EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R2058

Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/2058 tas-17 ta' Diċembru 2018 li jiffissa għall-2019 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut fil-Baħar l-Iswed

ST/14292/2018/INIT

ĠU L 329, 27.12.2018, p. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/2058/oj

27.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/8


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/2058

tas-17 ta' Diċembru 2018

li jiffissa għall-2019 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut fil-Baħar l-Iswed

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jistipula li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

(2)

Ir-Regolament(UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jeżiġi li jiġu adottati miżuri ta' konservazzjoni filwaqt li jitqiesu l-pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi disponibbli, inkluż, fejn rilevanti, rapporti mfassla mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF).

(3)

Il-Kunsill għandu r-responsabbiltà li jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont is-sajd jew il-grupp tas-sajd fil-Baħar l-Iswed, inkluż, fejn xieraq, ċerti kundizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta magħhom. F'konformità mal-Artikolu 16(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri b'tali mod li jiżguraw l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta' kull Stat Membru għal kull stokk ta' ħut jew sajd u, f'konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd stabbiliti fl-Artikolu 2(2) ta' dak ir-Regolament.

(4)

Fil-41 Laqgħa Annwali tagħha fl-2017, il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd għall-Baħar Mediterran adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/41/2017/4 dwar pjan ta' ġestjoni pluriennali għas-sajd tal-barbun imperjali fis-subżona ġeografika 29 (il-Baħar l-Iswed). Ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi qabda totali permissibbli (TAC) għall-barbun imperjali għal sentejn (2018-2019) b'allokazzjoni temporanja ta' kwoti. Jenħtieġ li dik il-miżura tiġi implimentata fil-liġi tal-Unjoni.

(5)

Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti abbażi tal-pariri xjentifiċi disponibbli, b'kunsiderazzjoni ta' aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jkun żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll fid-dawl tal-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

(6)

Skont il-parir xjentifiku pprovdut mill-STECF, huwa meħtieġ li jinżamm il-livell attwali ta' mortalità mis-sajd, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbilità tal-istokk tal-laċċa kaħla fil-Baħar l-Iswed.

(7)

L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti f'dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (2) u, b'mod partikolari, għall-Artikoli 33 u 34 tiegħu rigward ir-reġistrazzjoni tal-qabdiet u n-notifika tad-data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu speċifikati l-kodiċijiet li għandhom jintużaw mill-Istati Membri meta jibagħtu d-data lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ħatt l-art tal-istokkijiet li huma soġġetti għal dan ir-Regolament.

(8)

F'konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 (3), iridu jiġu identifikati l-istokkijiet li huma soġġetti għall-miżuri varji msemmija fih.

(9)

Fir-rigward tal-istokk tal-barbun imperjali, jenħtieġ li jittieħdu aktar miżuri ta' konservazzjoni. Iż-żamma tal-perjodu tal-għeluq ta' xahrejn, mill-15 ta' April sal-15 ta' Ġunju, applikabbli bħalissa, tkompli tipprovdi protezzjoni għall-istokk matul l-istaġun riproduttiv tal-barbun imperjali. Il-ġestjoni tal-isforzi tas-sajd u l-limitazzjoni tal-jiem ta' sajd għal 180 jum fis-sena ikollhom impatt ta' konservazzjoni pożittiv fuq l-istokk tal-barbun imperjali.

(10)

Sabiex tkun evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, huwa importanti li fl-1 ta' Jannar 2019 jinfetħu t-tipi tas-sajd inkwistjoni fil-Baħar l-Iswed. Għal raġunijiet ta' urġenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(11)

Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd jintużaw f'konformità sħiħa mal-liġi applikabbli tal-Unjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jiffissa għall-2019 l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tal-Bulgarija u tar-Rumanija għall-istokkijiet li ġejjin fil-Baħar l-Iswed:

(a)

laċċa kaħla (Sprattus sprattus);

(b)

barbun imperjali (Psetta maxima).

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tal-Bulgarija jew tar-Rumanija u li joperaw fil-Baħar l-Iswed.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“il-Baħar l-Iswed” tfisser is-subżona ġeografika 29 kif iddefinita fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(b)

“bastiment tas-sajd” tfisser kull bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(c)

“bastiment tas-sajd tal-Unjoni” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru u rreġistrat fl-Unjoni;

(d)

“stokk” tfisser riżorsa bijoloġika tal-baħar li tinsab f'żona ta' ġestjoni partikolari;

(e)

“qabda totali permissibbli” (TAC) tfisser il-kwantità ta' kull stokk li tista' tinqabad fuq perjodu ta' sena;

(f)

“kwota awtonoma tal-Unjoni” tfisser limitu tal-qabdiet allokat b'mod awtonomu lil bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fin-nuqqas ta' qbil dwar TAC;

(g)

“kwota analitika” tfisser kwota awtonoma tal-Unjoni li għaliha tkun disponibbli valutazzjoni analitika;

(h)

“valutazzjoni analitika” tfisser evalwazzjoni kwantitattiva tax-xejriet fi stokk partikolari, abbażi ta' data dwar il-bijoloġija u l-isfruttament tal-istokk, li l-analiżi xjentifika tkun indikat li hija data ta' kwalità biżżejjed biex abbażi tagħha jingħata parir xjentifiku dwar l-alternattivi għall-qabdiet futuri.

KAPITOLU II

OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

Artikolu 4

Allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd

1.   Il-kwota awtonoma tal-Unjoni għal-laċċa kaħla, l-allokazzjoni ta' tali kwota fost l-Istati Membri, u, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom huma indikati fl-Anness.

2.   It-TAC għall-barbun imperjali, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, l-allokazzjoni ta' tali TAC fost l-Istati Membri u, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom huma indikati fl-Anness.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet

L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stabbilit f'dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

skambji li jsiru skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

tnaqqis u riallokazzjonijiet li jsiru skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(c)

tnaqqis li jsir skont l-Artikoli 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 6

Ġestjoni tal-isforz tas-sajd għall-barbun imperjali

Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li huma awtorizzati għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed, irrispettivament mit-tul totali tal-bastimenti, ma għandhomx jaqbżu l-180 jum ta' sajd fis-sena.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 7

Trażmissjoni tad-data

Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu data lill-Kummissjoni relatata mal-ħatt l-art ta' kwantitajiet ta' stokkijiet maqbuda, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet indikati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KÖSTINGER


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kundizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).


ANNESS

It-tabelli f'dan l-Anness jindikaw it-TACs u l-kwoti f'tunnellati ta' piż ħaj u, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom.

Speċijiet:

Laċċa kaħla

Sprattus sprattus

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed

(SPR/F3742C)

Il-Bulgarija

8 032,50

 

 

Ir-Rumanija

3 442,50

 

 

L-Unjoni

11 475

 

 

TAC

Mhux rilevanti/Mhux miftiehma

 

Kwota analitika

Ma għandux japplika l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.

Ma għandux japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.


Speċijiet:

Barbun imperjali

Psetta maxima

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed

(TUR/F3742C)

Il-Bulgarija

57

 

 

Ir-Rumanija

57

 

 

L-Unjoni

114 (*1)

 

 

TAC

644

 

TAC analitika

Ma għandux japplika l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.

Ma għandux japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.


(*1)  L-ebda attività tas-sajd inkluż it-trażbord, it-teħid abbord, il-ħatt l-art u l-ewwel bejgħ mhi permessa mill-15 ta' April sal-15 ta' Ġunju 2019.


Top