinkludi kull verifika tal-gassijiet serra li titwettaq għal operatur tal-inġenji tal-ajru minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament 'il quddiem.

KAPITOLU IV

AKKREDITAMENT

Artikolu 44

Akkreditament

Verifikatur li jkun qed joħroġ rapport ta' verifika lil operatur jew lil operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jkun akkreditat għall-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet imsemmijin fl-Anness I li fih huwa jkun qed iwettaq il-verifika tar-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru.

Għall-finijiet tal-verifika tar-rapporti dwar id-data ta' referenza jew tar-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid, verifikatur li jkun qed joħroġ rapport ta' verifika lil operatur għandu jkun akkreditat ukoll għall-grupp ta' attività bin-numru 98 imsemmi fl-Anness I.

Artikolu 45

Għanijiet tal-akkreditament

Waqt il-proċess tal-akkreditament u l-monitoraġġ tal-verifikaturi akkreditati, kull korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jivvaluta jekk il-verifikatur u l-persunal tiegħu li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet ta' verifika:

(a)

għandhomx il-kompetenza jwettqu l-verifika tar-rapporti tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament jew le;

(b)

ikunux qed iwettqu l-verifika tar-rapporti tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru skont dan ir-Regolament jew le;

(c)

jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmijin fil-Kapitolu III jew le.

Artikolu 46

Talba għall-akkreditament

1.   Kull persuna ġuridika jew entità legali oħra tista' titlob akkreditament skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu.

It-talba għandu jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa abbażi tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, qabel tinbeda l-valutazzjoni skont l-Artikolu 45, applikant għandu jqiegħed ukoll l-affarijiet li ġejjin għad-dispożizzjoni tal-korp nazzjonali ta' akkreditament:

(a)

l-informazzjoni kollha mitluba mill-korp nazzjonali ta' akkreditament;

(b)

il-proċeduri u l-informazzjoni marbutin mal-proċessi msemmijin fl-Artikolu 41(1) u l-informazzjoni dwar is-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 41(2);

(c)

il-kriterji ta' kompetenza msemmijin fl-Artikolu 36(2)(a) u (b), ir-riżultati tal-proċess ta' kompetenza msemmi fl-Artikolu 36, kif ukoll dokumentazzjoni rilevanti oħra dwar il-kompetenza tal-persunal kollu involut fl-attivitajiet ta' verifika;

(d)

informazzjoni dwar il-proċess biex jiġu żgurati l-imparzjalità u l-indipendenza kontinwi msemmi fl-Artikolu 43(6), fosthom ir-reġistri rilevanti dwar l-imparzjalità u l-indipendenza tal-applikant u tal-persunal tiegħu;

(e)

informazzjoni dwar l-esperti tekniċi u l-persunal ewlieni involut fil-verifika tar-rapporti tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru;

(f)

is-sistema u l-proċess biex tiġi żgurata dokumentazzjoni interna xierqa tal-verifika;

(g)

ir-reġistri rilevanti l-oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 42(1).

Artikolu 47

Tħejjija tal-valutazzjoni

1.   Huwa u jħejji l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 45, kull korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jqis il-kumplessità tal-kamp ta' applikazzjoni li għalih l-applikant jitlob l-akkreditament, kif ukoll il-kumplessità tas-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 41(2), il-proċeduri u l-informazzjoni dwar il-proċessi msemmijin fl-Artikolu 41(1) u ż-żoni ġeografiċi li fihom l-applikant ikun qed iwettaq il-verifiki jew li fihom ikun beħsiebu jwettaq il-verifiki.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissodisfa r-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

Artikolu 48

Valutazzjoni

1.   Sabiex iwettaq il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 45, it-tim tal-valutazzjoni msemmi fl-Artikolu 58 għandu jwettaq tal-inqas l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

analiżi tad-dokumenti u tar-reġistri kollha rilevanti msemmijin fl-Artikolu 46;

(b)

żjara fil-post tal-applikant sabiex janalizza kampjun rappreżentattiv tad-dokumentazzjoni interna tal-verifika u sabiex jivvaluta l-implimentazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità tal-applikant u tal-proċeduri jew tal-proċessi msemmijin fl-Artikolu 41;

(c)

osservazzjoni ta' parti rappreżentattiva mill-kamp ta' applikazzjoni mitlub għall-akkreditament u tal-prestazzjoni u tal-kompetenza ta' għadd rappreżentattiv ta' membri tal-persunal tal-applikant li jkunu involuti fil-verifika tar-rapport tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru sabiex jiġi żgurat li l-persunal ikun qed jaħdem skont dan ir-Regolament.

Meta jkun qed iwettaq dawk l-attivitajiet, it-tim tal-valutazzjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

2.   It-tim tal-valutazzjoni għandu jirrapporta s-sejbiet u n-nuqqasijiet ta' konformità lill-applikant skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III u għandu jitolbu jwieġeb għas-sejbiet u għan-nuqqasijiet ta' konformità rrappurtati skont dawk id-dispożizzjonijiet.

3.   Applikant għandu jieħu azzjoni korrettiva biex jittratta kull nuqqas ta' konformità rrappurtat skont il-paragrafu 2 u, fit-tweġiba tiegħu għas-sejbiet u għan-nuqqasijiet ta' konformità rrappurtati mit-tim tal-valutazzjoni, għandu jindika liema azzjonijiet ikun ħa biex isolvi kull nuqqas ta' konformità identifikat jew liema azzjonijiet ikun beħsiebu jieħu f'perjodu taż-żmien stabbilit mill-korp nazzjonali ta' akkreditament biex jagħmel dan.

4.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu janalizza t-tweġibiet għas-sejbiet u għan-nuqqasijiet ta' konformità li l-applikant ikun bagħat skont il-paragrafu 3.

Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament isib li t-tweġiba tal-applikant ma tkunx suffiċjenti jew ma tkunx effettiva, għandu jitolbu jagħtih iktar informazzjoni jew jieħu iktar azzjonijiet. Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jitlob ukoll provi tal-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet li jkunu ttieħdu jew iwettaq valutazzjoni ta' segwitu sabiex jivvaluta l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet korrettivi.

Artikolu 49

Deċiżjoni dwar l-akkreditament u ċertifikat tal-akkreditament

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jqis ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III meta jkun qed iħejji u jieħu d-deċiżjoni dwar jekk jagħtix l-akkreditament lil applikant, jekk jestendihulux jew jekk iġeddidulux jew le.

2.   Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament jiddeċiedi li jagħti l-akkreditament lil applikant jew li jestendihulu jew li jġeddidulu, għandu joħroġ ċertifikat tal-akkreditament dwar dan.

Iċ-ċertifikat tal-akkreditament għandu jkun fih tal-inqas l-informazzjoni meħtieġa abbażi tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

Iċ-ċertifikat tal-akkreditament għandu jkun validu għal perjodu ta' mhux iktar minn ħames snin mid-data meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun ħarġu.

Artikolu 50

Sorveljanza

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq sorveljanza annwali ta' kull verifikatur li għalih ikun ħareġ ċertifikat tal-akkreditament.

Is-sorveljanza għandha tinkludi tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

żjara fil-post tal-verifikatur sabiex jitwettqu l-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 48(1)(b);

(b)

osservazzjoni tal-prestazzjoni u tal-kompetenza ta' għadd rappreżentattiv ta' membri tal-persunal tal-verifikatur skont l-Artikolu 48(1)(c).

2.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq l-ewwel sorveljanza ta' verifikatur skont il-paragrafu 1 mhux iktar tard minn 12-il xahar mid-data meta ċ-ċertifikat tal-akkreditament ikun inħareġ lil dak il-verifikatur.

3.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jħejji l-pjan tiegħu għas-sorveljanza ta' kull verifikatur b'tali mod li jippermetti l-valutazzjoni ta' kampjuni rappreżentattivi tal-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

4.   Abbażi tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jiddeċiedi jekk jikkonfermax il-kontinwazzjoni tal-akkreditament jew le.

5.   Meta verifikatur iwettaq verifika fi Stat Membru ieħor, il-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lil dak il-verifikatur jista' jitlob lill-korp nazzjonali ta' akkreditament tal-Istat Membru fejn titwettaq il-verifika jwettaq attivitajiet ta' sorveljanza f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

Artikolu 51

Valutazzjoni mill-ġdid

1.   Qabel ma jiskadi ċ-ċertifikat tal-akkreditament, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jivvaluta mill-ġdid lill-verifikatur li għalih ikun ħareġ ċertifikat tal-akkreditament sabiex jistabbilixxi jekk tistax tiġi estiża l-validità ta' dak iċ-ċertifikat tal-akkreditament jew le.

2.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jħejji l-pjan tiegħu għall-valutazzjoni mill-ġdid ta' kull verifikatur b'tali mod li jippermetti l-valutazzjoni ta' kampjuni rappreżentattivi tal-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament. Meta jkun qed jippjana u jwettaq il-valutazzjoni mill-ġdid, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

Artikolu 52

Valutazzjoni straordinarja

1.   Fi kwalunkwe mument, il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jwettaq valutazzjoni straordinarja tal-verifikatur biex jiżgura li dan jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

2.   Sabiex il-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun jista' jiddeċiedi jekk hemmx bżonn ta' valutazzjoni straordinarja jew le, il-verifikatur għandu javża lill-korp nazzjonali ta' akkreditament minnufih b'kull tibdil sinifikanti f'kull aspett tal-istat jew tal-operat tiegħu li jkun rilevanti għall-akkreditament tiegħu. It-tibdil sinifikanti għandu jinkludi dak it-tibdil imsemmi fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

Artikolu 53

Twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni

Bi tweġiba għal applikazzjoni min-naħa ta' verifikatur biex jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni ta' akkreditament li jkun ingħata, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq l-attivitajiet meħtieġa biex jistabbilixxi jekk il-verifikatur jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 45 għat-twessigħ mitlub tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-akkreditament jew le.

Artikolu 54

Miżuri amministrattivi

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jissospendi, jirtira jew jillimita l-akkreditament ta' verifikatur jekk il-verifikatur ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissospendi, jirtira jew jillimita l-akkreditament ta' verifikatur jekk il-verifikatur jitlob dan.

Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċedura għas-sospensjoni tal-akkreditament, għall-irtirar tiegħu u għal-limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

2.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jissospendi l-akkreditament jew jillimita l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk il-verifikatur ikun wettaq ksur serju tar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament;

(b)

jekk il-verifikatur ikun naqas b'mod persistenti u ripetut milli jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament;

(c)

jekk il-verifikatur ikun kiser termini u kundizzjonijiet speċifiċi oħrajn tal-korp nazzjonali ta' akkreditament.

3.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jirtira l-akkreditament fil-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk il-verifikatur ikun naqas milli jieħu azzjonijiet ta' rimedju b'rabta mar-raġunijiet li għalihom ikun ġie deċiż li jiġi sospiż iċ-ċertifikat tal-akkreditament;

(b)

jekk membru tal-maniġment superjuri tal-verifikatur jew membru tal-persunal tal-verifikatur li jkun involut f'attivitajiet ta' verifika skont dan ir-Regolament ikun instab ħati li wettaq frodi;

(c)

jekk il-verifikatur ikun ta informazzjoni falza jew ikun ħeba l-informazzjoni bi ħsieb.

4.   Jista' jsir appell b'rabta mad-deċiżjoni ta' korp nazzjonali ta' akkreditament li jissospendi, jirtira jew jillimita l-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament skont il-paragrafi 2 u 3.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri għar-riżoluzzjoni ta' dawk l-appelli.

5.   Id-deċiżjoni ta' korp nazzjonali ta' akkreditament li jissospendi, jirtira jew jillimita l-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament għandu jkollha effett minn meta l-verifikatur jiġi mgħarraf biha.

Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jtemm is-sospensjoni ta' ċertifikat tal-akkreditament meta jkun irċieva informazzjoni sodisfaċenti u jkun konvint li l-verifikatur ikun jissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU V

REKWIŻITI GĦALL-KORPI TAL-AKKREDITAMENT FIL-KUNTEST TAL-AKKREDITAMENT TAL-VERIFIKATURI TAL-ETS

Artikolu 55

Korp nazzjonali ta' akkreditament

1.   Il-kompiti marbutin mal-akkreditament skont dan ir-Regolament għandhom jitwettqu mill-korpi nazzjonali ta' akkreditament maħturin skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

2.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li jippermetti ċ-ċertifikazzjoni ta' verifikaturi li jkunu persuni fiżiċi, skont dan ir-Regolament il-kompiti marbutin maċ-ċertifikazzjoni ta' dawk il-verifikaturi għandhom jiġu fdati lil awtorità nazzjonali oħra minbarra l-korp nazzjonali ta' akkreditament maħtur skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

3.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li juża l-għażla stabbilita fil-paragrafu 2, huwa għandu jiżgura li l-awtorità nazzjonali kkonċernata tkun tissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikolu 71 tiegħu, u għandu jipprovdi l-provi ddokumentati meħtieġa skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

4.   Korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jkun membru tal-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

5.   Korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jiġi fdat iwettaq l-akkreditament bħala attività ta' awtorità pubblika u jiġi rrikonoxxut b'mod formali mill-Istat Membru jekk l-akkreditament ma jsirx direttament mill-awtoritajiet pubbliċi.

6.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

Artikolu 56

Akkreditament transkonfinali

Meta Stat Membru jidhirlu li ma jagħmilx sens mil-lat ekonomiku li jaħtar korp nazzjonali ta' akkreditament jew li jipprovdi servizzi ta' akkreditament skont it-tifsira tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE jew jidhirlu li dan mhuwiex sostenibbli mil-lat ekonomiku, dak l-Istat Membru għandu jitħalla jirrikorri għall-korp nazzjonali ta' akkreditament ta' Stat Membru ieħor.

L-Istat Membru kkonċernat għandu javża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn b'dan.

Artikolu 57

Indipendenza u imparzjalità

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jkun organizzat b'tali mod li jiżgura l-indipendenza sħiħa tiegħu mill-verifikaturi li jivvaluta u l-imparzjalità tiegħu fit-twettiq tal-attivitajiet ta' akkreditament tiegħu.

2.   Għal dak il-għan, il-korp nazzjonali ta' akkreditament ma għandu joffri jew jipprovdi l-ebda attività jew servizz li jipprovdi verifikatur, u lanqas ma għandu jipprovdi servizzi ta' konsulenza, ikollu ishma f'verifikatur jew ikollu interess finanzjarju jew maniġerjali mod ieħor f'verifikatur.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55(2), l-istruttura, ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-korp nazzjonali ta' akkreditament għandhom ikunu distinti b'mod ċar minn dawk tal-awtorità kompetenti u ta' awtoritajiet nazzjonali oħrajn.

4.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jieħu d-deċiżjonijiet finali kollha dwar l-akkreditament tal-verifikaturi.

Madankollu, il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jissottokuntratta ċerti attivitajiet, dejjem jekk jitħarsu r-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III.

Artikolu 58

Tim tal-valutazzjoni

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jaħtar tim tal-valutazzjoni għal kull valutazzjoni partikulari.

2.   It-tim tal-valutazzjoni għandu jkun magħmul minn assessur ewlieni u, meta jkun hemm bżonn, minn għadd xieraq ta' assessuri jew ta' esperti tekniċi għal kamp ta' applikazzjoni speċifiku tal-akkreditament.

It-tim tal-valutazzjoni għandu jinkludi tal-inqas persuna waħda li jkollha għarfien tal-monitoraġġ u tar-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 li jkunu rilevanti għall-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament u li jkollha l-kompetenza u l-għarfien meħtieġa biex tivvaluta l-attivitajiet ta' verifika fl-istallazzjoni jew fl-operatur tal-inġenji tal-ajru għal dak il-kamp ta' applikazzjoni, u tal-inqas persuna waħda li tkun taf il-leġiżlazzjoni u l-linji gwida nazzjonali rilevanti.

Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament jivvaluta l-kompetenza u l-prestazzjoni tal-verifikatur għall-kamp ta' applikazzjoni bin-numru 98 imsemmi fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, it-tim tal-valutazzjoni għandu jinkludi wkoll tal-inqas persuna waħda li jkollha għarfien dwar il-ġbir, il-monitoraġġ u r-rappurtar tad-data rilevanti għall-allokazzjoni bla ħlas skont ir-Regolament Delegat (UE) …/… kif ukoll il-kompetenza u l-għarfien meħtieġa biex tivvaluta l-attivitajiet ta' verifika għal dak il-kamp ta' applikazzjoni.

Artikolu 59

Rekwiżiti ta' kompetenza għall-assessuri

1.   Assessur għandu jkollu l-kompetenza jwettaq l-attivitajiet meħtieġa skont il-Kapitolu IV meta jkun qed jivvaluta lill-verifikatur. Għal dak il-għan, l-assessur:

(a)

għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III, skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(b)

għandu jkollu għarfien tad-Direttiva 2003/87/KE, tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) …/… meta huwa jkun qed jivvaluta l-kompetenza u l-prestazzjoni tal-verifikatur għall-kamp ta' applikazzjoni bin-numru 98 imsemmi fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, għarfien ta' dan ir-Regolament, tal-istandards rilevanti u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra, kif ukoll tal-linji gwida applikabbli;

(c)

għandu jkollu għarfien tal-awditjar tad-data u tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 38(1)(b) ta' dan ir-Regolament miksub permezz tat-taħriġ jew ikollu aċċess għal persuna li jkollha għarfien tat-tali data u tat-tali informazzjoni u li jkollha esperjenza f'dan il-qasam.

2.   Assessur ewlieni għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta' kompetenza msemmijin fil-paragrafu 1, ikun wera kompetenza fit-tmexxija ta' tim tal-valutazzjoni u jkun responsabbli għat-twettiq ta' valutazzjoni skont dan ir-Regolament.

3.   L-eżaminaturi interni u l-persuni li jkunu qed jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-għoti, l-estensjoni jew it-tiġdid ta' akkreditament mhux biss għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kompetenza msemmijin fil-paragrafu 1, iżda għandu jkollhom ukoll għarfien u esperjenza biżżejjed biex jevalwaw l-akkreditament.

Artikolu 60

Esperti tekniċi

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament jista' jinkludi esperti tekniċi fit-tim tal-valutazzjoni biex jipprovdu għarfien espert u ddettaljat dwar suġġett speċifiku li jkun meħtieġ biex l-assessur ewlieni jew l-assessur jingħataw appoġġ fit-twettiq tal-attivitajiet ta' valutazzjoni.

2.   L-espert tekniku għandu jkollu l-kompetenza meħtieġa biex jappoġġa b'mod effettiv lill-assessur ewlieni u lill-assessur fis-suġġett li dwaru jkun qed jintalab l-għarfien u l-għarfien espert tiegħu. Barra minn hekk, l-espert tekniku:

(a)

għandu jkollu għarfien tad-Direttiva 2003/87/KE, tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, tar-Regolament Delegat (UE) …/… meta huwa jkun qed jivvaluta l-kompetenza u l-prestazzjoni tal-verifikatur għall-kamp ta' applikazzjoni bin-numru 98 imsemmi fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, għarfien ta' dan ir-Regolament, tal-istandards rilevanti u ta' leġiżlazzjoni rilevanti oħra, kif ukoll tal-linji gwida applikabbli;

(b)

għandu jifhem biżżejjed l-attivitajiet ta' verifika.

3.   Espert tekniku għandu jwettaq kompiti speċifiċi taħt id-direzzjoni u r-responsabbiltà sħiħa tal-assessur ewlieni tat-tim tal-valutazzjoni kkonċernat.

Artikolu 61

Proċeduri

Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 62

Ilmenti

Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament jirċievi lment mingħand l-awtorità kompetenti, mingħand l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru jew mingħand partijiet interessati oħrajn dwar il-verifikatur, fi żmien raġonevoli iżda mhux aktar tard minn tliet xhur minn meta jirċievi dak l-ilment, huwa għandu:

(a)

jiddeċiedi dwar il-validità tal-ilment;

(b)

jiżgura li l-verifikatur ikkonċernat jingħata l-opportunità jibgħat il-kummenti tiegħu;

(c)

jieħu azzjonijiet xierqa biex jittratta l-ilment;

(d)

jirreġistra l-ilment u l-azzjoni li tkun ittieħdet; u

(e)

iwieġeb lil min ikun għamel l-ilment.

Artikolu 63

Reġistri u dokumentazzjoni

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jżomm reġistri dwar kull persuna li tkun involuta fil-proċess tal-akkreditament. Dawk ir-reġistri għandhom jinkludu reġistri marbutin mal-kwalifiki, mat-taħriġ, mal-esperjenza, mal-imparzjalità u mal-kompetenza rilevanti meħtieġa biex tintwera l-konformità ma' dan ir-Regolament.

2.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jżomm reġistri dwar il-verifikatur skont l-istandard armonizzat imsemmi fl-Anness III, skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 64

Aċċess għall-informazzjoni u kunfidenzjalità

1.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jippubblika l-informazzjoni dwaru u dwar l-attivitajiet ta' akkreditament tiegħu u jaġġornaha b'mod regolari.

2.   Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jagħmel l-arranġamenti adegwati biex iħares kif xieraq il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jkun kiseb.

Artikolu 65

Evalwazzjoni bejn il-pari

1.   Il-korpi nazzjonali ta' akkreditament għandhom jissottomettu lilhom infushom għal evalwazzjoni regolari bejn il-pari.

Il-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jorganizza l-evalwazzjoni bejn il-pari.

2.   Il-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jimplimenta kriterji xierqa tal-evalwazzjoni bejn il-pari u proċess effettiv u indipendenti tal-evalwazzjoni bejn il-pari sabiex jivvaluta:

(a)

jekk il-korp nazzjonali ta' akkreditament li tkun qed issirlu l-evalwazzjoni bejn il-pari jkunx wettaq l-attivitajiet ta' akkreditament skont il-Kapitolu IV jew le;

(b)

jekk il-korp nazzjonali ta' akkreditament li tkun qed issirlu l-evalwazzjoni bejn il-pari jkunx issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dan il-Kapitolu jew le.

Il-kriterji għandhom jinkludu rekwiżiti ta' kompetenza għall-evalwaturi u għat-timijiet li jwettqu l-evalwazzjonijiet bejn il-pari li jkunu speċifiċi għas-sistema għan-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE.

3.   Il-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jippubblika r-riżultat tal-evalwazzjoni bejn il-pari ta' korp nazzjonali ta' akkreditament u jibagħtu lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-korpi nazzjonali ta' akkreditament fl-Istati Membri u lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri jew lill-punt ta' kuntatt imsemmi fl-Artikolu 70(2).

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, meta korp nazzjonali ta' akkreditament tkun saritlu evalwazzjoni b'suċċess bejn il-pari organizzata mill-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, huwa għandu jiġi eżentat milli ssirlu evalwazzjoni ġdida bejn il-pari wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jekk ikun jista' juri li huwa konformi ma' dan ir-Regolament.

Għal dak il-għan, il-korp nazzjonali ta' akkreditament ikkonċernat għandu jibgħat talba u d-dokumentazzjoni meħtieġa lill-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Il-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jiddeċiedi jekk ikunux intlaħqu l-kundizzjonijiet biex tingħata eżenzjoni jew le.

L-eżenzjoni għandha tapplika għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin mid-data meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament jiġi mgħarraf bid-deċiżjoni.

5.   L-awtorità nazzjonali fdata, skont l-Artikolu 55(2), bil-kompiti marbutin maċ-ċertifikazzjoni ta' verifikaturi li jkunu persuni fiżiċi, skont dan ir-Regolament, għandha tilħaq livell ta' kredibbiltà li jkun ekwivalenti għal dak tal-korpi nazzjonali ta' akkreditament li tkun saritilhom evalwazzjoni b'suċċess bejn il-pari.

Għal dak il-għan, eżatt wara li jiddeċiedi li jawtorizza lill-awtorità nazzjonali twettaq iċ-ċertifikazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat il-provi ddokumentati rilevanti kollha lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn. L-ebda awtorità nazzjonali ma għandha tiċċertifika lill-verifikaturi għall-finijiet ta' dan ir-Regolament qabel ma l-Istat Membru kkonċernat ikun ipprovda dawk il-provi ddokumentati.

L-Istat Membru kkonċernat għandu janalizza l-funzjonament tal-awtorità nazzjonali b'mod regolari sabiex jiżgura li din tkompli tilħaq il-livell ta' kredibbiltà msemmi qabel u għandu javża lill-Kummissjoni b'dan.

Artikolu 66

Azzjoni korrettiva

1.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw lill-korpi nazzjonali ta' akkreditament tagħhom f'intervalli regolari sabiex jiżguraw li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament b'mod kontinwu, filwaqt li jqisu r-riżultati tal-evalwazzjoni bejn il-pari mwettqa skont l-Artikolu 65.

2.   Meta korp nazzjonali ta' akkreditament ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti jew jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu kif stabbilit f'dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-azzjoni korrettiva x-xierqa jew jiżgura li tittieħed it-tali azzjoni korrettiva u għandu javża lill-Kummissjoni b'dan.

Artikolu 67

Rikonoxximent reċiproku tal-verifikaturi

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-ekwivalenza tas-servizzi li jagħtu l-korpi nazzjonali ta' akkreditament li tkun saritilhom evalwazzjoni b'suċċess bejn il-pari. L-Istati Membri għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-akkreditament tal-verifikaturi akkreditati minn dawk il-korpi nazzjonali ta' akkreditament u jħarsu d-dritt tagħhom li jwettqu l-verifiki fil-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tagħhom.

2.   Meta korp nazzjonali ta' akkreditament ma jkunx sarlu l-proċess sħiħ tal-evalwazzjoni bejn il-pari, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-akkreditament tal-verifikaturi akkreditati minn dak il-korp nazzjonali ta' akkreditament jekk il-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 ikun beda evalwazzjoni bejn il-pari għal dak il-korp u ma jkun identifika l-ebda nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament min-naħa tiegħu.

3.   Meta awtorità nazzjonali msemmija fl-Artikolu 55(2) twettaq iċ-ċertifikazzjoni tal-verifikaturi, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikat li toħroġ it-tali awtorità u jħarsu d-dritt tal-verifikaturi ċċertifikati li jwettqu l-verifiki fil-kamp ta' applikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tagħhom.

Artikolu 68

Monitoraġġ tas-servizzi mogħtija

Meta waqt spezzjoni mwettqa skont l-Artikolu 31(4) tad-Direttiva 2006/123/KE, Stat Membru jkun stabbilixxa li verifikatur ma jkunx qed jikkonforma ma' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti jew il-korp nazzjonali ta' akkreditament ta' dak l-Istat Membru għandhom javżaw lill-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lill-verifikatur b'dan.

Il-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lill-verifikatur għandu jqis il-komunikazzjoni ta' dik l-informazzjoni bħala lment skont it-tifsira tal-Artikolu 62 u għandu jieħu azzjoni xierqa dwarha u jwieġeb lill-awtorità kompetenti jew lill-korp nazzjonali ta' akkreditament dwarha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 73(2).

Artikolu 69

Skambju elettroniku tad-data u użu ta' sistemi awtomatizzati

1.   L-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-verifikaturi jużaw mudelli elettroniċi jew formati speċifiċi tal-fajls għar-rapporti ta' verifika skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jew skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) …/….

2.   Għal tipi ta' komunikazzjoni oħrajn bejn l-operatur, l-operatur tal-inġenji tal-ajru, il-verifikatur, l-awtorità kompetenti u l-korp nazzjonali ta' akkreditament jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mudelli elettroniċi standardizzati jew speċifikazzjonijiet dwar il-formati tal-fajls skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2066.

KAPITOLU VI

SKAMBJU TAL-INFORMAZZJONI

Artikolu 70

Skambju tal-informazzjoni u punti ta' kuntatt

1.   L-Istat Membru għandu jistabbilixxi skambju effettiv tal-informazzjoni x-xierqa u kooperazzjoni effettiva bejn il-korp nazzjonali ta' akkreditament tiegħu jew, meta dan ikun applikabbli, bejn l-awtorità nazzjonali fdata biċ-ċertifikazzjoni tal-verifikaturi u l-awtorità kompetenti.

2.   Meta fi Stat Membru partikulari jkun hemm iktar minn awtorità kompetenti waħda maħtura skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/87/KE, dak l-Istat Membru għandu jawtorizza lil waħda minnhom biex isservi ta' punt ta' kuntatt għall-iskambju tal-informazzjoni, għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u għall-attivitajiet imsemmijin f'dan il-Kapitolu.

Artikolu 71

Programm ta' ħidma marbut mal-akkreditament u rapport dwar il-ġestjoni

1.   Sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru programm ta' ħidma marbut mal-akkreditament li jkun fih il-lista tal-verifikaturi li jkun akkredita li jkunu avżawh, skont l-Artikolu 77, li beħsiebhom iwettqu verifiki f'dawk l-Istati Membri. Il-programm ta' ħidma marbut mal-akkreditament għandu jkun fih tal-inqas l-informazzjoni li ġejja għal kull verifikatur:

(a)

il-ħin u l-post previsti għall-verifika;

(b)

informazzjoni dwar l-attivitajiet li l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun ippjana għal dak il-verifikatur, b'mod partikulari dawk ta' sorveljanza u ta' valutazzjoni mill-ġdid;

(c)

id-dati tal-awditi ta' osservazzjoni previsti li korp nazzjonali ta' akkreditament irid iwettaq biex jivvaluta lill-verifikatur, fosthom l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt tal-operaturi jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li tkun se ssirilhom żjara waqt l-awditu ta' osservazzjoni;

(d)

informazzjoni dwar jekk il-korp nazzjonali ta' akkreditament ikunx talab lill-korp nazzjonali ta' akkreditament tal-Istat Membru li fih il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifika biex iwettaq attivitajiet ta' sorveljanza jew le.

F'każ li tinbidel l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, sal-31 ta' Jannar ta' kull sena, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jibgħat programm ta' ħidma aġġornat lill-awtorità kompetenti.

2.   Wara li jintbagħat il-programm ta' ħidma marbut mal-akkreditament skont il-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tgħaddi l-informazzjoni rilevanti kollha lill-korp nazzjonali ta' akkreditament, fosthom il-leġiżlazzjoni u l-linji gwida nazzjonali rilevanti.

3.   Sal-1 ta' Ġunju ta' kull sena, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti rapport dwar il-ġestjoni. Ir-rapport dwar il-ġestjoni għandu jkun fih tal-inqas l-informazzjoni li ġejja għal kull verifikatur li dak il-korp ikun akkredita:

(a)

id-dettalji tal-akkreditament tal-verifikaturi li jkunu ġew akkreditati għall-ewwel darba minn dak il-korp nazzjonali ta' akkreditament, fosthom il-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tagħhom;

(b)

kull tibdil fil-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament ta' dawn il-verifikaturi;

(c)

sommarju tar-riżultati tal-attivitajiet ta' sorveljanza u ta' valutazzjoni mill-ġdid li l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun wettaq;

(d)

sommarju tar-riżultati tal-valutazzjonijiet straordinarji li jkunu saru, fosthom ir-raġunijiet għalfejn ikunu nbdew it-tali valutazzjonijiet straordinarji;

(e)

kull ilment li jkun sar kontra l-verifikatur minn meta jkun inħareġ l-aħħar rapport dwar il-ġestjoni 'l hawn u l-azzjonijiet li l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun ħa b'rabta ma' dan;

(f)

id-dettalji dwar l-azzjonijiet li l-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun ħa bi tweġiba għall-informazzjoni li l-awtorità kompetenti tkun bagħtitlu, sakemm huwa ma jkunx qies dik l-informazzjoni bħala lment skont it-tifsira tal-Artikolu 62.

Artikolu 72

Skambju tal-informazzjoni dwar il-miżuri amministrattivi

Jekk il-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun impona miżuri amministrattivi fuq il-verifikatur skont l-Artikolu 54 jew jekk tkun intemmet is-sospensjoni tal-akkreditament jew deċiżjoni f'appell tkun reġġgħet lura d-deċiżjoni ta' korp nazzjonali ta' akkreditament li jimponi l-miżuri amministrattivi msemmijin fl-Artikolu 54, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu javża lill-partijiet li ġejjin b'dan:

(a)

lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-verifikatur ikun akkreditat;

(b)

lill-awtorità kompetenti u lill-korp nazzjonali ta' akkreditament ta' kull Stat Membru fejn il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifiki.

Artikolu 73

Skambju tal-informazzjoni min-naħa tal-awtorità kompetenti

1.   Kull sena, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifika għandha tibgħat tal-inqas l-affarijiet li ġejjin lill-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lil dak il-verifikatur:

(a)

ir-riżultati rilevanti tal-verifika tar-rapport tal-operatur u tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u tar-rapporti ta' verifika, b'mod partikulari kull nuqqas ta' konformità ta' dak il-verifikatur ma' dan ir-Regolament li jkun ġie identifikat;

(b)

ir-riżultati tal-ispezzjoni tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru meta dawk ir-riżultati jkunu rilevanti għall-korp nazzjonali ta' akkreditament b'rabta mal-akkreditament u mas-sorveljanza tal-verifikatur jew meta dawk ir-riżultati jkunu jinkludu xi nuqqas ta' konformità ta' dak il-verifikatur ma' dan ir-Regolament li jkun ġie identifikat;

(c)

ir-riżultati tal-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni interna tal-verifika ta' dak il-verifikatur meta hija tkun evalwat it-tali dokumentazzjoni interna skont l-Artikolu 26(3);

(d)

l-ilmenti li hija tkun irċeviet dwar il-verifikatur.

2.   Meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 turi li l-awtorità kompetenti identifikat nuqqas ta' konformità tal-verifikatur ma' dan ir-Regolament, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jqis il-komunikazzjoni ta' dik l-informazzjoni bħala lment min-naħa tal-awtorità kompetenti dwar dak il-verifikatur skont it-tifsira tal-Artikolu 62.

Il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jieħu l-azzjonijiet ix-xierqa biex jittratta t-tali informazzjoni u għandu jwieġeb lill-awtorità kompetenti fi żmien raġonevoli iżda mhux aktar tard minn tliet xhur minn meta jirċievi dik l-informazzjoni. Fit-tweġiba tiegħu, il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti bl-azzjonijiet li jkun ħa u, meta dan ikun rilevanti, bil-miżuri amministrattivi li jkun impona fuq il-verifikatur.

Artikolu 74

Skambju tal-informazzjoni dwar is-sorveljanza

1.   Meta l-korp nazzjonali ta' akkreditament tal-Istat Membru li fih verifikatur ikun qed iwettaq verifika jkun intalab iwettaq attivitajiet ta' sorveljanza skont l-Artikolu 50(5), dak il-korp nazzjonali ta' akkreditament għandu jibgħat is-sejbiet tiegħu lill-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lill-verifikatur, sakemm iż-żewġ korpi nazzjonali ta' akkreditament ma jkunux ftehmu mod ieħor bejniethom.

2.   Il-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lill-verifikatur għandu jqis is-sejbiet imsemmijin fil-paragrafu 1 meta jkun qed jivvaluta jekk il-verifikatur jissodisfax ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jew le.

3.   Meta s-sejbiet imsemmijin fil-paragrafu 1 juru li l-verifikatur ma jkunx qed jikkonforma ma' dan ir-Regolament, il-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkredita lill-verifikatur għandu jieħu l-azzjonijiet ix-xierqa skont dan ir-Regolament u għandu javża lill-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun wettaq l-attivitajiet ta' sorveljanza bl-affarijiet li ġejjin:

(a)

b'liema azzjonijiet ikun ħa;

(b)

b'kif il-verifikatur ikun solva s-sejbiet, meta dan ikun xieraq;

(c)

b'liema miżuri amministrattivi jkunu ġew imposti fuq il-verifikatur, meta dan ikun rilevanti.

Artikolu 75

Skambju tal-informazzjoni mal-Istat Membru fejn il-verifikatur ikun stabbilit

Meta verifikatur ikun ġie akkreditat minn korp nazzjonali ta' akkreditament ta' Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru li fih ikun stabbilit, il-programm ta' ħidma marbut mal-akkreditament u r-rapport dwar il-ġestjoni msemmijin fl-Artikolu 71 u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 72 għandhom jintbagħtu wkoll lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih il-verifikatur ikun stabbilit.

Artikolu 76

Bażijiet tad-data tal-verifikaturi akkreditati

1.   Il-korpi nazzjonali ta' akkreditament jew, meta dan ikun applikabbli, l-awtoritajiet nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 55(2), għandhom jistabbilixxu u jamministraw bażi tad-data u jippermettu lil korpi nazzjonali ta' akkreditament oħrajn, lil awtoritajiet nazzjonali oħrajn, lill-verifikaturi, lill-operaturi, lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru u lill-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għaliha.

Il-korp irrikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jiffaċilita u jarmonizza l-aċċess għall-bażijiet tad-data sabiex ikun jista' jkun hemm komunikazzjoni effiċjenti u kosteffettiva bejn il-korpi nazzjonali ta' akkreditament, l-awtoritajiet nazzjonali, il-verifikaturi, l-operaturi, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-awtoritajiet kompetenti u jista' jgħaqqad dawk il-bażijiet tad-data f'bażi tad-data waħda ċċentralizzata.

2.   Il-bażi tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u l-indirizz ta' kull verifikatur akkreditat minn dak il-korp nazzjonali ta' akkreditament;

(b)

l-Istati Membri li fihom il-verifikatur ikun qed iwettaq il-verifiki;

(c)

il-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament ta' kull verifikatur;

(d)

id-data meta ngħata l-akkreditament u d-data meta dan jiskadi;

(e)

l-informazzjoni kollha dwar il-miżuri amministrattivi li jkunu ġew imposti fuq il-verifikatur.

L-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 77

Notifika min-naħa tal-verifikaturi

1.   Sabiex il-korp nazzjonali ta' akkreditament ikun jista' jabbozza l-programm ta' ħidma marbut mal-akkreditament u r-rapport dwar il-ġestjoni msemmijin fl-Artikolu 71, sal-15 ta' Novembru ta' kull sena, verifikatur għandu jibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkun akkreditah:

(a)

il-ħin u l-post ippjanati tal-verifiki li huwa għandu jwettaq;

(b)

l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt tal-operaturi jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li r-rapporti dwar l-emissjonijiet, ir-rapporti dwar it-tunnellati kilometri, ir-rapporti dwar id-data ta' referenza jew ir-rapporti dwar id-data ta' min jidħol ġdid tagħhom huwa jkun qed jivverifika;

(c)

l-ismijiet tal-membri tat-tim tal-verifika u l-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament li fih tidħol l-attività tal-operatur jew tal-operatur tal-inġenji tal-ajru.

2.   F'każ li tinbidel l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jgħarraf lill-korp nazzjonali ta' akkreditament b'dak it-tibdil f'perjodu taż-żmien miftiehem miegħu.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 78

Tħassir tar-Regolament (UE) Nru 600/2012 u dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 600/2012 jitħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2019 jew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont liema minnhom tiġi l-aħħar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni mogħtija fl-Anness IV.

2.   Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 600/2012 għandhom jibqgħu japplikaw għall-verifika tal-emissjonijiet u, meta dan ikun applikabbli, għad-data dwar l-attività ta' qabel l-1 ta' Jannar 2019.

Artikolu 79

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019 jew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont liema minnhom tiġi l-aħħar.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta' Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rapporti dwar it-tunnellati kilometri u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 181, 12.7.2012, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(6)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(9)  Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

(10)  Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114).

(11)  Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta' April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1).


ANNESS I

Kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tal-verifikaturi

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-akkreditament tal-verifikaturi għandu jiġi indikat fiċ-ċertifikat tal-akkreditament bl-użu tal-gruppi ta' attivitajiet li ġejjin skont l-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u ta' attivitajiet oħrajn skont l-Artikoli 10a u 24 ta' dik id-Direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għall-verifikaturi ċċertifikati minn awtorità nazzjonali skont l-Artikolu 55(2) ta' dan ir-Regolament.

Numru tal-grupp ta' attività

Kampijiet ta' applikazzjoni tal-akkreditament

1a

Il-kombustjoni tal-fjuwils fl-istallazzjonijiet li fihom jintużaw il-fjuwils kummerċjali standard kif iddefinit fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 biss jew fl-istallazzjonijiet tal-kategorija A jew B li fihom jintuża l-gass naturali

1b

Il-kombustjoni tal-fjuwils fl-istallazzjonijiet, mingħajr restrizzjonijiet

2

Ir-raffinar ta' żejt minerali

3

Il-produzzjoni tal-kokk

Ix-xiwi jew is-sinterizzazzjoni ta' minerali tal-metall (inkluż il-mineral tas-sulfur), inkluż il-pelitizzazzjoni

Il-produzzjoni tal-ħadid fondut grezz jew tal-azzar (fużjoni primarja jew sekondarja), inkluż l-ikkastjar kontinwu

4

Il-produzzjoni jew l-ipproċessar ta' metalli tal-ħadid (inklużi l-ligi tal-ħadid)

Il-produzzjoni tal-aluminju sekondarju

Il-produzzjoni jew l-ipproċessar ta' metalli mhux tal-ħadid, inkluża l-produzzjoni tal-ligi

5

Il-produzzjoni tal-aluminju primarju (emissjonijiet tas-CO2 u tal-PFC)

6

Il-produzzjoni tal-gagazza

Il-produzzjoni tal-ġir jew il-kalċinazzjoni tad-dolomit jew tal-manjeżit

Il-manifattura tal-ħġieġ inkluża l-fibra tal-ħġieġ

Il-manifattura tal-prodotti taċ-ċeramika permezz tan-nar

Il-manifattura ta' materjal ta' iżolament tas-suf minerali

It-tnixxif jew il-kalċinazzjoni tal-ġipsum jew il-produzzjoni ta' folji tal-materjal tal-kisi u ta' prodotti oħrajn tal-ġipsum

7

Il-produzzjoni tal-polpa mill-injam jew minn materjali fibrużi oħrajn

Il-produzzjoni tal-karta jew tal-kartun

8

Il-produzzjoni tal-iswed tal-karbonju

Il-produzzjoni tal-ammonijaka

Il-produzzjoni ta' sustanzi kimiċi organiċi fi kwantitajiet kbar permezz tal-ikkrekkjar, tal-iffurmar mill-ġdid, tal-ossidazzjoni parzjali jew sħiħa jew permezz ta' proċessi simili

Il-produzzjoni tal-idroġenu (H2) u tal-gass sintetiku permezz tal-iffurmar mill-ġdid jew tal-ossidazzjoni parzjali

Il-produzzjoni tal-karbonat tas-sodju (Na2CO3) u tal-bikarbonat tas-sodju (NaHCO3)

9

Il-produzzjoni tal-aċidu nitriku (emissjonijiet tas-CO2 u tan-N2O)

Il-produzzjoni tal-aċidu adipiku (emissjonijiet tas-CO2 u tan-N2O)

Il-produzzjoni tal-gliossal u tal-aċidu gliossiliku (emissjonijiet tas-CO2 u tan-N2O)

10

Il-ġbir tal-gassijiet serra minn stallazzjonijiet koperti mid-Direttiva 2003/87/KE għall-finijiet tat-trasport u tal-ħżin ġeoloġiku f'sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE

It-trasport tal-gassijiet serra permezz ta' linji tal-pajpijiet għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku f'sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE

11

Il-ħżin ġeoloġiku tal-gassijiet serra f'sit tal-ħżin permess skont id-Direttiva 2009/31/KE

12

L-attivitajiet tal-avjazzjoni (emissjonijiet u data dwar it-tunnellati kilometri)

98

Attivitajiet oħrajn skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE

99

Attivitajiet oħrajn li Stat Membru jinkludi skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/87/KE, li jridu jiġu speċifikati fid-dettall fiċ-ċertifikat tal-akkreditament


ANNESS II

Rekwiżiti għall-verifikaturi

L-istandard armonizzat dwar ir-rekwiżiti għall-korpi tal-validazzjoni u tal-verifika tal-gassijiet serra li jintużaw fl-akkreditament jew f'forom oħrajn ta' rikonoxximent previst fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti għall-verifikaturi. Barra minn hekk, għandhom japplikaw ukoll il-proċeduri, il-proċessi u l-arranġamenti li ġejjin imsemmijin fl-Artikolu 41(1):

(a)

proċess u politika għall-komunikazzjoni mal-operatur jew mal-operatur tal-inġenji tal-ajru u ma' partijiet rilevanti oħrajn;

(b)

arranġamenti adegwati biex titħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba;

(c)

proċess biex jiġu ttrattati l-appelli;

(d)

proċess biex jiġu ttrattati l-ilmenti (fosthom skeda taż-żmien indikattiva);

(e)

proċess għall-ħruġ ta' rapport rivedut ta' verifika meta jkun ġie identifikat żball fir-rapport ta' verifika jew fir-rapport ta' operatur jew ta' operatur tal-inġenji tal-ajru wara li l-verifikatur ikun bagħat ir-rapport ta' verifika lill-operatur jew lill-operatur tal-inġenji tal-ajru biex dan jibagħtu lill-awtorità kompetenti;

(f)

proċedura jew proċess għall-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet ta' verifika lil organizzazzjonijiet oħrajn.


ANNESS III

Rekwiżiti minimi tal-proċess tal-akkreditament u rekwiżiti għall-korpi tal-akkreditament

L-istandard armonizzat dwar ir-rekwiżiti ġenerali għall-korpi tal-akkreditament li jakkreditaw il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità previst fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti minimi għall-akkreditament u mar-rekwiżiti għall-korpi tal-akkreditament.


ANNESS IV

Tabella ta' korrelazzjoni

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012

Dan ir-Regolament

L-Artikoli 1 sa 31

L-Artikoli 1 sa 31

L-Artikolu 32

L-Artikoli 32 sa 78

L-Artikoli 33 sa 79

L-Annessi I sa III

L-Annessi I sa III

L-Anness IV


Top