Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1971

Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

PE/51/2018/REV/1

ĠU L 321, 17.12.2018, p. 1–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1971/oj

17.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/1


REGOLAMENT (UE) 2018/1971 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Diċembru 2018

li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandha l-għan li toħloq suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ investiment, ta’ innovazzjoni u ta’ protezzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ tisħiħ fil-kompetizzjoni. Dik id-Direttiva tistabbilixxi għadd sinifikanti ta’ kompiti ġodda għall-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) bħall-ħruġ ta’ linji gwida dwar diversi suġġetti, rapportar dwar kwistjonijiet tekniċi, iż-żamma ta’ reġistri, listi u bażijiet tad-data u l-għoti ta’ opinjonijiet dwar il-proċeduri tas-suq intern għall-abbozzi tal-miżuri nazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq.

(2)

Fir-rigward tar-roaming fl-Unjoni kollha, ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jikkomplementa u jappoġġa r-regoli previsti mill-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u jistabbilixxi ċerti kompiti għall-BEREC.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxi kompiti addizzjonali għall-BEREC b’rabta mal-aċċess għall-Internet miftuħ. Barra minn hekk, il-Linji Gwida tal-BEREC tat-30 ta’ Awwissu 2016 dwar l-Implimentazzjoni tar-Regoli dwar in-Newtralità tal-Internet mill-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali ntlaqgħu bħala li jipprovdu kjarifika siewja għall-garanzija ta’ Internet b’saħħtu, liberu u miftuħ, billi tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli biex jiġi ssalvagwardjat it-trattament indaqs u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-forniment tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet u tad-drittijiet relatati tal-utenti finali.

(4)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti u l-applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-Kummissjoni stabbilixxiet, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/627/KE (6), il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għan-Netwerks u Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (GRE) biex jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fil-konsolidament tas-suq intern għan-netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u, b’mod aktar ġenerali, biex jipprovdi interfaċċa bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs, national regulatory authorities) u l-Kummissjoni.

(5)

Il-BEREC u l-Uffiċċju ġew stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Il-BEREC ħa post il-GRE u kien maħsub biex jikkontribwixxi, minn naħa, għall-iżvilupp u, min-naħa l-oħra, għall-funzjonament aħjar tas-suq intern għan-netwerks u għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika billi jimmira li jiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-BEREC jaġixxi bħala forum għall-kooperazzjoni fost l-NRAs, u bejn l-NRAs u l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-firxa sħiħa tar-responsabbiltajiet tagħhom fil-qafas regolatorju tal-Unjoni. Il-BEREC twaqqaf biex jipprovdi għarfien espert u jaġixxi b’mod indipendenti u trasparenti.

(6)

Il-BEREC iservi wkoll bħala korp ta’ riflessjoni, dibattitu u ta’ parir għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika.

(7)

L-Uffiċċju tal-BEREC ġie stabbilit bħala korp Komunitarju b’personalità ġuridika biex iwettaq il-kompiti msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1211/2009, b’mod partikolari l-għoti ta’ servizzi ta’ appoġġ professjonali u amministrattiv lill-BEREC. Sabiex jappoġġa b’mod effiċjenti lill-BEREC, l-Uffiċċju ingħata awtonomija legali, amministrattiva u finanzjarja.

(8)

Bid-Deċiżjoni 2010/349/UE (8), ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri ddeċidew li l-Uffiċċju jkollu s-sede tiegħu f’Riga. Il-Ftehim dwar is-Sede bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Latvja u l-Uffiċċju daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Awwissu 2011.

(9)

Fil-komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Mejju 2015 imsejħa “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”, il-Kummissjoni pprevediet li fl-2016 kienet ser tippreżenta proposti għal riforma ambizzjuża tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi li, fost l-oħrajn, tkun tiffoka fuq qafas istituzzjonali regolatorju aktar effettiv ħalli r-regoli dwar it-telekomunikazzjonijiet elettroniċi jkunu jaqdu l-iskop tagħhom bħala parti mill-ħidma biex jinħolqu l-kondizzjonijiet it-tajba għas-suq uniku diġitali. Dawk jinkludu l-introduzzjoni ta’ netwerks b’kapaċità kbira ħafna, ġestjoni aktar koordinata tal-ispektrum tar-radju għan-netwerks bla fili u t-tiswir ta’ kondizzjonijiet ekwi għan-netwerks diġitali avvanzati u s-servizzi innovattivi. Dik il-komunikazzjoni għarrfet li billi l-ambjent tas-suq u l-ambjent teknoloġiku qed kulma jmur jinbidlu, hemm bżonn li jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali billi jissaħħaħ ir-rwol tal-BEREC.

(10)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2016 imsejħa “Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali”, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tintegra aktar is-suq uniku diġitali billi tiżgura li jkun hemm fis-seħħ qafas istituzzjonali aktar effiċjenti.

(11)

Il-BEREC u l-Uffiċċju taw kontribut pożittiv għall-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. Madankollu għad hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-prassi regolatorja, li taffettwa lill-kumpaniji involuti fin-negozju transfruntier jew li huma attivi f’għadd sinifikanti ta’ Stati Membri, inkluż fejn jeżistu linji gwida tal-BEREC, iżda li tista’ tiġi żviluppata aktar. Sabiex jingħata kontribut addizzjonali għall-iżvilupp tas-suq intern tal-komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni kollha kif ukoll għall-promozzjoni tal-aċċess għal netwerks b’kapaċità kbira ħafna u tal-adozzjoni tagħhom, għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-forniment ta’ netwerks, servizzi u faċilitajiet assoċjati tal-komunikazzjoni elettronika u għall-promozzjoni tal-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol tal-BEREC. Tali rwol imsaħħaħ ikun jikkomplementa ir-rwol imsaħħaħ li jaqdi l-BEREC wara r-Regolamenti (UE) Nru 531/2012 u (UE) 2015/2120 u d-Direttiva (UE) 2018/1972

(12)

Fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, li ħafna drabi jinvolvu dimensjoni transfruntiera akbar, u l-esperjenza li nkisbet sa issa fl-isforz biex tkun żgurata l-implimentazzjoni konsistenti fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika, jenħtieġ li wieħed jibni fuq il-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju. Jenħtieġ li l-governanza u l-attivitajiet tagħhom ikunu ssimplifikati u adattati għall-kompiti li għandhom iwettqu. Filwaqt li jitqiesu l-proċeduri stabbiliti u s-sett il-ġdid ta’ kompiti assenjat lill-BEREC u lill-Uffiċċju, bil-ħsieb li tissaħħaħ l-effikaċja tagħhom, jenħtieġ li tiġi prevista stabbiltà addizzjonali għall-amministrazzjoni tagħhom u jenħtieġ li l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet jkun issimplifikat.

(13)

Jenħtieġ li l-BEREC jipprovdi għarfien espert u jistabbilixxi kunfidenza bis-saħħa tal-indipendenza tiegħu, il-kwalità tal-parir u l-informazzjoni tiegħu, it-trasparenza tal-proċeduri u tal-metodi ta’ operat tiegħu, u d-diliġenza tiegħu fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Jenħtieġ li l-indipendenza tal-BEREC ma timpedixxix lill-Bord tar-Regolaturi tiegħu milli jiddelibera abbażi ta’ abbozzi mħejjija minn gruppi ta’ ħidma.

(14)

Jenħtieġ li l-isem uffiċjali ġdid tal-Uffiċċju jkun “Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC” (l-“Uffiċċju tal-BEREC”). Jenħtieġ li d-deżinjazzjoni “Uffiċċju tal-BEREC” tintuża bħala l-isem imqassar tal-Aġenzija. L-Uffiċċju tal-BEREC jenħtieġ li jkollu awtonomija legali, amministrattiva u finanzjarja. Għal dak il-għan, jeħtieġ u jixraq li l-Uffiċċju tal-BEREC ikun korp tal-Unjoni b’personalità ġuridika li jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu. Bħala aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Uffiċċju tal-BEREC jopera skont il-mandat tiegħu u skont il-qafas istituzzjonali eżistenti. Jenħtieġ li ma jitqiesx bħala li jirrappreżenta xi pożizzjoni tal-Unjoni quddiem udjenza barranija jew li jorbot lill-Unjoni b’obbligi legali.

(15)

Barra minn hekk, jenħtieġ li r-regoli għat-tmexxija u t-tħaddim tal-Uffiċċju tal-BEREC, fejn xieraq, ikunu allinjati mal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta’ Lulju 2012 dwar l-aġenziji deċentralizzati.

(16)

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-NRAs jenħtieġ li jibbenefikaw mill-assistenza u l-konsulenza tal-BEREC, inkluż dwar l-impatt regolatorju rilevanti ta’ kwalunkwe kwistjoni li tirrigwarda d-dinamika globali tas-swieq diġitali jew fir-rigward tar-relazzjoni, id-diskussjonijiet u l-iskambji tagħhom ma’, u d-disseminazzjoni tal-aħjar prattiki regolatorji lil, partijiet terzi. Minbarra l-kontribut tiegħu għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-BEREC, meta mitlub, jagħti pariri lill-Kummissjoni fil-preparazzjoni tal-proposti leġislattivi. Jenħtieġ li l-BEREC ikun jista’ wkoll jipprovdi pariri lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fuq talba tagħhom jew fuq inizjattiva tiegħu stess.

(17)

Il-BEREC, bħala korp tekniku b’għarfien espert dwar il-komunikazzjoni elettronika u magħmul minn rappreżentanti tal-NRAs u tal-Kummissjoni, hu fl-aħjar pożizzjoni biex jiġi fdat b’kompiti bħal pereżempju, li jikkontribwixxi għal proċeduri effiċjenti tas-suq intern għall-abbozzi tal-miżuri nazzjonali rigward ir-regolamentazzjoni tas-swieq, li jipprovdi l-linji gwida meħtieġa għall-NRAs u awtoritajiet oħra kompetenti biex ikunu żgurati kriterji komuni u approċċ regolatorju konsistenti, u li jżomm ċerti reġistri, bażijiet ta’ data u listi fil-livell tal-Unjoni. Dan hu mingħajr preġudizzju għall-kompiti stabbiliti għall-NRAs, li huma l-eqreb tas-swieq tal-komunikazzjoni elettronika u tal-kondizzjonijiet lokali tagħhom.

(18)

Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, jenħtieġ li l-BEREC ikompli jakkumula għarfien espert mingħand l-NRAs. Jenħtieġ li l-BEREC ikollu l-għan li jiżgura l-parteċipazzjoni tal-NRAs kollha biex iwettaq il-kompiti regolatorji tiegħu u l-funzjonament tiegħu. Sabiex il-BEREC isir aktar b’saħħtu, biex isir aktar rappreżentattiv u biex jiġu ssalvagwardjati l-għarfien espert, l-esperjenza u l-għarfien tas-sitwazzjoni speċifika tiegħu fil-firxa sħiħa tas-swieq nazzjonali, jenħtieġ li kull Stat Membru jiżgura li l-NRA tiegħu jkollha r-riżorsi finanzjarji u umani adegwati meħtieġa biex tieħu sehem b’mod sħiħ fil-ħidma tal-BEREC.

(19)

Fid-dawl tal-konverġenza dejjem akbar bejn is-setturi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u d-dimensjoni orizzontali tal-kwistjonijiet regolatorji relatati mal-iżvilupp tagħhom, il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkooperaw ma’, u mingħajr preġudizzju għar-rwol ta’, NRAs, korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Grupp għall-Politika dwar l-Ispektrum tar-Radju stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2002/622/KE (9), il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), il-Bord Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), il-Grupp tar-Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva stabbilit bid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), in-Netwerk għall-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni u l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, kif ukoll ma’ kumitati eżistenti (bħall-Kumitat tal-Komunikazzjoni u l-Kumitat tal-Ispektrum tar-Radju). Jenħtieġ li l-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC jkunu jistgħu jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istati Membri responsabbli għall-kompetizzjoni, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-data, u mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi, b’mod partikolari, mal-awtoritajiet regolatorji kompetenti fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika u/jew ma’ gruppi ta’ dawk l-awtoritajiet, kif ukoll mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Jenħtieġ li l-BEREC ikun jista’ wkoll jikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati permezz ta’ konsultazzjoni pubblika.

(20)

Il-BEREC jenħtieġ li jkollu d-dritt jistabbilixxi arranġamenti ta’ ħidma ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni, ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, li jenħtieġ li ma joħolqux obbligi legali. L-għan ta’ tali arranġamenti ta’ ħidma jistgħu jkunu, pereżempju, biex jiġu żviluppati relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet regolatorji. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-arranġamenti ta’ ħidma neċessarji huma konsistenti mal-politika u l-prijoritajiet tal-Unjoni, u li l-BEREC jopera fil-limiti tal-mandat tiegħu u tal-qafas istituzzjonali eżistenti u ma jitqiesx bħala li jirrappreżenta l-pożizzjoni tal-Unjoni quddiem xi udjenza barranija jew li jorbot lill-Unjoni b’obbligi internazzjonali.

(21)

Jenħtieġ li l-BEREC ikun magħmul mill-Bord tar-Regolaturi u gruppi ta’ ħidma. Ir-rotazzjoni tal-presidenza tal-Bord tar-Regolaturi hija maħsuba biex tiżgura l-kontinwità tal-ħidma tal-BEREC. Hija wkoll promossa rotazzjoni tar-rwoli tal-Viċi Presidenti li jirrappreżentaw diversi NRAs.

(22)

Il-BEREC jenħtieġ li jkun jista’ jaġixxi fl-interessi tal-Unjoni, indipendentement minn kwalunkwe intervent estern, inkluż pressjoni politika jew interferenza kummerċjali. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li persuni maħturin fil-Bord tar-Regolaturi jgawdu mill-ogħla garanziji ta’ indipendenza personali u funzjonali. Il-kap ta’ NRA, jew membru tal-korp kolleġġjali tagħha, jew is-sostituti ta’ kwalunkwe minnhom, igawdu minn tali livell ta’ indipendenza personali u funzjonali. B’mod aktar speċifiku, jenħtieġ li jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv, u jenħtieġ li ma ifittxux jew ma jieħdux struzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, u jenħtieġ li jkunu protetti kontra t-tkeċċija arbitrarja. Il-funzjoni tal-membru rappreżentant supplenti fil-Bord tar-Regolaturi tista’ titwettaq ukoll mill-kap tal-NRA, minn membru tal-korp kolleġġjali tagħha, mis-sostitut ta’ kwalunkwe minnhom minn jew membru ieħor tal-persunal tal-NRA, li jaġixxi f’isem, u skont l-ambitu tal-mandat ta’, il-membru sostitwit tal-Bord tar-Regolaturi.

(23)

L-esperjenza wriet li l-parti l-kbira tal-kompiti tal-BEREC jitwettqu aħjar permezz ta’ gruppi ta’ ħidma, li jenħtieġ li dejjem jiżguraw kunsiderazzjoni ugwali tal-fehmiet u l-kontributi tal-NRAs kollha. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Bord tar-Regolaturi jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma u jaħtar il-Presidenti tagħhom. Jenħtieġ li l-NRAs jirrispondu mingħajr dewmien għal talba ta’ ħatra biex jiġi żgurat l-istabbiliment rapidu ta’ ta’ ħidma, b’mod partikolari dawk relatati ma’ proċeduri b’limiti ta’ żmien. Jenħtieġ li l-gruppi ta’ ħidma jkunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ esperti mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-persunal tal-Uffiċċju tal-BEREC jipprovdi appoġġ u jikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-gruppi ta’ ħidma.

(24)

Jekk ikun meħtieġ, u fuq bażi ta’ każ b’każ, jenħtieġ li l-Bord tar-Regolaturi u l-Bord Maniġerjali jkunu jistgħu jistiednu lil kwalunkwe persuna li l-opinjoni tagħha tista’ tkun ta’ interess biex tipparteċipa fil-laqgħat tagħhom bħala osservatur.

(25)

Fejn xieraq u skont l-allokazzjoni tal-kompiti lill-awtoritajiet f’kull Stat Membru, il-fehmiet ta’ awtoritajiet kompetenti oħrajn jenħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-grupp ta’ ħidma rilevanti, pereżempju permezz tal-konsultazzjoni fil-livell nazzjonali jew billi jkunu mistednin dawk l-awtoritajiet oħrajn għal laqgħat rilevanti fejn ikun meħtieġ l-għarfien espert tagħhom. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-indipendenza tal-BEREC tinżamm.

(26)

Jenħtieġ li l-Bord tar-Regolaturi u l-Bord Maniġerjali joperaw b’mod parallel, bl-ewwel wieħed jiddeċiedi l-aktar fuq kwistjonijiet regolatorji u bit-tieni wieħed jiddeċiedi fuq kwistjonijiet amministrattivi bħall-kwistjonijiet marbuta mal-baġit, il-persunal u l-awditi. Fil-prinċipju u minbarra r-rappreżentanti tal-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tal-NRAs fil-Bord Maniġerjali jenħtieġ li jkunu l-istess persuni maħtura għall-Bord tar-Regolaturi, iżda jenħtieġ li l-NRAs jkunu jistgħu jaħtru rappreżentanti oħrajn li jissodisfaw l-istess rekwiżiti.

(27)

Is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra kienu qabel eżerċitati mill-Viċi President tal- Kumitat Maniġerjali tal-Uffiċċju. Dan ir-Regolament jipprevedi li l-Bord Maniġerjali jiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur, li huwa awtorizzat jissottodelega dawn is-setgħat. Dan għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-ġestjoni effiċjenti tal-persunal tal-Uffiċċju tal-BEREC.

(28)

Il-Bord tar-Regolaturi u l-Bord Maniġerjali jenħtieġ li jiltaqgħu għal sessjoni ordinarja mill-anqas darbtejn fis-sena. Fid-dawl tal-esperjenza fil-passat u r-rwol imsaħħaħ tal-BEREC, il-Bord tar-Regolaturi jew il-Bord Maniġerjali jista’ jkollhom bżonn jorganizzaw laqgħat addizzjonali.

(29)

Jenħtieġ li d-Direttur jibqa’ r-rappreżentant tal-Uffiċċju tal-BEREC fir-rigward ta’ kwistjonijiet legali u amministrattivi. Jenħtieġ li l-Bord Maniġerjali jaħtar id-Direttur, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti sabiex tkun żgurata evalwazzjoni bir-reqqa tal-kandidati u livell għoli ta’ indipendenza.Il-mandat tal-Maniġer Amministrattiv tal-Uffiċċju qabel kien ta’ tliet snin. Jeħtieġ li d-Direttur ikollu mandat twil biżżejjed biex ikunu żgurati l-istabbiltà u t-twassil ta’ strateġija fit-tul għall-Uffiċċju tal-BEREC.

(30)

Jenħtieġ li għall-Uffiċċju tal-BEREC japplika r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (16).

(31)

Jenħtieġ li l-Uffiċċju tal-BEREC jipprovdi l-appoġġ professjonali u amministrattiv neċessarju kollu għall-ħidma tal-BEREC, inkluż appoġġ finanzjarju, organizzattiv u loġistiku, u jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-ħidma regolatorja tal-BEREC.

(32)

Sabiex jiġu żgurati l-awtonomija u l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-BEREC, u sabiex jingħata appoġġ lill-ħidma tal-BEREC, jenħtieġ li l-Uffiċċju tal-BEREC ikollu l-baġit proprju tiegħu, li l-parti l-kbira tiegħu jenħtieġ li tkun ġejja minn kontribuzzjoni tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-baġit ikun adegwat u li jirrifletti l-kompiti addizzjonali assenjati u r-rwol imsaħħaħ tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC. Il-finanzjament tal-Uffiċċju tal-BEREC jenħtieġ li jkun soġġett għal ftehim mill-awtorità baġitarja kif stabbilit fil-punt 31 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (17).

(33)

Jenħtieġ li l-Uffiċċju tal-BEREC ikollu persunal adegwat biex iwettaq id-dmirijietu. Jenħtieġ li l-kompiti kollha assenjati lill-Uffiċċju tal-BEREC, inkluż servizzi professjonali u amministrattivi li jappoġġaw lill-BEREC fit-twettiq tal-kompiti regolatorji tiegħu, flimkien mal-konformità mar-regolamenti dwar il-finanzjament, il-persunal u regolamenti applikabbli oħra, u l-piż akbar tal-kompiti operazzjonali meħtieġa tal-Uffiċċju tal-BEREC vis-à-vis dawk amministrattivi, jiġu debitament ivvalutati u riflessi fil- programmazzjoni tar-riżorsi.

(34)

Sabiex tkompli tiġi estiża l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, jenħtieġ li l-Bord tar-Regolaturi, il-gruppi ta’ ħidma u l-Bord Maniġerjali ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiżi terzi li huma kompetenti fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika fejn dawk il-pajjiżi terzi daħlu fi ftehimiet mal-Unjoni għal dak l-iskop, bħal Stati tal-EFTA taż-ŻEE u pajjiżi kandidati.

(35)

F’konformità mal-prinċipju ta’ trasparenza, jenħtieġ li l-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC, fejn rilevanti, jippubblikaw informazzjoni dwar il-ħidma tagħhom fuq is-sit web tagħhom. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-BEREC jagħmel pubbliku kwalunkwe dokument finali maħruġa fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, bħal opinjonijiet, linji gwida, rapporti, rakkomandazzjonijiet, pożizzjonijiet komuni u l-aħjar prattiki, kif ukoll kwalunkwe studju li jiġi kkummissjonat biex jappoġġa l-kompiti tiegħu. Jenħtieġ li l-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC jagħmlu pubbliċi wkoll listi aġġornati tal-kompiti tagħhom u listi aġġornati tal-membri, is-sostituti u l-parteċipanti oħra tal-laqgħat ta’ korpi organizzattivi tagħhom, u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi magħmulin mill-membri tal-Bord tar-Regolaturi, mill-membri tal-Bord Maniġerjali u mid-Direttur.

(36)

Jenħtieġ li l-BEREC, bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-BEREC, ikun jista’ jinvolvi ruħu f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, li ma jkunux ta’ detriment għall-kompiti ewlenin tal-BEREC. Jenħtieġ li l-kontenut u l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-komunikazzjoni tal-BEREC ikunu konsistenti, oġġettivi, rilevanti u kkoordinati mal-istrateġiji u l-attivitajiet tal-Kummissjoni u tal-istituzzjonijiet l-oħra sabiex jittieħed kont tal-identità viżiva usa’ tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Uffiċċju tal-BEREC jitwettqu f’konformità mal-pjanijiet rilevanti tal-komunikazzjoni u tad-disseminazzjoni adottati mill-Bord Maniġerjali.

(37)

Sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv, il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC jeħtieġ li jkollhom d-dritt jitolbu l-informazzjoni kollha meħtieġa mingħand il-Kummissjoni, l-NRAs, u, bħala l-aħħar rimedju, mingħand awtoritajiet u impriżi oħrajn. It-talbiet għall-informazzjoni jenħtieġ li jagħtu raġunijiet, li jkunu proporzjonati u li ma jitfgħux piż żejjed fuq id-destinatarji. L-NRAs jenħtieġ li jikkooperaw mal-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC u li jipprovdulhom informazzjoni preċiża u fil-ħin biex jiżguraw li l-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom. Jenħtieġ ukoll li l-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jikkondividu l-informazzjoni kollha neċessarja mal-Kummissjoni, l-NRAs u awtoritajiet kompetenti oħrajn. Fejn rilevanti, jenħtieġ li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni. Meta jivvaluta jekk talba tkunx ġustifikata kif xieraq, il-BEREC jeħtieġ li jqis jekk l-informazzjoni mitluba hijiex relatata mat-twettiq tal-kompiti li huma attribwiti esklużivament lill-awtoritajiet relevanti.

(38)

Jenħtieġ li l-Uffiċċju tal-BEREC jistabbilixxi sistema komuni ta’ informazzjoni u komunikazzjoni sabiex jevita d-duplikazzjoni ta’ talbiet għal informazzjoni u jiffaċilita l-komunikazzjoni fost l-awtoritajiet kollha involuti.

(39)

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ kunfidenzjalità u jiġu evitati kunflitti ta’ interessi, ir-regoli dwar dawk il-kwistjonijiet li japplikaw għall-membri tal-korpi organizzattivi tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC japplikaw għas-sostituti tagħhom.

(40)

Peress li dan ir-Regolament jassenja kompiti ġodda lill-BEREC u lill-Uffiċċju tal-BEREC u atti legali oħrajn tal-Unjoni jistgħu jassenjaw kompiti addizzjonali permezz, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni regolari tal-operat tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC u tal-effikaċja tal-istruttura istituzzjonali tagħhom f’ambjent diġitali li qed jinbidel. Jekk, bħala eżitu ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni ssib li l-istruttura istituzzjonali mhijiex adatta għat-twettiq tal-kompiti tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, u, b’mod partikolari, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, ikun jenħtieġ li tesplora l-għażliet kollha possibbli biex titjieb dik l-istruttura.

(41)

L-Uffiċċju, li ġie stabbilit bħala korp Komunitarju b’personalità ġuridika bir-Regolament (KE) Nru 1211/2009, qed jinbidel bl-Uffiċċju tal-BEREC stabbilit f’dan ir-Regolament fir-rigward tas-sjieda, il-ftehimiet, inkluż il-Ftehim dwar is-Sede, l-obbligi legali, il-kuntratti tal-impjiegi, u l-impenji u r-responsabbiltajiet finanzjarji kollha. L-Uffiċċju tal-BEREC jenħtieġ li jimpjega l-persunal tal-Uffiċċju li d-drittijiet u l-obbligi tiegħu jenħtieġ li ma jintlaqtux. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fil-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju, jeħtieġ li r-rappreżentanti tagħhom, jiġifieri l-President u l-Viċi Presidenti tal-Bord tar-Regolaturi, il-Kumitat Maniġerjali u l-Maniġer Amministrattiv, jibqgħu iservu sat-tmiem tal-mandat tagħhom.

(42)

Għadd sinifikanti ta’ konsumaturi f’ħafna mill-Istati Membri għadhom jiddependu fuq komunikazzjonijiet internazzjonali tat-telefonija tradizzjonali bħal telefonati u messaġġi SMS, minkejja li għadd dejjem akbar ta’ konsumaturi għandhom aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għat-telefonati internazzjonali tagħhom b’tariffi aktar baxxi minn servizzi tradizzjonali jew mingħajr ħlas monetarju.

(43)

Fl-2013 il-Kummissjoni pproponiet Regolament b’impatt ivvalutat li inkluda dispożizzjoni b’miżuri regolatorji applikabbli għal komunikazzjonijiet intra-UE. Mill-2017 sal-2018 inġabret data addizzjonali dwar is-suq tal-komunikazzjonijiet intra-UE mill-BEREC u mill-Kummissjoni permezz ta’ studju tal-Kummissjoni u l-Eurobarometer. Kif muri minn dik id-data, jibqgħu jiddominaw differenzi sinifikanti fil-prezzijiet, kemm għall-komunikazzjoni fissa kif ukoll għal dik mobbli, bejn il-komunikazzjonijiet domestiċi bil-vuċi u bl-SMS u dawk li jispiċċaw fi Stat Membru ieħor f’kuntest ta’ varjazzjonijiet sostanzjali fil-prezzijiet bejn il-pajjiżi, il-fornituri u l-pakketti tat-tariffi, u bejn komunikazzjonijiet mobbli u fissi bil-vuċi. Il-fornituri ta’ servizzi disponibbli pubblikament ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri spiss jimponu prezzijiet tal-komunikazzjonijiet intra-UE bbażati fuq il-konsum li jaqbżu bil-kbir il-prezzijiet għal tariffi domestiċi flimkien ma’ spejjeż addizzjonali. Bħala medja, il-prezz standard ta’ telefonata intra-UE mobbli jew fissa għandha t-tendenza li tkun tliet darbiet ogħla mill-prezz standard ta’ telefonata nazzjonali u l-prezz standard ta’ messaġġ SMS intra-UE iktar minn darbtejn ogħla minn waħda domestika. Madankollu, dawn il-medji aritmetiċi jaħbu differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri. F’xi każijiet il-prezz standard ta’ telefonati intra-UE jista’ jkun sa tmien darbiet ogħla mill-prezz standard għal telefonati domestiċi. Konsegwenza ta’ dan, il-konsumaturi f’diversi Stati Membri huma esposti għal prezzijiet għoljin ħafna għall-komunikazzjonijiet intra-UE. Dawk il-prezzijiet għoljin jaffettwaw prinċipalment il-konsumaturi, b’mod partikolari dawk li ma jagħmlux it-tali komunikazzjonijiet b’mod frekwenti jew li jkollhom volum baxx ta’ konsum, li jirrappreżentaw il-maġġoranza vasta tal-konsumaturi li jużaw komunikazzjonijiet intra-UE. Fl-istess ħin, diversi fornituri jipproponu offerti speċjali partikolarment attraenti għall-klijenti tan-negozju u l-konsumaturi b’konsum sinifikanti ta’ komunikazzjonijiet intra-UE. Tali offerti spiss ma jibbażawx l-imposti tagħhom fuq il-konsum attwali u jistgħu jikkonsistu f’ċertu numru ta’ minuti ta’ telefonati jew messaġġi SMS intra-UE għal tariffa fissa ta’ kull xahar (offerti suppliment) jew fl-inklużjoni ta’ ċertu numru ta’ minuti ta’ telefonati jew messaġġi SMS intra-UE fl-allowance fix-xahar tal-minuti ta’ telefonati jew messaġġi SMS, jew mingħajr ebda ħlas addizzjonali jew bi ħlas addizzjonali żgħir. Madankollu, it-termini ta’ dawn l-offerti spiss ma jkunux attraenti għal konsumaturi b’volumi okkażjonali, imprevedibbli jew relattivament baxxi ta’ komunikazzjonijiet intra-UE. Konsegwentement, dawk il-konsumaturi jirriskjaw li jħallsu prezzijiet eċċessivi għall-komunikazzjonijiet intra-UE tagħhom u jenħtieġ li jkunu protetti.

(44)

Barra minn hekk, il-prezzijiet għoljin għal komunikazzjonijiet intra-UE jirrappreżentaw ostaklu għall-funzjonament tas-suq intern peress li dawn jiskoraġġixxu t-tfittxija u x-xiri ta’ oġġetti u servizzi minn fornitur li jinsab fi Stat Membru ieħor. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti limiti speċifiċi u proporzjonati għall-prezz li l-fornituri ta’ servizzi disponibbli pubblikament ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri jistgħu jimponu l-konsumaturi għal komunikazzjonijiet intra-UE sabiex jiġu eliminati tali prezzijiet għoljin.

(45)

Meta l-fornituri ta’ servizzi disponibbli pubblikament ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri jimponu ħlas lill-konsumaturi tagħhom għal komunikazzjonijiet intra-UE b’rati kompletament jew parzjalment ibbażati fuq il-konsum ta’ tali servizzi, inkluż f’każijiet ta’ tnaqqis minn fuq il-konsum ta’ kull xahar jew allowance mħallsa minn qabel għal servizzi bħal dawn, jenħtieġ li dawk ir-rati ma jaqbżux EUR 0,19 kull minuta għal telefonati u EUR 0,06 għal kull messaġġ SMS. Dawk il-limiti massimi jikkorrispondu għall-prezzijiet massimi li japplikaw bħalissa, rispettivament, għal telefonati u messaġġi SMS fuq roaming regolati. Waqt ir-roaming fl-Unjoni, il-konsumaturi jibbenefikaw mill-protezzjoni tat-tariffa euro għall-komunikazzjonijiet bil-vuċi u mill-protezzjoni tat-tariffa euro għall-komunikazzjonijiet bl-SMS li ġew progressivament sostitwiti mir-roaming “daqslikieku f’pajjiżek”. Dawk il-limiti massimi huma meqjusa wkoll bħala punt ta’ riferiment xieraq biex tiġi ffissata r-rata massima għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati għal ħames snin li jibdew mill-15 ta’ Mejju 2019. Il-livell tal-limitu attwali jirrappreżenta xibka ta’ sikurezza sempliċi, trasparenti u ppruvata għal protezzjoni kontra prezzijiet għoljin u huwa adattat bħala limitu massimu għall-prezzijiet bl-imnut tal-komunikazzjonijiet intra-UE regolati kollha. Kemm it-telefonati bir-roaming fl-Unjoni kif ukoll it-telefonati intra-UE għandhom struttura simili tal-ispejjeż.

(46)

Jenħtieġ li l-limiti massimi jippermettu lill-fornituri ta’ servizzi disponibbli pubblikament ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri jirkupraw l-ispejjeż tagħhom, u b’hekk jiġi żgurat intervent proporzjonat kemm fis-suq tat-telefonati mobbli kif ukoll fissi. Il-limiti massimi ser japplikaw direttament biss għal rati bbażati fuq il-konsum attwali. Jenħtieġ li jkollhom ukoll effett ta’ dixxiplina fuq dawk l-offerti fejn ċertu volum ta’ komunikazzjonijiet intra-UE jkun inkluż mingħajr ma jkunu imposti separatament peress li l-konsumaturi jkollhom l-għażla li jaqilbu għal tariffi għall-komunikazzjonijiet intra-UE tagħhom ibbażati fuq il-konsum. Il-volumi ta’ komunikazzjoni intra-UE li jmorru lil hinn minn dawk inklużi f’pakkett u li jiġu imposti separatament jenħtieġ li jkunu suġġetti għal-limitu massimu. Jenħtieġ li l-miżura tiżgura, b’mod proporzjonat, li l-konsumaturi b’livell baxx ta’ konsum ta’ komunikazzjonijiet intra-UE jkunu protetti kontra prezzijiet għoljin u fl-istess ħin jenħtieġ li jkollha biss impatt moderat fuq il-fornituri.

(47)

Il-fornituri ta’ servizzi disponibbli pubblikament ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri jenħtieġ li jkunu jistgħu jipproponu lill-konsumaturi tagħhom offerti ta’ tariffi alternattivi għal komunikazzjonijiet internazzjonali b’rati differenti għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati u l-konsumaturi jenħtieġ li jkunu liberi li jagħżlu dawn l-offerti espliċitament, u jaqilbu lura fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas, anke għal offerti li l-konsumaturi kienu sottoskritti għalihom qabel id-dħul fis-seħħ ta’ tali dispożizzjonijiet. Jenħtieġ li offerti alternattivi għal komunikazzjonijiet internazzjonali biss, bħal dawk li jkopru kull jew xi pajjiżi terzi, fejn aċċettati minn konsumatur, jippermettu li fornitur joħroġ mill-obbligu tiegħu li ma jaqbiżx il-limiti massimi għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati. Vantaġġi oħra, bħal tagħmir terminali sussidjat jew skontijiet fuq servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi oħra, offruti minn fornituri lill-konsumaturi huma parti normali mill-interazzjoni kompetittiva u jenħtieġ li ma jaffettwawx l-applikabbiltà tal-limiti massimi tal-prezzijiet għall-komunikazzjonijiet intra-UE regolati.

(48)

Xi fornituri ta’ servizzi disponibbli pubblikament ta’ komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri jistgħu jintlaqtu ferm aktar mill-maġġoranza ta’ fornituri oħra fl-Unjoni minn limitu massimu tal-prezz għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, għal dawk il-fornituri li jiġġeneraw sehem partikolarment kbir ta’ dħul jew profitti operattivi tagħhom mill-komunikazzjonijiet intra-UE u/jew li l-marġnijiet domestiċi tagħhom huma baxxi meta mqabbla mal-parametri referenzjarji tal-industrija. Bħala konsegwenza tal-kompressjoni tal-marġni rigward il-komunikazzjonijiet intra-UE regolati, jista’ jkun li fornitur ma jkunx kapaċi jsostni mudell tal-ipprezzar domestiku tiegħu. Tali xenarji ftit li xejn jistgħu jiġrugħaliex il-prezzijiet massimi huma b’mod ċar aktar mill-ispejjeż biex jiġu pprovduti komunikazzjonijiet intra-UE. Madankollu, sabiex jindirizzaw tali xenarji ferm eċċezzjonali b’mod proporzjonat, jenħtieġ li l-NRAs jkollhom is-setgħa li jagħtu deroga fuq talba ta’ tali fornitur f’każijiet ġustifikati u eċċezzjonali.

(49)

Jenħtieġ li kull deroga tingħata biss fejn fornitur jista’ juri, kontra parametru referenzjarju rilevanti stabbilit mill-BEREC, li huwa milqut sinifikantement aktar mill-maġġoranza tal-fornituri l-oħra fl-Unjoni u li dak l-impatt ikun idgħajjef b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-fornitur li jżomm il-mudell tat-tariffi tiegħu għall-komunikazzjonijiet. Fejn NRA tagħti deroga, jenħtieġ li din tiddetermina l-livell tal-prezz massimu li fornitur jista’ japplika għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati u li jagħmluha possibbli li jinżamm livell ta’ prezz kompetittiv għal komunikazzjonijiet domestiċi. Kwalunkwe deroga bħal din jenħtieġ li tkun limitata għal sena u tkun tiġġedded jekk il-fornitur juri li l-kondizzjonijiet għal deroga għadhom jiġu ssodisfati.

(50)

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jenħtieġ li l-applikabbiltà tal-limiti massimi tal-prezzijiet għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati tkun limitata fiż-żmien u jenħtieġ li tiskadi ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Jenħtieġ li tali tul ta’ żmien limitat jippermetti valutazzjoni xierqa tal-effetti tal-miżuri u evalwazzjoni sa liema punt hemm ħtieġa kontinwa biex jiġu protetti l-konsumaturi.

(51)

Sabiex tiġi żgurata protezzjoni l-aktar effettiva, f’waqtha, konsistenti, u madwar l-Unjoni kollha tal-konsumaturi affettwati b’mod negattiv mid-differenzi sinifikanti fil-prezzijiet ta’ komunikazzjonijiet intra-UE, tali dispożizzjonijiet jenħtieġ li jkunu applikabbli direttament u stabbiliti f’regolament. L-aktar Regolament adattat għal dak il-għan huwa r-Regolament (UE) 2015/2120, li ġie adottat wara valutazzjoni tal-impatt li ppropona, fost l-oħrajn, dispożizzjoni dwar komunikazzjonijiet intra-UE bħala mezz neċessarju biex jitlesta s-suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. L-impatti probabbli fuq id-dħul tal-fornituri derivat mill-forniment ta’ komunikazzjonijiet intra-UE huma mitigati aktar bl-applikazzjoni tat-tariffa Euro tar-roaming għall-komunikazzjonijiet bil-vuċi u tat-tariffa Euro tar-roaming għall-komunikazzjonijiet bl-SMS bħala limiti massimi kemm għall-komunikazzjonijiet fissi kif ukoll għal dawk mobbli, li jservu bħala mekkaniżmu ta’ sigurtà; u mill-provi, ipprovduti minn analiżi tal-BEREC għall-2018, ta’ tnaqqis konsiderevoli fil-volumi rilevanti tat-traffiku fissi affettwati mill-miżura fil-frattemp. Jenħtieġ għalhekk li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu introdotti bħala emenda fir-Regolament (UE) 2015/2120, li jenħtieġ ukoll li jiġi adattat biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jadottaw regoli dwar pieni għall-ksur ta’ tali dispożizzjonijiet.

(52)

Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri sabiex tkun żgurata implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari b’rabta mal-aspetti transfruntiera u permezz ta’ proċeduri effiċjenti tas-suq intern għall-abbozzi tal-miżuri nazzjonali, u l-għan li jkun żgurat li l-konsumaturi ma jintalbux prezzijiet eċċessivi biex jagħmlu komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri li joriġinaw fl-Istat Membru tal-fornitur domestiku tal-konsumatur u jintemmu f’kwalunkwe numru fiss jew mobbli fi Stat Membru ieħor, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(53)

Dan ir-Regolament jemenda u jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009. Billi l-emendi li jeħtieġu jsiru huma ta’ natura sostanzjali, jenħtieġ li dak l-att, fl-interessi taċ-ċarezza, jitħassar. Jenħtieġ li r-referenzi għar-Regolament imħassar jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (“BEREC”) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-“Uffiċċju tal-BEREC”).

2.   Il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC, rispettivament, jissostitwixxu, u jieħdu l-funzjonijiet ta’, il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u l-Uffiċċju, li kienu stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1211/2009.

Artikolu 2

Il-personalità ġuridika tal-Uffiċċju tal-BEREC

1.   L-Uffiċċju tal-BEREC għandu jkun korp tal-Unjoni. Huwa għandu jkollu personalità ġuridika.

2.   F’kull Stat Membru, l-Uffiċċju tal-BEREC għandu jkollu l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi taħt il-liġi nazzjonali. B’mod partikolari, huwa għandu jkun jista’ jikseb u jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jkun parti fi proċedimenti legali.

3.   L-Uffiċċju tal-BEREC għandu jkun rappreżentat mid-Direttur tiegħu.

4.   L-Uffiċċju tal-BEREC għandu jkollu r-responsabbiltà unika għall-kompiti assenjati u s-setgħat mogħtija lilu.

5.   L-Uffiċċju tal-BEREC għandu jkollu s-sede tiegħu f’Riga.

KAPITOLU II

OBJETTIVI U KOMPITI TAL-BEREC

Artikolu 3

Objettivi tal-BEREC

1.   Il-BEREC għandu jaġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 531/2012 u (UE) 2015/2120 u tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

2.   Il-BEREC għandu jsegwi l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/1972. B’mod partikolari, il-BEREC għandu jkollu l-għan li jiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-kamp ta’ applikazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Il-BEREC għandu jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod indipendenti, imparzjali, trasparenti u f’waqtu.

4.   Il-BEREC għandu jagħmel użu mill-għarfien espert disponibbli fl-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs).

5.   F’konformità mal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-NRAs tiegħu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħidma tal-korpi organizzattivi tal-BEREC.

6.   Fl-Istati Membri fejn ikun hemm aktar minn NRA waħda responsabbli taħt id-Direttiva (UE) 2018/1972, dawk l-NRAs għandhom jikkoordinaw ma’ xulxin kif meħtieġ.

Artikolu 4

Kompiti regolatorji tal-BEREC

1.   Il-BEREC għandu jkollu l-kompiti regolatorji li ġejjin:

(a)

jassisti u jipprovdi pariri lill-NRAs, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u jikkoopera mal-NRAs u l-Kummissjoni, fuq talba jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, dwar kwalunkwe kwistjoni teknika fir-rigward tal-komunikazzjoni elettronika fi ħdan il-kompetenza tiegħu;

(b)

jassisti u jipprovdi pariri lill-Kummissjoni, fuq talba, b’rabta mat-tħejjija tal-proposti għal atti leġislattivi fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika, inkluż dwar kwalunkwe emenda proposta għal dan ir-Regolament jew għad-Direttiva (UE) 2018/1972.

(c)

joħroġ opinjonijiet kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 531/2012 u fid-Direttiva (UE) 2018/1972, b’mod partikolari dwar:

(i)

ir-riżoluzzjoni tat-tilwim transfruntier f’konformità mal-Artikolu 27 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(ii)

l-abbozzi tal-miżuri nazzjonali relatati mal-proċeduri tas-suq intern għar-regolamentazzjoni tas-swieq f’konformità mal-Artikoli 32, 33 u 66 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(iii)

abbozzi ta’ deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar l-armonizzazzjoni f’konformità mal-Artikoli 38 u 93 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(iv)

il-konnettività minn tarf sa tarf bejn l-utenti finali f’konformità mal-Artikolu 61(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(v)

id-determinazzjoni ta’ rata massima unika ta’ terminazzjoni tat-telefonija mobbli bil-vuċi madwar l-Unjoni kollha u ta’ rata massima unika ta’ terminazzjoni tat-telefonija fissa bil-vuċi madwar l-Unjoni kollha skont l-Artikolu 75 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(vi)

il-mudell fil-qosor tal-kuntratt f’konformità mal-Artikolu 102 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(vii)

l-implimentazzjoni nazzjonali u l-funzjonament tal-awtorizzazzjoni ġenerali, u l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament tas-suq intern f’konformità mal-Artikolu 122(3) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(viii)

fejn rilevanti, l-iżviluppi fis-suq u żviluppi teknoloġiċi fir-rigward tat-tipi differenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-impatt tagħhom fuq l-applikazzjoni tat-Titolu III tal-Parti III tad-Direttiva (UE) 2018/1972, f’konformità mal-Artikolu 123(1) ta’ dik id-Direttiva;

(d)

joħroġ linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju tal-Unjonigħall-komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari kif imsemmi fir-Regolamenti (UE) Nru 531/2012 u (UE) 2015/2120 u fid-Direttiva (UE) 2018/1972, dwar:

(i)

il-mudell ta’ notifika f’konformità mal-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(ii)

l-implimentazzjoni konsistenti ta’ obbligi fir-rigward tal-istħarriġ ġeografiku u previżjonijiet f’konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(iii)

kriterji rilevanti sabiex tkun promossa l-applikazzjoni konsistenti tal-Artikolu 61(3) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(iv)

approċċi komuni biex jiġi identifikat il-punt tat-terminazzjoni tan-netwerk f’topoloġiji differenti tan-netwerk f’konformità mal-Artikolu 61(7) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(v)

approċċi komuni biex tintlaqa’ d-domanda tal-utenti finali transnazzjonali f’konformità mal-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(vi)

kriterji minimi għal offerta ta’ referenza f’konformità mal-Artikolu 69 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(vii)

il-promozzjoni tal-applikazzjoni konsistenti mill-NRAs tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 76(1), u l-kriterji stabbiliti fl-Anness IV, tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(viii)

kriterji biex netwerk ikun ikkunsidrat netwerk ta’ kapaċità għolja ħafna f’konformità mal-Artikolu 82 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(ix)

il-kriterji komuni għall-valutazzjoni tal-kapaċità tal-amministrazzjoni tar-riżorsi tan-numerazzjoni u tar-riskju ta’ eżawriment tar-riżorsi tan-numerazzjoni f’konformità mal-Artikolu 93 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(x)

il-parametri rilevanti tal-kwalità tas-servizz, il-metodi ta’ kejl applikabbli, il-kontenut u l-format tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni, u l-mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità f’konformità mal-Artikolu 104 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(xi)

kif tivvaluta jekk l-effikaċja ta’ sistemi ta’ twissija pubblika taħt l-Artikolu 110(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 hijiex ekwivalenti għall-effikaċja ta’ dawk taħt il-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu;

(xii)

l-aċċess għar-roaming bl-ingrossa, f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012;

(xiii)

l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-NRAs fir-rigward tal-aċċess għall-Internet miftuħ, f’konformità mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) 2015/2120;

(xiv)

il-parametri li tagħhom għandu jittieħed kont mill-NRAs fil-valutazzjoni tagħhom tas-sostenibbiltà tal-mudell domestiku tat-tariffi, f’konformità mal-Artikolu 5a(6) tar-Regolament (UE) 2015/2120.

(e)

joħroġ linji gwida oħrajn li jiżguraw l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u deċiżjonijiet regolatorji konsistenti mill-NRAs, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ NRA, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni, b’mod partikolari għal kwistjonijiet regolatorji li jaffettwaw għadd sinifikanti ta’ Stati Membri jew li jkollhom element transfruntier;

(f)

fejn rilevanti, jipparteċipa fil-Forum ta’ Reviżjoni bejn il-Pari rigward abbozz ta’ miżuri dwar il-proċeduri tal-għażla, skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(g)

jipparteċipa fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kompetenzi tiegħu relattivament għar-regolamentazzjoni tas-suq u l-kompetizzjoni marbuta mal-ispektrum tar-radju, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;.

(h)

iwettaq analiżi tas-swieq transnazzjonali potenzjali f’konformità mal-Artikolu 65 tad-Direttiva (UE) 2018/1972+ u tad-domanda tal-utenti finali transnazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 66 ta’ dik id-Direttiva;

(i)

jimmonitorja u jiġbor informazzjoni u, fejn rilevanti, jagħmel pubblikament disponibbli informazzjoni aġġornata dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, skont l-Artikoli 16 u 19 tiegħu;

(j)

jirrapporta dwar kwistjonijiet tekniċi fil-kompetenza tiegħu, b’mod partikolari dwar:

(i)

l-applikazzjoni prattika tal-opinjonijiet u l-linji gwida msemmija fil-punti (c), (d) u (e);

(ii)

l-aħjar prattiki tal-Istati Membri għall-appoġġ tad-definizzjoni tas-servizz ta’ aċċess adegwat għall-Internet tal-broadband, skont l-Artikolu 84 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(iii)

l-evoluzzjoni tax-xejriet tal-ipprezzar u tal-konsum kemm għas-servizzi domestiċi kif ukoll għar-roaming, l-evoluzzjoni tar-rati attwali tar-roaming bl-ingrossa għal traffiku żbilanċjat, ir-relazzjoni bejn prezzijiet bl-ingrossa tariffi bl-ingrossau spejjeż bl-ingrossa għal servizzi tar-roaming kif ukoll rigward it-trasparenza u l-komparabbiltà tat-tariffi, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012;

(iv)

l-eżiti tar-rapporti annwali li l-NRAs għandhom jipprovdu f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/2120, bil-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali ta’ sinteżi;

(v)

l-iżviluppi tas-suq fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, fuq bażi annwali;

(k)

joħroġ rakkomandazzjonijiet u pożizzjonijiet komuni u jiddissemina l-aħjar prattiki regolatorji indirizzati lill-NRAs sabiex jinkoraġġixxi implimentazzjoni konsistenti u aħjar tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi;

(l)

jistabbilixxi u jżomm bażi ta’ data ta’;

(i)

in-notifiki trażmessi lill-awtoritajiet kompetenti minn impriżi soġġetti għall-awtorizzazzjoni ġenerali, f’konformità mal-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(ii)

ir-riżorsi ta’ numerazzjoni bi dritt ta’ użu extraterritorjali fi ħdan l-Unjoni, f’konformità mar-raba subparagrafu tal-Artikolu 93(4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(iii)

fejn rilevanti, in-numri E.164 tas-servizzi tal-emerġenza tal-Istati Membri’, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 109(8) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(m)

jevalwa l-ħtiġijiet ta’ innovazzjoni regolatorja u jikkoordina azzjonijiet bejn l-NRAs sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati komunikazzjonijiet elettroniċi innovattivi ġodda;

(n)

jippromwovi l-modernizzazzjoni, il-koordinazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-ġbir ta’ data mill-NRAs, filwaqt li tali data għandha ssir disponibbli għall-pubbliku f’format miftuħ, li jista’ jintuża mill-ġdid u li jinqara mill-magni fuq is-sit web tal-BEREC u l-portal Ewropew tad-data, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-livell ta’ kunfidenzjalità meħtieġ;

(o)

iwettaq kompiti oħrajn assenjati lilu minn atti legali tal-Unjoni, b’mod partikolari mir-Regolamenti (UE) Nru 531/2012 u (UE) 2015/2120 u mid-Direttiva (UE) 2018/1972.

2.   Il-BEREC għandu jagħmel il-kompiti regolatorji tiegħu pubbliċi u għandu jaġġorna dik l-informazzjoni meta jiġu assenjati lilu kompiti ġodda.

3.   Il-BEREC għandu jagħmel pubbliċi l-opinjonijiet, il-linji gwida, rapporti, rakkomandazzjonijiet, pożizzjonijiet komuni u l-aħjar prattiki finali kollha tiegħu u kwalunkwe studji kkummissjonati, kif ukoll id-dokumenti abbozzati rilevanti għall-fini tal-konsultazzjonijiet pubbliċi msemmijin fil-paragrafu 5.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni, l-NRAs u l-Kummissjoni għandhom iqisu kompletament kwalunkwe linja gwida, opinjoni, rakkomandazzjoni, pożizzjoni komuni u l-aħjar prattika adottata mill-BEREC bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-kamp ta’ applikazzjoni msemmi fl-Artikolu 3(1).

Fejn xi NRA tiddevja mil-linji gwida msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1, hija għandha tipprovdi r-raġunijiet għal dan.

5.   Il-BEREC għandu, fejn xieraq, jikkonsulta lill-partijiet interessati u jagħtihom l-opportunità jikkummentaw fi żmien raġonevoli b’kont meħud tal-kumplessità tal-kwistjoni. Ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, dak il-perjodu ma għandux ikun inqas minn 30 jum, għajr f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-BEREC għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38, jagħmel ir-riżultati ta’ tali konsultazzjonijiet disponibbli pubblikament. Tali konsultazzjonijiet għandhom isiru kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

6.   Il-BEREC jista’, fejn xieraq, jikkonsulta u jikkoopera ma’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti, bħal dawk kompetenti fl-oqsma tal-kompetizzjoni, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-data.

7.   Il-BEREC jista’, fejn xieraq, jikkoopera ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi ta’ konsulenza kompetenti tal-Unjoni, kif ukoll mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 36(1).

KAPITOLU III

KOMPITI TAL-UFFIĊĊJU TAL-BEREC

Artikolu 5

Kompiti tal-Uffiċċju tal-BEREC

L-Uffiċċju għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jipprovdi servizzi ta’ appoġġ professjonali u amministrattivi lill-BEREC, b’mod partikolari fit-twettiq tal-kompiti regolatorji tiegħu f’konformità mal-Artikolu 4;

(b)

li jiġbor informazzjoni mill-NRAs u li jiskambja u jittrasmetti informazzjoni relatata mal-kompiti regolatorji assenjati lill-BEREC f’konformità mal-Artikolu 4;

(c)

li jipproduċi, abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-punt (b), abbozzi ta’ rapporti regolari dwar aspetti speċifiċi tal-iżviluppi tas-suq Ewropew tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal rapporti dwar ir-roaming u l-valutazzjoni komparattiva, li għandhom jiġu ppreżentati lill-BEREC;

(d)

li jxerred l-aħjar prattiki regolatorji fost l-NRAs, skont il-punt (k) tal-Artikolu 4(1);

(e)

li jassisti lill-BEREC fl-istabbiliment u ż-żamma ta’ reġistri u bażijiet tad-data, f’konformità mal-punt (l) tal-Artikolu 4(1);

(f)

li jassisti lill-BEREC fl-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 41;

(g)

li jassisti lill-BEREC fit-twettiq ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi, f’konformità mal-Artikolu 4(5);

(h)

li jassisti fit-tħejjija tal-ħidma u jipprovdi appoġġ amministrattiv u appoġġ ieħor relatat mal-kontenut biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-Bord tar-Regolaturi;

(i)

li jassisti fl-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma, fuq it-talba tal-Bord tar-Regolaturi, jikkontribwixxi għall-ħidma regolatorja u jipprovdi appoġġ amministrattiv biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel ta’ dawk il-gruppi;

(j)

li jwettaq kompiti oħra assenjati lilu b’dan ir-Regolament jew minn atti legali oħra tal-Unjoni.

KAPITOLU IV

L-ORGANIZZAZZJONI TAL-BEREC

Artikolu 6

L-istruttura organizzattiva tal-BEREC

Il-BEREC għandu jkun magħmul minn:

(a)

Bord tar-Regolaturi;

(b)

gruppi ta’ ħidma.

Artikolu 7

Il-kompożizzjoni tal-Bord tar-Regolaturi

1.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jkun magħmul minn membru wieħed minn kull Stat Membru. Kull membru jkollu d-dritt tal-vot.

Kull membru għandu jinħatar mill-NRA li jkollha r-responsabbiltà primarja li tissorvelja l-operat ta’ kuljum tas-swieq għal netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi taħt id-Direttiva (UE) 2018/1972. Il-membru għandu jinħatar minn fost il-Kap tal-NRA, membru tal-korp kolleġġjali tagħha, jew is-sostitut ta’ kwalunkwe wieħed minnhom.

2.   Kull membru tal-Bord tar-Regolaturi għandu jkollu supplenti, maħtur mill-NRA. Is-sostitut għandu jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu. Is-sostitut għandu jinħatar minn fost il-kap tal-NRA, membru tal-korp kolleġġjali tagħha, is-sostitut ta’ kwalunkwe wieħed minnhom, jew il-persunal tal-NRA.

3.   Il-membri tal-Bord tar-Regolaturi u s-sostituti tagħhom għandhom jinħatru fid-dawl tal-għarfien tagħhom fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika, b’kont meħud tal-ħiliet maniġerjali, amministrattivi u baġitarji rilevanti. Sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi, l-NRAs li jaħtru kollha għandhom jagħmlu sforz biex jillimitaw it-tibdil tal-membri u, fejn possibbli, ukoll tas-sostituti tagħhom, u għandu jkollhom l-għan li jiksbu rappreżentazzjoni bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fid-deliberazzjonijiet kollha tal-Bord tar-Regolaturi mingħajr id-dritt tal-vot u għandha tkun rappreżentata f’livell adegwatament għoli.

5.   Għandha ssir pubblika lista aġġornata tal-membri tal-Bord tar-Regolaturi u s-sostituti tagħhom, flimkien mad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tagħhom.

Artikolu 8

L-indipendenza tal-Bord tar-Regolaturi

1.   Meta jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu u mingħajr preġudizzju għall-membri li jaġixxu f’isem l-NRA rispettiva tagħhom, il-Bord tar-Regolaturi għandu jaġixxi b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interessi tal-Unjoni, minkejja kwalunkwe interess nazzjonali jew personali partikolari.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-koordinazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(6), il-membri tal-Bord tar-Regolaturi u s-sostituti tagħhom la għandhom ifittxu, u lanqas jieħdu, struzzjonijiet mingħand ebda gvern, istituzzjoni, persuna jew korp.

Artikolu 9

Il-funzjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi

1. Il-Bord tar-Regolaturi għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

li jissodisfa l-kompiti regolatorji tal-BEREC stabbiliti fl-Artikolu 4, jiġifieri li jadotta l-opinjonijiet, il-linji gwida, ir-rapporti, ir-rakkomandazzjonijiet u l-pożizzjonijiet komuni, u taqsam l-aħjar prattiki msemmijin f’dak l-Artikolu, u meta jagħmel dan, għandu jibbaża ruħu fuq il-ħidma preparatorja mwettqa mill-gruppi ta’ ħidma.

(b)

li jieħu deċiżjonijiet amministrattivi relatati mal-organizzazzjoni tal-ħidma tal-BEREC;

(c)

li jadotta l-programm ta’ ħidma annwali tal-BEREC kif imsemmi fl-Artikolu 21;

(d)

li jadotta r-rapport annwali tal-BEREC dwar l-attivitajiet tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu 22;

(e)

li jadotta regoli għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi kif imsemmija fl-Artikolu 42, kif ukoll fir-rigward tal-membri tal-gruppi ta’ ħidma;

(f)

li jadotta regoli dettaljati dwar id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti miżmuma mill-BEREC f’konformità mal-Artikolu 36;

(g)

li abbażi ta’ analiżi tal-ħtiġijiet, jadotta l-pjanijiet tal-komunikazzjoni u tat-tixrid kif imsemmija fl-Artikolu 37(2) u jaġġornahom regolarment;

(h)

li jadotta, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, u jagħmel pubbliċi r-regoli tal-proċedura tiegħu;

(i)

li jawtorizza, flimkien mad-Direttur, il-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ ħidma ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni u ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 35;

(j)

li jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma u jaħtar il-Presidenti tagħhom;

(k)

li jipprovdi gwida lid-Direttur tal-Uffiċċju tal-BEREC fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tal-Uffiċċju tal-BEREC.

Artikolu 10

President u Viċi Presidenti tal-Bord tar-Regolaturi

1.   Il-Bord tar-Regolaturi, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, għandu jaħtar President u mill-inqas żewġ Viċi Presidenti minn fost il-membri tiegħu.

2.   Wieħed mill-Viċi Presidenti għandu awtomatikament jassumi d-dmirijiet tal-President jekk dan tal-aħħar ma jkunx f’pożizzjoni li jwettaq dawk id-dmirijiet.

3.   Il-mandat tal-President għandu jkun ta’ sena, u jista’ jiġġedded darba. Sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-BEREC, il-President li jmiss, fejn possibbli, għandu jservi bħala Viċi President għal sena qabel il-mandat tiegħu bħala President. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jipprevedu perijodu iqsar fejn ma jkunx possibbli li l-President li jmiss iservi bħala Viċi President għal sena qabel il-mandat tiegħu bħala President.

4.   Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Bord tar-Regolaturi fir-rigward tal-kompiti tal-President, il-President la għandu jfittex u lanqas jaċċetta struzzjonijiet mingħand ebda gvern, istituzzjoni, persuna jew korp.

5.   Id-Direttur għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-twettiq tal-kompiti tal-BEREC meta jintalab jagħmel dan.

Artikolu 11

Laqgħat tal-Bord tar-Regolaturi

1.   Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat tal-Bord tar-Regolaturi u għandu jistabbilixxi l-aġendi għal dawk il-laqgħat, li għandhom isiru pubbliċi.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jorganizza tal-anqas żewġ laqgħat ordinarji fis-sena.

Il-laqgħat straordinarji għandhom jissejħu fuq inizjattiva tal-President, fuq talba ta’ mill-inqas tliet membri tiegħu jew fuq talba tal-Kummissjoni.

3.   Id-Direttur tal-Uffiċċju tal-BEREC għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet kollha mingħajr id-dritt tal-vot.

4.   Il-Bord tar-Regolaturi jista’ jistieden lil kwalunkwe persuna li jkollha opinjoni li tista’ tkun ta’ interess għalih biex tipparteċipa fil-laqgħat tiegħu bħala osservatur.

5.   Il-membri u s-sostituti tal-Bord tar-Regolaturi jistgħu, skont ir-regoli ta’ proċedura tiegħu, jiġu assistiti waqt il-laqgħat mill-konsulenti tagħhom jew esperti oħrajn.

6.   L-Uffiċċju tal-BEREC għandu jipprovdi s-segretarjat għall-Bord tar-Regolaturi.

Artikolu 12

Regoli tal-votazzjoni tal-Bord tar-Regolaturi

1.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jieħu deċiżjonijiet permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament jew f’att legali ieħor tal-Unjoni.

Maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord tar-Regolaturi għandha tkun meħtieġa għall-opinjonijiet imsemmija fil-punti (c)(ii) u (v) tal-Artikolu 4(1) u l-linji gwida msemmija fil-punti (d)(i) sa (iv), (vi), (vii) u (x) tal-Artikolu 4(1).

Minkejja t-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Bord tar-Regolaturi jista’ jiddeċiedi, b’maġġoranza sempliċi, u fuq bażi ta’ każ b’każ, li jadotta opinjonijiet imsemmija fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament b’maġġoranza sempliċi, relatati ma’ abbozzi ta’ miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 76(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, li jwasslu biex titnieda l-proċedura skont l-Artikolu 33(5) ta’ dik id-Direttiva.

Id-deċiżjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi għandhom isiru pubbliċi, u għandhom jindikaw kwalunkwe riżerva ta’ kwalunkwe membru fuq talba tiegħu.

2.   Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Fin-nuqqas ta’ membru, is-sostitut għandu jkun intitolat jeżerċita d-dritt tal-vot ta’ dak il-membru.

Fin-nuqqas ta’ membru u tas-sostitut, id-dritt tal-vot jista’ jiġi ddelegat lil membru ieħor.

Il-President jista’ jiddelega d-dritt tal-vot fi kwalunkwe każ. Il-President għandu jieħu sehem fil-votazzjoni dment li ma jkunx iddelega d-dritt tal-vot.

3.   Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord tar-Regolaturi għandhom jistabbilixxu fid-dettall l-arranġamenti li jirregolaw il-votazzjoni, inklużi l-kondizzjonijiet li taħthom membru wieħed jista’ jaġixxi f’isem membru ieħor, il-quorum, u l-iskadenzi tan-notifika għal-laqgħat. Barra minn hekk, ir-regoli ta’ proċedura għandhom jiżguraw li l-membri tal-Bord tar-Regolaturi jingħataw l-aġendi sħaħ u abbozzi ta’ proposti qabel kull laqgħa sabiex ikollhom l-opportunità jipproponu emendi qabel il-votazzjoni. Ir-regoli ta’ proċedura jistgħu, fost l-oħrajn, jistabbilixxu proċedura għal votazzjoni dwar kwistjonijiet urġenti u arranġamenti prattiċi oħrajn għall-operat tal-Bord tar-Regolaturi.

Artikolu 13

Gruppi ta’ ħidma

1.   Fejn ikun ġustifikat u, b’mod partikolari, biex jiġi implimentat il-programm ta’ ħidma annwali tal-BEREC, il-Bord tar-Regolaturi jista’ jistabbilixxi l-gruppi ta’ ħidma neċessarji.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jaħtar il-Presidenti tal-gruppi ta’ ħidma, b’mod li jirrappreżenta, fejn possibbli, NRAs differenti.

3.   Il-gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ esperti mill-NRAs kollha li jieħdu sehem fil-ħidma tal-BEREC u l-Kummissjoni.

Il-gruppi ta’ ħidma għandhom ukoll ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-persunal tal-Uffiċċju tal-BEREC, li għandu jikkontribwixxi għall-ħidma regolatorja, u jipprovdu appoġġ amministrattiv lill-gruppi ta’ ħidma.

Fil-każ tal-gruppi ta’ ħidma stabbiliti biex iwettqu l-kompiti msemmijin fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 4(1), l-esperti mill-Kummissjoni ma għandhomx jipparteċipaw.

Fil-gruppi ta’ ħidma li jiġu stabbiliti biex iwettqu l-kompiti msemmijin fil-punti (c)(iv), (vi), (vii) u (viii), fil-punti (d)(i), (ii), (ix), (x) u (xi), fil-punt (j)(ii) u fil-punt (l) tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament kif ukoll, fejn rilevanti, fil-punt (c)(iii) u fil-punt (j)(i) tal-Artikolu 4(1) tiegħu, l-opinjonijiet ta’ esperti minn awtoritajiet kompetenti oħra notifikati skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 għandhom jiġu kkunsidrati.

Il-Bord tar-Regolaturi jew il-Presidenti tal-gruppi ta’ ħidma jistgħu jistiednu esperti individwali magħrufa bħala kompetenti fil-qasam rilevanti biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma, jekk ikun neċessarju abbażi ta’ każ b’każ.

4.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi għall-funzjonament tal-gruppi ta’ ħidma.

KAPITOLU V

ORGANIZZAZZJONI TAL-UFFIĊĊJU TAL-BEREC

Artikolu 14

Struttura organizzattiva tal-Uffiċċju tal-BEREC

L-Uffiċċju tal-BEREC għandu jkun magħmul minn:

(a)

Bord Maniġerjali;

(b)

Direttur.

Artikolu 15

Kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali

1.   Il-Bord Maniġerjali għandu jkun magħmul mill- persuni maħtura bħala membri tal-Bord tar-Regolaturi u minn rappreżentant wieħed ta’ livell għoli tal-Kummissjoni. Kull membru tal-Bord Maniġerjali għandu d-dritt tal-vot.

Kull NRA tal-ħatra, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1), tista’ taħtar persuna oħra għajr il-membru tal-Bord tar-Regolaturi bħala membru tal-Bord Maniġerjali. Dik il-persuna għandha tkun il-kap tal-NRA, membru tal-korp kolleġġjali tagħha, jew is-sostitut ta’ kwalunkwe wieħed minnhom.

2.   Kull membru tal-Bord Maniġerjali għandu jkollu sostitut li jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu.

Is-sostituti ta’ kull membru għandhom ikunu l-persuni maħtura bħala sostituti tal-membri tal-Bord Maniġerjali. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkollu wkoll sostitut.

Kull NRA tal-ħatra, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1), tista’ taħtar persuna oħra għajr is-sostitut tal-membru tal-Bord tar-Regolaturi bħala s-sostitut tal-membru tal-Bord Maniġerjali. Dik il-persuna għandha tkun il-kap tal-NRA, membru tal-korp kolleġġjali tagħha, is-sostitut ta’ kwalunkwe wieħed minnhom, jew il-persunal tal-NRA.

3.   Il-membri tal-Bord Maniġerjali u s-sostituti tagħhom la għandhom ifittxu struzzjonijiet mingħand xi gvern, istituzzjoni, persuna jew korp u lanqas ma għandhom jieħdu struzzjonijiet mingħandhom.

4.   Għandha ssir pubblika lista aġġornata tal-membri tal-Bord Maniġerjali u s-sostituti tagħhom, flimkien mad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tagħhom.

Artikolu 16

Funzjonijiet amministrattivi tal-Bord Maniġerjali

1.   Il-Bord Maniġerjali għandu jkollu l-funzjonijiet amministrattivi li ġejjin:

(a)

li jipprovdi orjentazzjonijiet ġenerali għall-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-BEREC u jadotta, fuq bażi annwali, id-dokument uniku tal-programmazzjoni tal-Uffiċċju tal-BEREC b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu filwaqt li jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni u f’konformità mal-Artikolu 23;

(b)

li jadotta l-baġit annwali tal-uffiċċju tal-BEREC b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, u jeżerċita funzjonijiet oħrajn fir-rigward tal-baġit tal-Uffiċċju tal-BEREC f’konformità mal-Kapitolu VII;

(c)

li jadotta, jagħmel pubbliku, u jipproċedi b’valutazzjoni ta’, ir-rapport annwali ta’ attività kkonsolidat dwar l-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-BEREC msemmija fl-Artikolu 27 u jagħmel valutazzjoni tiegħu, u sal-1 ta’ Lulju ta’ kull sena jippreżentahom it-tnejn lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri;

(d)

li jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Uffiċċju tal-BEREC f’konformità mal-Artikolu 29;

(e)

li jadotta strateġija kontra l-frodi li tkun proporzjonata mar-riskji tal-frodi, filwaqt li jqis l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li jridu jiġu implimentati;

(f)

li jiżgura segwitu xieraq għall-konklużjonijiet u għar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti interni u esterni tal-awditjar u mill-evalwazzjonijiet, kif ukoll mill-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF);

(g)

li jadotta regoli għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi kif imsemmi fl-Artikolu 42(3);

(h)

li, abbażi ta’ analiżi tal-ħtiġijiet, jadotta l-pjanijiet tal-komunikazzjoni u tat-tixrid imsemmija fl-Artikolu 37(2),u jaġġornahom regolarment;

(i)

li jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu;

(j)

li jadotta regoli ta’ implimentazzjoni biex isiru effettivi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (18), f’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(k)

mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, li jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Uffiċċju tal-BEREC, is-setgħat mogħtija lilu mir-Regolamenti tal-Persunal dwar l-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra fuq l-Awtorità bis-Setgħa biex Tikkonkludi Kuntratti tal-Impjieg (is-“setgħat tal-awtorità tal-ħatra”);

(l)

li jaħtar lid-Direttur u, fejn rilevanti, jestendi jew iwaqqaf il-mandat tiegħu f’konformità mal-Artikolu 32;

(m)

li jaħtar Uffiċjal tal-Kontabbiltà, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u għall-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra, li għandu jkun indipendenti għalkollox fil-qadi ta’ dmirijietu;

(n)

li jieħu kull deċiżjoni dwar l-istabbiliment tal-istrutturi interni tal-Uffiċċju tal-BEREC, u meta jkun meħtieġ, dwar il-modifika tagħhom, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet tal-attività tal-Uffiċċju tal-BEREC kif ukoll il-ġestjoni baġitarja soda.

Fir-rigward tal-punt (m) tal-ewwel subparagrafu, l-Uffiċċju tal-BEREC jista’ jaħtar l-istess Uffiċjal tal-Kontabbiltà ta’ korp jew istituzzjoni oħra tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Uffiċċju tal-BEREC u l-Kummissjoni jistgħu jaqblu li l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jaġixxi wkoll bħala l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Uffiċċju tal-BEREC;

2.   B’konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord Maniġerjali għandu jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra, li biha jiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur u li fiha jispeċifika l-kondizzjonijiet li bihom tkun tista’ tiġi sospiża din id-delega tas-setgħat. Id-Direttur għandu jkun awtorizzat jissottodelega dawk is-setgħat.

Fejn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jeħtieġu dan, il-Bord Maniġerjali b’deċiżjoni jista’ jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur u dawk is-setgħat sottodelegati minnu u jeżerċitahom hu stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal ieħor li mhux id- Direttur.

Artikolu 17

Il-President u l-Viċi Presidenti tal-Bord Maniġerjali

1.   Il-President u l-Viċi Presidenti tal-Bord Maniġerjali għandhom ikunu l-persuni maħtura bħala l-President u l-Viċi Presidenti tal-Bord tar-Regolaturi. Għandu japplika l-istess mandat.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, il-Bord Maniġerjali jista’, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, jeleġġi membri oħra tal-Bord Maniġerjali bħala President jewViċi President(i)„ minn fost il-membri tiegħu li jirrappreżentaw l-Istati Membri. Il-mandat tagħhom għandu jkun l-istess bħal dak tal-President u l-Viċi Presidenti tal-Bord tar-Regolaturi.

2.   Wieħed mill-Viċi Presidenti għandu awtomatikament jassumi d-dmirijiet tal-President jekk dan tal-aħħar ma jkunx f’pożizzjoni li jaqdi dawk id-dmirijiet.

3.   Il-President tal-Bord Maniġerjali għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-twettiq tal-kompiti tal-Uffiċċju tal-BEREC meta jintalab jagħmel dan.

Artikolu 18

Laqgħat tal-Bord Maniġerjali

1.   Il-laqgħat tal-Bord Maniġerjali għandu jsejjaħhom il-President.

2.   Id-Direttur ta l-Uffiċċju għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, ħlief dawk marbuta mal-Artikolu 32, mingħajr id-dritt tal-vot.

3.   Il-Bord Maniġerjali għandu jkollu mill-anqas żewġ laqgħat ordinarji fis-sena. Barra minn hekk, il-President għandu jsejjaħ laqgħat straordinarji fuq l-inizjattiva tiegħu stess, fuq talba tal-Kummissjoni, jew fuq talba ta’ mill-inqas tliet membri.

4.   Il-Bord Maniġerjali jista’ jistieden lil kull persuna b’opinjoni li tista’ tkun ta’ interess biex tattendi l-laqgħat tiegħu bħala osservatur.

5.   Waqt il-laqgħat, il-membri tal-Bord Maniġerjali u s-sostituti tagħhom jistgħu, soġġett għar-regoli ta’ proċedura tiegħu, jiġu assistiti minn konsulenti jew esperti.

6.   L-Uffiċċju tal-BEREC għandu jipprovdi s-segretarjat għall-Bord Maniġerjali.

Artikolu 19

Regoli tal-votazzjoni tal-Bord Maniġerjali

1.   Il-Bord Maniġerjali għandu jieħu deċiżjonijiet permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, sakemm mhux previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

2.   Kull membrugħandu jkollu vot wieħed. Fin-nuqqas ta’ membru, is-sostitut tiegħu għandu jkun intitolat jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu.

Fin-nuqqas ta’ membru u s-sostitut, id-dritt tal-vot jista’ jiġi ddelegat lil membru ieħor.

3.   Il-President jista’ jiddelega d-dritt tal-vot fi kwalunkwe każ. Huwa għandu jieħu sehem fil-votazzjoni dment li ma jkunx iddelega d-dritt tal-vot.

4.   Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord Maniġerjali għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti tal-votazzjoni aktar fid-dettall, b’mod partikolari għall-votazzjoni dwar kwistjonijiet urġenti u ċ-ċirkostanzi meta membru jkun jista’ jaġixxi f’isem membru ieħor.

Artikolu 20

Responsabbiltajiet tad-Direttur

1.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni amministrattiva tal-Uffiċċju tal-BEREC. Id-Direttur għandu jagħti rendikont lill-Bord Maniġerjali.

2.   Id-Direttur għandu jassisti lill-President tal-Bord tar-Regolaturi u lill-President tal-Bord Maniġerjali fit-tħejjija tal-laqgħat tal-korpi rispettivi tagħhom.

3.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Bord tar-Regolaturi, l-Bord Maniġerjali u l-Kummissjoni„ id-Direttur għandu jkun indipendenti fil-qadi ta’ dmirijietu u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern, istituzzjoni, persuna jew korp ieħor.

4.   Id-Direttur għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-qadi ta’ dmirijietu meta jintalab jagħmel dan.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Uffiċċju tal-BEREC.

6.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti tal-Uffiċċju tal-BEREC u skont il-gwida pprovduta mill-Bord tar-Regolaturi u mill-Bord Maniġerjali. B’mod partikolari, id-Direttur għandu jkun responsabbli biex:

(a)

iwettaq l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-Uffiċċju tal-BEREC;

(b)

jimplimenta d-deċiżjonijiet amministrattivi adottati mill-Bord tar-Regolaturi u l-Bord Maniġerjali;

(c)

iħejji, u jippreżenta lill-Bord Maniġerjali, id-dokument uniku tal-programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 23;

(d)

jassisti lill-Bord tar-Regolaturi fit-tħejjija tar-rapport annwali ta’ attività kif imsemmi fl-Artikolu 22;

(e)

jassisti lill-Bord tar-Regolaturi fit-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali tal-BEREC kif imsemmi fl-Artikolu 21;

(f)

jimplimenta d-dokument uniku tal-programmazzjoni, u jirrapporta lill-Bord Maniġerjali fuq l-implimentazzjoni tiegħu;

(g)

iħejji l-abbozz tar-rapport annwali kkonsolidat dwar l-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-BEREC kif imsemmi fl-Artikolu 27 u jippreżentah lill-Bord Maniġerjali għall-valutazzjoni u l-adozzjoni;

(h)

iħejji pjan ta’ azzjoni li jsegwi l-konklużjonijiet tar-rapporti interni jew esterni tal-awditjar u tal-evalwazzjonijiet, kif ukoll tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, u jirrapporta dwar il-progress mill-inqas darba fis-sena lill-Bord Maniġerjali;

(i)

iħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra, billi jwettaq kontrolli effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, billi jirkupra l-ammonti li jkunu tħallsu bi żball u, meta jkun xieraq, billi jimponi miżuri amministrattivi li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, inkluż penali finanzjarji;

(j)

iħejji strateġija għal kontra l-frodi għall-Uffiċċju tal-BEREC u jippreżentaha lill-Bord Maniġerjali għall-approvazzjoni;

(k)

iħejji l-abbozzi tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-Uffiċċju tal-BEREC;

(l)

iħejji l-abbozz tad-dikjarazzjoni tal-istimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Uffiċċju tal-BEREC u jimplimenta l-baġit tiegħu;

(m)

jawtorizza, b’mod konġunt flimkien mal-Bord tar-Regolaturi, il-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ ħidma ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni u ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 35.

7.   Id-Direttur għandu, taħt is-superviżjoni tal-Bord Maniġerjali, jieħu l-miżuri meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni ta’ istruzzjonijiet amministrattivi interni u tal-pubblikazzjoni tal-avviżi, sabiex jiżgura l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-BEREC skont dan ir-Regolament.

8.   Id-Direttur għandu, soġġett għall-kunsens bil-quddiem tal-Kummissjoni, tal-Bord Maniġerjali u tal-Istati Membri kkonċernati, jiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ, għall-fini li jitwettqu l-kompiti tal-Uffiċċju tal-BEREC b’mod effiċjenti u effettiv, li wieħed jew aktar mill-persunal tiegħu jintbagħat f’xi Stat Membru wieħed jew aktar. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika l-ambitu tal-attivitajiet li jridu jitwettqu b’mod li jkunu evitati spejjeż mhux meħtieġa u d-duplikazzjoni ta’ funzjonijiet amministrattivi tal-Uffiċċju tal-BEREC. Qabel ma tittieħed tali deċiżjoni, għandu jiġi indikat, fid-dokument tal-programmazzjoni pluriennali msemmi fl-Artikolu 23(4), l-impatt tagħha f’termini ta’ allokazzjoni ta’ persunal u baġit.

KAPITOLU VI

PROGRAMMAZZJONI TAL-BEREC

Artikolu 21

Programm Annwali tal-Ħidma tal-BEREC

1.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta abbozz fil-qosor tal-programm ta’ ħidma annwali sal-31 ta’ Jannar tas-sena li tiġi qabel dik li għaliha jirreferi l-programm ta’ ħidma annwali. Wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet tagħhom, kif ukoll lil partijiet interessati oħra skont l-Artikolu 4(5), il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta l-programm ta’ ħidma annwali finali sal-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jittrasmetti l-programm ta’ ħidma annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni malli jiġi adottat.

Artikolu 22

Rapport Annwali ta’ Attività tal-BEREC

1.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-BEREC.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jibgħat ir-rapport annwali ta’ attività lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena.

KAPITOLU VII

IL-BAĠIT U L-PROGRAMMAZZJONI TAL-UFFIĊĊJU TAL-BEREC

Artikolu 23

Programmazzjoni annwali u pluriennali

1.   Kull sena, id-Direttur għandu jħejji abbozz tad-dokument tal-programmazzjoni li jkun fih il-programmazzjoni annwali u pluriennali (id-“dokument uniku tal-programmazzjoni”) b’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1271/2013, filwaqt li jqis il-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni.

Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, il-Bord Maniġerjali għandu jadotta l-abbozz tad-dokument uniku tal-programmazzjoni u jibagħtu lill-Kummissjoni biex din tagħti l-opinjoni tagħha dwaru. Barra minn hekk, l-abbozz tad-dokument uniku tal-programmazzjoni għandu jiġi preżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Sussegwentement, il-Bord Maniġerjali għandu jadotta d-dokument uniku tal-programmazzjoni, filwaqt li jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni dwaru. Huwa għandu jippreżenta d-dokument uniku tal-programmazzjoni, kif ukoll kwalunkwe aġġornament sussegwenti, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Id-dokument uniku tal-programmazzjoni għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u, jekk ikun meħtieġ, għandu jiġi aġġustat skont dan.

2.   Id-dokument tal-programmazzjoni annwali għandu jinkludi l-għanijiet fid-dettall u r-riżultati mistennija, inkluż l-indikaturi tal-prestazzjoni. Dan għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, b’konformità mal-prinċipji tal-ibbaġitjar u tal-ġestjoni bbażati fuq l-attività, kif imsemmi wkoll fl-Artikolu 31. Id-dokument tal-programmazzjoni annwali għandu jkun konsistenti mad-deskrizzjoni tal-BEREC tal-programm ta’ ħidma annwali u l-programm ta’ ħidma annwali finali kif imsemmi fl-Artikolu 21 u mad-dokument tal-programmazzjoni pluriennali tal-Uffiċċju tal-BEREC imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Dan għandu jindika b’mod ċar il-kompiti li jkunu żdiedu, inbidlu jew tħassru meta mqabbel mas-sena finanzjarja ta’ qabel.

3.   Il-Bord Maniġerjali għandu, fejn meħtieġ, jemenda d-dokument tal-programmazzjoni annwali wara l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali finali msemmi fl-Artikolu 21 u fejn jiġi assenjat kompitu ġdid lill-BEREC jew lill-Uffiċċju tal-BEREC.

Kull emenda sostanzjali fid-dokument tal-programmazzjoni annwali għandha tiġi adottata bl-istess proċedura bħal dik użata biex jiġi adottat l-ewwel dokument tal-programmazzjoni annwali. Il-Bord Maniġerjali jista’ jiddelega s-setgħa lid-Direttur biex jagħmel emendi mhux sostanzjali fid-dokument tal-programmazzjoni annwali.

4.   Id-dokument tal-programmazzjoni pluriennali pluriennali għandu jistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali, inkluż l-għanijiet, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Dan għandu jistabbilixxi wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi, inkluż il-baġit pluriennali u l-persunal.

Il-programmazzjoni tar-riżorsi għandha tiġi aġġornata kull sena. Il-programmazzjoni strateġika għandha tiġi aġġornata meta jkun xieraq, u b’mod partikolari biex jiġi indirizzat l-eżitu tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 48.

5.   Id-dokument uniku tal-programmazzjoni tal-Uffiċċju tal-BEREC għandu jinkludi l-implimentazzjoni tal-BEREC tal-istrateġija għar-relazzjonijiet ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni, ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi b’organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Artikolu 35(3), l-azzjonijiet marbuta ma’ dik l-istrateġija u l-ispeċifikazzjoni ta’ riżorsi assoċjati.

Artikolu 24

Stabbiliment tal-baġit

1.   Kull sena, id-Direttur għandu jfassal abbozz proviżorju tal-istimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Uffiċċju tal-BEREC (“l-abbozz tal-istimi”) għas-sena finanzjarja ta’ wara, inkluż il-pjan tal-istabbiliment, u jippreżentah lill-Bord Maniġerjali.

L-informazzjoni li tkun tinsab fl-abbozz tal-istimi għandha tkun konsistenti mal-abbozz tad-dokument uniku tal-programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 23(1).

2.   Id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozz tal-istimi lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-abbozz tal-istimi lill-awtorità baġitarja flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

4.   Abbażi tal-abbozz tal-istimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni l-istimi li hija tqis li huma meħtieġa għall-pjan tal-istabbiliment u l-ammont tal-kontribuzzjoni li għandha tiġi addebitata lill-baġit ġenerali, u li għandha tressaq quddiem l-awtorità baġitarja f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

5.   L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni lill-Uffiċċju tal-BEREC.

6.   L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan tal-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-BEREC.

7.   Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta l-baġit tal-Uffiċċju tal-BEREC. Il-baġit għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn ikun meħtieġ, dan għandu jiġi aġġustat kif xieraq.

8.   Għal kwalunkwe proġett tal-bini li x’aktarx ikollu implikazzjonijiet sinifikanti għall-baġit tal-Uffiċċju tal-BEREC, għandu japplika r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1271/2013.

Artikolu 25

Struttura tal-baġit

1.   L-istimi tad-dħul u tal-infiq kollu tal-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, li tikkorrispondi għas-sena kalendarja, u għandhom jidhru fil-baġit tal-Uffiċċju tal-BEREC.

2.   Il-baġit tal-Uffiċċju tal-BEREC għandu jkun bilanċjat f’termini ta’ dħul u ta’ nfiq.

3.   Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħrajn, id-dħul tal-Uffiċċju tal-BEREC għandu jinkludi:

(a)

kontribuzzjoni mill-Unjoni;

(b)

kull kontribuzzjoni finanzjarja volontarja mingħand l-Istati Membri jew l-NRAs;

(c)

il-ħlas għal pubblikazzjonijiet u għal servizzi oħra pprovduti mill-Uffiċċju tal-BEREC;

(d)

kull kontribuzzjoni mingħand il-pajjiżi terzi jew l-awtoritajiet regolatorji kompetenti fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika tal-pajjiżi terzi li jkunu qed jieħdu sehem fil-ħidma tal-Uffiċċju tal-BEREC, kif previst fl-Artikolu 35.

4.   L-infiq tal-Uffiċċju tal-BEREC għandu jinkludi r-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u tal-infrastruttura u n-nefqa operazzjonali.

Artikolu 26

Implimentazzjoni tal-baġit

1.   Id-Direttur għandu jimplimenta l-baġit tal-Uffiċċju tal-BEREC.

2.   Kull sena, id-Direttur għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-informazzjoni kollha li tkun rilevanti għall-konklużjonijiet tal-proċeduri tal-evalwazzjoni.

Artikolu 27

Rapport Annwali ta’ Attività Kkonsolidat

Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta ir-rapporti annwali ta’ attività kkonsolidati f’konformità mal-Artikolu 47 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1271/2013, b’kont meħud tal-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni.

Artikolu 28

Preżentazzjoni ta’ kontijiet u kwittanza

1.   L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Uffiċċju tal-BEREC għandu jippreżenta l-kontijiet proviżorji għas-sena finanzjarja lill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara.

2.   L-Uffiċċju tal-BEREC għandu jippreżenta r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja li jkun imiss.

3.   Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Uffiċċju tal-BEREC, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Uffiċċju tal-BEREC għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Uffiċċju tal-BEREC fir-responsabbiltà tiegħu. Id-Direttur għandu jippreżenta l-kontijiet finali lill-Bord Maniġerjali għall-opinjoni tiegħu.

4.   Il-Bord Maniġerjali għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-kontijiet finali tal-Uffiċċju tal-BEREC.

5.   Id-Direttur għandu jippreżenta l-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord Maniġerjali sal-1 ta’ Lulju tas-sena finanzjarja ta’ wara.

6.   L-Uffiċċju tal-BEREC għandu jippubblika l-kontijiet finali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara.

7.   Id-Direttur għandu jippreżenta lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta’ Settembru tas-sena finanzjarja ta’ wara. Id-Direttur għandu jippreżenta wkoll dik it-tweġiba lill-Bord Maniġerjali.

8.   Id-Direttur għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta’ dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni mingħajr xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, b’konformità mal-Artikolu 165(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

9.   Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, il-Parlament Ewropew għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N+2, jagħti kwittanza lid-Direttur fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

Artikolu 29

Regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jiġu adottati mill-Bord Maniġerjali wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni. Dawn ma għandhomx jitbiegħdu mir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1271/2013, ħlief meta tali diverġenza tkun meħtieġa għat-tħaddim tal-Uffiċċju tal-BEREC u meta l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha bil-quddiem għal dan.

KAPITOLU VIII

PERSUNAL TAL-UFFIĊĊJU TAL-BEREC

Artikolu 30

Dispożizzjoni ġenerali

Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra u r-regoli adottati bi ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex isiru effettivi dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra għandhom japplikaw għall-persunal tal-Uffiċċju tal-BEREC.

Artikolu 31

L-għadd ta’ persunal tal-Uffiċċju tal-BEREC

1.   F’konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni bbażata fuq l-attività tar-riżorsi umani, l-Uffiċċju tal-BEREC għandu jkollu l-persunal meħtieġ biex jaqdi dmirijietu.

2.   L-għadd ta’ persunal u riżorsi finanzjarji korrispondenti għandhom jiġu proposti f’konformità mal-Artikoli 23(2) u (4) u l-Artikolu 24(1), b’kont meħud tal-punt (a) tal-Artikolu 5 u kull kompitu ieħor assenjat lill-Uffiċċju tal-BEREC b’dan ir-Regolament jew b’atti legali oħra tal-Unjoni, kif ukoll tal-ħtieġa ta’ konformità mar-regolamenti applikabbli għall-aġenziji deċentralizzati kollha tal-Unjoni.

Artikolu 32

Ħatra tad-Direttur

1.   Id-Direttur għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-Uffiċċju tal-BEREC f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra.

2.   Id-Direttur għandu jinħatar mill-Bord Maniġerjali, wara proċedura ta’ għażla miftuħa u trasparenti, abbażi tal-mertu, ħiliet ġestjonali, amministrattivi u baġitarji u l-ħiliet u esperjenza rilevanti għan-networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika.

Il-lista tal-kandidati ma għandhiex tiġi proposta biss mill-President jew minn Viċi President. Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord Maniġerjali għandhom jistabbilixxu fid-dettall l-arranġamenti li jirregolaw proċedura li twassal għal lista mqassra tal-għadd ta’ kandidati eliġibbli u għal proċedura ta’ votazzjoni.

3.   Għall-fini tal-konklużjoni tal-kuntratt mad-Direttur, l-Uffiċċju tal-BEREC għandu jirrappreżentah il-President tal-Bord Maniġerjali.

4.   Qabel il-ħatra, il-kandidat magħżul mill-Bord Maniġerjali għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet mill-membri tiegħu.

5.   Il-mandat tad- Direttur għandu jkun ta’ ħames snin. Sa tmiem dak il-perijodu, il-President tal-Bord Maniġerjali għandu jwettaq valutazzjoni li tqis l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur u l-kompiti u l-isfidi tal-Uffiċċju tal-BEREC. Dik il-valutazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Il-Bord Maniġerjali, filwaqt li jqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur darba, għal mhux aktar minn ħames snin.

7.   Il-Bord Maniġerjali għandu jinforma lill-Parlament Ewropew jekk għandux il-ħsieb li jestendi l-mandat tad-Direttur. Fi żmien xahar qabel kwalunkwe tali estensjoni, id-Direttur jista’ jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet mill-membri tiegħu.

8.   Direttur li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma għandux jieħu sehem fi proċedura oħra ta’ għażla għall-istess kariga wara tmiem il-perijodu kumulattiv.

9.   Fejn il-mandat ma jiġix estiż, id-Direttur għandu, fuq deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali, jibqa’ fil-kariga lil hinn mill-iskadenza tal-ewwel terminu tal-mandat sa meta jinħatar suċċessur.

10.   Id- Direttur jista’ jitneħħa mill-kariga biss fuq deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali li jaġixxi fuq proposta minn membru.

11.   Il-Bord Maniġerjali għandu jieħu d-deċiżjonijiet dwar il-ħatra, l-estensjoni tal-mandat jew it-tneħħija mill-kariga tad-Direttur fuq il-bażi ta’ vot ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu.

Artikolu 33

Esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor

1.   L-Uffiċċju tal-BEREC jista’ juża s-servizzi ta’ esperti nazzjonali sekondati jew ta’ persunal ieħor li ma jkunx impjegat minnu. Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra ma għandhomx japplikaw għal tali persunal.

2.   Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali fl-Uffiċċju tal-BEREC.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 34

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għall-Uffiċċju tal-BEREC u għall-persunal tiegħu.

Artikolu 35

Kooperazzjoni mal-korpi tal-Unjoni, mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali

1.   Sa fejn ikun meħtieġ biex il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC jilħqu l-għanijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u jwettqu l-kompiti tagħhom, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, dawn jistgħu jikkooperaw ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni, ma’ awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

Għal dak il-għan u soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC jistgħu jistabbilixxu arranġamenti ta’ ħidma. Dawk l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi ġuridiċi.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi, il-gruppi ta’ ħidma u l-Bord Maniġerjali għandhom ikunu miftuħin għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji ta’ pajjiżi terzi li jkollhom responsabbiltà primarja fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika fejn dawk il-pajjiżi terzi jkunu daħlu fi ftehimiet mal-Unjoni għal dak l-iskop.

Taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk il-ftehimiet, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti ta’ ħidma li jispeċifikaw, b’mod partikolari, in-natura, sa fejn u l-mod kif dawn l-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiżi terzi kkonċernati ser jieħdu sehem mingħajr id-dritt tal-vot fil-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, inkluż id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni fl-inizjattivi meħuda mill-BEREC, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal għall-Uffiċċju tal-BEREC. Fi kwalunkwe każ, fejn jidħlu l-materji marbutin mal-persunal, dawk l-arranġamenti għandhom ikunu konformi mar-Regolamenti tal-Persunal.

3.   Bħala parti mill-programm ta’ ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 21, il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta l-istrateġija tal-BEREC għar-relazzjonijiet ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni u mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-BEREC. Il-Kummissjoni, il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jikkonkludu arranġament xieraq ta’ ħidma bil-għan li jiżgura li l-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC joperaw fi ħdan il-mandat tagħhom u l-qafas istituzzjonali eżistenti.

Artikolu 36

Aċċess għal dokumenti u protezzjoni tad-data

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi u l-Bord Maniġerjali għandhom, sal-21 ta’ Ġunju 2019, jadottaw regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   L-ipproċessar tad-data personali mill-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC għandu jkun soġġett għar-Regolament (UE) 2018/1725.

4.   Il-Bord tar-Regolaturi u l-Bord Maniġerjali għandhom, sal-21 ta’ Ġunju 2019, jistabbilixxu miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 mill-BEREC u mill-Uffiċċju tal-BEREC, inklużi dawk li jkollhom x’jaqsmu mal-ħatra ta’ Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Uffiċċju tal-BEREC. Dawk il-miżuri għandhom jiġu stabbiliti wara konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Artikolu 37

Trasparenza u komunikazzjoni

1.   Il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom b’livell għoli ta’ trasparenza. Il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jiżguraw li l-pubbliku u kwalunkwe parti interessata jingħataw informazzjoni xierqa, oġġettiva, affidabbli u aċċessibbli b’mod faċli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompiti tagħhom u tar-riżultati tal-ħidma tagħhom.

2.   Il-BEREC, bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-BEREC, jista’ jkun involut f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni fuq l-inizjattiva tiegħu stess fl-oqsma ta’ kompetenza f’konformità mal-pjanijiet rilevanti ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni adottati mill-Bord tar-Regolaturi. L-allokazzjoni ta’ riżorsi għal tali appoġġ għal attivitajiet ta’ komunikazzjoni fi ħdan il-baġit tal-Uffiċċju tal-BEREC m’għandhiex tkun ta’ detriment għall-eżerċizzju effettiv tal-kompiti tal-BEREC kif imsemmija fl-Artikolu 5 jew il-kompiti tal-Uffiċċju tal-BEREC kif imsemmija fl-Artikolu 5.

L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jitwettqu f’konformità mal-pjanijiet rilevanti ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni adottati mill-Bord Maniġerjali.

Artikolu 38

Kunfidenzjalità

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 36(1) u l-Artikolu 40(2), il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC ma għandhomx jiżvelaw l-informazzjoni li jipproċessaw jew li jirċievu lil partijiet terzi meta tkun saret talba motivata għal trattament kunfidenzjali ta’ dik l-informazzjoni kollha jew ta’ xi parti minnha.

2.   Membri u parteċipanti oħrajn fil-laqgħat tal-Bord tar-Regolaturi, l-Bord Maniġerjali u l-gruppi ta’ ħidma, id- Direttur, esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor mhux impjegat mill-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità skont l-Artikolu 339 tat-TFUE, anke wara li d-dmirijiet tagħhom ikunu ntemmu.

3.   Il-Bord tar-Regolaturi u l-Bord Maniġerjali għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 39

Ir-regoli ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

Il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jadottaw ir-regoli tas-sigurtà tagħhom stess li jkunu ekwivalenti għar-regoli tas-sigurtà tal-Kummissjoni biex titħares l-Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea u l-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, fost l-oħrajn id-dispożizzjonijiet għall-iskambju, għall-ipproċessar u għall-ħżin ta’ tali informazzjoni kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (21) u (UE, Euratom) 2015/444 (22). Alternattivament, il-BEREC jew l-Uffiċċju tal-BEREC jista’ jadotta deċiżjoni li japplika r-regoli tal-Kummissjoni fuq bażi mutatis mutandis.

Artikolu 40

Skambju ta’ informazzjoni

1.   Fuq talba motivata mill-BEREC jew mill-Uffiċċju tal-BEREC, il-Kummissjoni u l-NRAs irrappreżentati fil-Bord tar-Regolaturi u awtoritajiet kompetenti oħrajn għandhom jipprovdu lill-BEREC jew lill-Uffiċċju tal-BEREC l-informazzjoni kollha neċessarja, fil-ħin u b’mod preċiż, għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, dment li dawn ikollhom aċċess legali għall-informazzjoni rilevanti u li t-talba għall-informazzjoni tkun neċessarja b’rabta man-natura tal-kompitu inkwistjoni.

Il-BEREC jew l-Uffiċċju tal-BEREC jista’ jitlob ukoll li tali informazzjoni tingħata f’intervalli regolari u f’formati speċifikati. Tali talbiet, fejn possibbli, għandhom isiru bl-użu ta’ formati komuni tar-rappurtar.

2.   Fuq talba motivata mill-Kummissjoni jew minn NRA, il-BEREC jew l-Uffiċċju tal-BEREC għandu jipprovdi, fil-ħin u b’mod preċiż, kull informazzjoni neċessarja biex il-Kummissjoni, l-NRA, jew awtorità kompetenti oħra, ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera. Fejn il-BEREC jew l-Uffiċċju tal-BEREC iqis xi informazzjoni bħala kunfidenzjali, il-Kummissjoni, l-NRA jew l-awtorità kompetenti l-oħra għandhom jiżguraw tali kunfidenzjalità f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali, inkluż ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Il-kunfidenzjalità kummerċjali ma għandhiex tipprevjeni l-kondiviżjoni f’waqtha tal-informazzjoni.

3.   Qabel ma ssir it-talba għall-informazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu u biex tkun evitata d-duplikazzjoni tal-obbligi tar-rappurtar, il-BEREC jew l-Uffiċċju tal-BEREC għandu jieħu kont ta’ kwalunkwe informazzjoni eżistenti rilevanti li tkun disponibbli pubblikament.

4.   Fejn xi informazzjoni ma tkunx saret disponibbli b’mod f’waqtu mill-NRAs, il-BEREC jew l-Uffiċċju tal-BEREC jista’ jindirizza talba motivata jew lil NRAs oħrajn u awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istat Membru kkonċernat, jew direttament lill-impriżi rilevanti li jipprovdu netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, u faċilitajiet assoċjati.

Il-BEREC jew l-Uffiċċju tal-BEREC għandu jinnotifika lill-NRAs li jkunu naqsu milli jipprovdu l-informazzjoni bit-talbiet f’konformità mal-ewwel paragrafu.

Fuq it-talba tal-BEREC jew l-Uffiċċju tal-BEREC, l-NRAs għandhom jgħinu lill-BEREC jiġbor l-informazzjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-NRAs u awtoritajiet kompetenti oħra jkollhom is-setgħa li jeżiġu li awtoritajiet nazzjonali responsabbli oħrajn jew impriżi li jipprovdu networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, faċilitajiet assoċjati jew servizzi assoċjati jissottomettu l-informazzjoni kollha neċessarja biex iwettqu l-kompiti tagħhom imsemmijin f’dan l-Artikolu.

Awtoritajiet nazzjonali jew impriżi oħra responsabbli kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jipprovdu tali informazzjoni minnufih malli tintalab u f’konformità mal-limiti ta’ żmien u fil-livell ta’ dettall meħtieġ.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-NRAs u awtoritajiet kompetenti oħrajn jingħataw is-setgħa li jinforzaw tali talbiet għal informazzjoni billi jimponu penali li jkunu xierqa, effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 41

Sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni

1.   L-Uffiċċju tal-BEREC għandu jistabbilixxi u jamministra sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni li jkollha tal-inqas il-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

pjattaforma komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni li tagħti lill-BEREC, lill-Kummissjoni u lill-NRAs l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-komunikazzjoni elettronika;

(b)

interfaċċja dedikat għal talbiet għal informazzjoni u notifika ta’ dawk it-talbiet kif imsemmija fl-Artikolu 40, għal aċċess mill-BEREC, l-Uffiċċju tal-BEREC, il-Kummissjoni u l-NRAs;

(c)

pjattaforma għall-identifikazzjoni bikrija tal-ħtieġa ta’ koordinazzjoni bejn NRAs.

2.   Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u funzjonali u pjan sabiex tiġi stabbilita s-sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Dik is-sistema għandha tkun soġġettatgħal drittijiet ta’ propjetà intellettwali u għal-livell ta’ kunfidenzjalità meħtieġ.

3.   Dik is-sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni għandha tkun operattiva sal-21 ta’ Ġunju 2020.

Artikolu 42

Dikjarazzjonijiet ta’ interessi

1.   Il-membri u l-Bord tar-Regolaturi u tal-Bord Maniġerjali, id-Direttur, l-esperti nazzjonali sekondati u l-persunal l-ieħor li ma jkunx impjegat mill-Uffiċċju tal-BEREC ilkoll għandhom jagħmlu dikjarazzjoni bil-miktub fejn jistqarru l-impenn tagħhom u l-assenza jew il-preżenza ta’ kull interess dirett jew indirett li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

Tali dikjarazzjonijiet għandhom isiru meta jiġu assunti r-responsabbiltajiet, għandhom ikunu preċiżi u kompluti, u għandhom jiġu aġġornati fejn ikun hemm riskju ta’ preżenza ta’ kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tal-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni.

Id-dikjarazzjonijiet li jagħmlu l-membri tal-Bord tar-Regolaturi, il-membri tal-Bord Maniġerjali u d-Direttur għandhom isiru pubbliċi.

2.   Il-membri tal-Bord tar-Regolaturi, tal-Bord Maniġerjali u l-gruppi ta’ ħidma, u parteċipanti oħra fil-laqgħat tagħhom, id-Direttur, l-esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor li ma jkunx impjegat mal-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jiddikjaraw ilkoll b’mod preċiż u komplut, sa mhux aktar tard minn meta tibda kull laqgħa, kwalunkwe interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom fejn jidħlu l-punti li jkun hemm fl-aġenda, u għandhom jastjenu milli jieħdu sehem fid-diskussjoni u l-votazzjoni dwar tali punti.

3.   Il-Bord tar-Regolaturi u l-Bord Maniġerjali għandhom jistabbilixxu r-regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi u, b’mod partikolari, għall-arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 43

Ġlieda kontra l-frodi

1.   Biex jiffaċilita l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra taħt ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), sal-21 ta’ Ġunju 2019, l-Uffiċċju tal-BEREC għandu jaderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (24) u jadotta d-dispożizzjonijiet adegwati applikabbli għall-persunal kollu tal-Uffiċċju tal-BEREC bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness ta’ dak il-Ftehim.

2.   Il-Qorti tal-Awdituri jkollha s-setgħa tagħmel awditi, abbażi ta’ dokumenti u ta’ spezzjonijiet fuq il-post, ta’ kull benefiċjarju ta’ għotja, kuntrattur u sottokuntrattur li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand l-Uffiċċju tal-BEREC.

3.   L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (25) bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’konnessjoni ma’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt iffinanzjat mill-Uffiċċju tal-BEREC.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet ta’ għotja u d-deċiżjonijiet ta’ għotja għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li espliċitament jagħtu s-setgħa lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 44

Responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Uffiċċju tal-BEREC tirregolaha l-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (‘il-Qorti tal-Ġustizzja’) għandu jkollha l-ġurisdizzjoni biex tagħti sentenza skont kwalunkwe klawżola ta’ arbitraġġ li jkun hemm f’kuntratt konkluż mill-Uffiċċju tal-BEREC.

3.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, l-Uffiċċju tal-BEREC għandu jagħmel tajjeb għal kull dannu li jikkaġunaw id-dipartimenti tiegħu jew il-persunal tiegħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

4.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fit-tilwim fuq il-kumpens għad-danni kif imsemmi fil-paragrafu 3.

5.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tiegħu lejn l-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jirregolawha d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra li japplikaw għalihom.

Artikolu 45

Investigazzjonijiet amministrattivi

L-attivitajiet tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC għandhom ikunu soġġetti għall-istħarriġ mill-Ombudsman Ewropew f’konformità mal-Artikolu 228 tat-TFUE.

Artikolu 46

Arranġamenti lingwistiċi

1.   Ir-Regolament Nru 1 (26) għandu japplika għall-Uffiċċju tal-BEREC.

2.   Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Uffiċċju tal-BEREC għandu jipprovdihom iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 47

Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u l-kondizzjonijiet tal-operat

1.   L-arranġamenti rigward l-akkomodazzjoni li trid tiġi pprovduta għall-Uffiċċju tal-BEREC fl-Istat Membru ospitanti u l-faċilitajiet li dak l-Istat Membru jrid jagħmillu disponibbli, flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għad-Direttur, għall-membri tal-Bord Maniġerjali, għall-persunal tal-Uffiċċju tal-BEREC u għall-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Uffiċċju tal-BEREC u l-Istat Membru ospitanti, li jiġi konkluż wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord Maniġerjali u mhux aktar tard mill-21 ta’ Diċembru 2020.

2.   L-Istat Membru ospitanti għandu jipprovdi l-kondizzjonijiet meħtieġa biex jiżgura li l-Uffiċċju tal-BEREC jaħdem mingħajr xkiel u b’mod effiċjenti, inklużi s-servizzi ta’ skola multilingwi u orjentata lejn l-Ewropa u l-konnessjonijiet adegwati tat-trasport.

Artikolu 48

Evalwazzjoni

1.   Sal-21 ta’ Diċembru 2023, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni f’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC fejn jidħlu l-għanijiet, il-mandat, il-kompiti u s-sedi tagħhom. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tindirizza l-ħtieġa possibbli li tinbidel l-istruttura jew il-mandat tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ tali bidla.

2.   Fejn il-Kummissjoni tqis li l-kontinwazzjoni tal-BEREC jew tal-Uffiċċju tal-BEREC ma tkunx għadha ġustifikata fir-rigward tal-għanijiet, mandat u kompiti assenjati lilhom, hija tista’ tipproponi li dan ir-Regolament jiġi emendat jew jitħassar kif meħtieġ.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord Maniġerjali dwar il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u għandha tagħmel pubbliċi dawk il-konklużjonijiet.

Artikolu 49

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.   L-Uffiċċju tal-BEREC għandu jieħu post l-Uffiċċju li kien ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 fir-rigward tas-sjieda, ftehimiet, obbligi legali, kuntratti tal-impjiegi, impenji finanzjarji u responsabbiltajiet kollha.

B’mod partikolari, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal tal-Uffiċċju. Il-kuntratti tagħhom jistgħu jiġġeddu taħt dan ir-Regolament f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra u f’konformità mal-limitazzjonijiet baġitarji tal-Uffiċċju tal-BEREC.

2.   B’effett mill-20 ta’ Diċembru 2018, il-Maniġer Amministrattiv maħtur abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009 għandu jaġixxi bħala Direttur bil-funzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament. Il-kondizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt tal-Maniġer Amministrattiv għandhom jibqgħu l-istess.

3.   Il-Bord Maniġerjali jista’ jiddeċiedi li jġedded il-mandat tad-Direttur imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għal terminu ieħor. L-Artikolu 32(5) u (6) għandu japplika mutatis mutandis. It-terminu kumulattiv tal-mandat tad-Direttur ma għandux jeċċedi għaxar snin.

4.   Il-Bord tar-Regolaturi u l-Bord Maniġerjali msemmija fl-Artikoli 7 u 15 ta’ dan ir-Regolament għandu jkun magħmul mill-membri tal-Bord tar-Regolaturi u l-Kumitat Maniġerjali msemmija fl-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009, sa meta jinħatru rappreżentanti ġodda.

5.   Il-Presidenti u l-Viċi Presidenti tal-Bord ta’ Regolaturi u tal-Kumitat Maniġerjali, li jkunu nħatru abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009, għandhom jibqgħu fil-kariga bħala l-President u l-Viċi Presidenti tal-Bord tar-Regolaturi kif msemmi fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, u bħala l-President u l-Viċi Presidenti tal-Bord Maniġerjali kif msemmi fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament għall-kumplament tal-mandat ta’ sena tagħhom. Il-ħatriet tal-Presidenti u l-Viċi Presidenti tal-Bord ta’ Regolaturi u tal-Kumitat Maniġerjali abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009, li jsiru qabel l-20 ta’ Diċembru 2018 iżda jestendu lil hinn minn dik id-data, għandhom jiġu rrispettati.

6.   Il-proċedura ta’ kwittanza fir-rigward tal-baġit approvat abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1211/2009 għandha ssir skont ir-regoli stabbiliti minn dak ir-Regolament.

Artikolu 50

Emendi għar-Regolament (UE) 2015/2120

Ir-Regolament (UE) 2015/2120 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u tariffi bl-imnut għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE u r-Regolament (UE) Nru 531/2012”;

(2)

fl-Artikolu 1, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli komuni li għandhom l-għan li jiżguraw li l-konsumaturi ma jintalbux prezzijiet eċċessivi biex jagħmlu komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri li joriġinaw fl-Istat Membru tal-fornitur domestiku tal-konsumatur u jitterminaw f’kwalunkwe numru fiss jew mobbli fi Stat Membru ieħor.”;

(3)

fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2, jiżdiedu l-punt li ġejjin:

“(3)   ‘komunikazzjonijiet intra-UE regolati’ tfisser kwalunkwe servizz tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri li joriġinaw fl-Istat Membru tal-fornitur domestiku tal-konsumatur u jitterminaw f’kwalunkwe numru fiss jew mobbli tal-pjan ta’ numerazzjoni tat-telefon nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor, u li l-ħlas li jintalab ikun ibbażat b’mod intier jew parzjali fuq il-konsum attwali;

(4)   ‘servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri’ tfisser servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali bbażati fuq in-numri kif definiti fil-punt (6) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).”;"

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

Tariffi bl-imnut għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati

1.   Mill-15 ta’ Mejju 2019, kwalunkwe prezz bl-imnut (eskluż il-VAT) impost fuq il-konsumaturi għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati ma għandux jaqbeż EUR 0,19 kull minuta għal telefonati u EUR 0,06 għal kull messaġġ SMS.

2.   Minkejja l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1, il-fornituri ta’ komunikazzjonijiet intra-UE regolati jistgħu apparti minn hekk joffru, u l-konsumaturi jistgħu espressament jagħżlu, tariffa għal komunikazzjonijiet internazzjonali inklużi komunikazzjonijiet intra-UE regolati li tkun differenti minn dik stabbilita skont il-paragrafu 1, li permezz tagħha l-konsumaturi jibbenefikaw minn tariffa differenti għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati minn dik li kienu jingħataw fin-nuqqas tat-tali għażla. Qabel li l-konsumaturi jagħżlu tali tariffa differenti, il-fornitur ta’ komunikazzjonijiet intra-UE regolati għandu jinformahom dwar in-natura tal- vantaġġi li jintilfu minħabba hekk.

3.   Fejn tariffa għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati kif imsemmija fil-paragrafu 2 taqbeż il-limiti massimi stabbiliti fil-paragrafu 1, il-konsumaturi li ma jkunux ikkonfermaw jew esprimew, fi żmien xahrejn mill-15 ta’ Mejju 2019, għażla għal kwalunkwe tariffa kif imsemmija fil-paragrafu 2, għandhom jiġu awtomatikament provduti bit-tariffi stabbiliti fil-paragrafu 1.

4.   Il-konsumaturi jistgħu jaqilbu għat-tariffi u lura stabbiliti fil-paragrafu 1 fi żmien jum ta’ xogħol wieħed minn meta l-fornitur jirċievi t-talba, mingħajr ħlas u l-fornituri għandhom jiżguraw li tali bidla ma tinvolvix kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet fir-rigward ta’ elementi tal-abbonamenti għajr komunikazzjonijiet intra-UE regolati.

5.   Fejn it-tariffi massimi msemmija fil-paragrafu 1 ikunu denominati f’munita li ma tkunx l-euro, il-limiti inizjali għandhom jiġu determinati f’dik il-munita billi tiġi applikata l-medja tar-rati referenzjarji tal-kambju ppubblikati fil-15 ta’ Jannar, il-15 ta’ Frar u l-15 ta’ Marzu 2019 mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-limiti f’muniti li mhumiex l-euro għandhom jiġu riveduti annwalment mill-2020. Il-limiti riveduti annwalment f’dawk il-muniti għandhom japplikaw mill-15 ta’ Mejju bl-użu tal-medja tar-rati referenzjarji medji tal-kambju ppubblikati fil-15 ta’ Jannar, il-15 ta’ Frar u l-15 ta’ Marzu tal-istess sena.

6.   L-awtoritajiet regolatorji għandhom jissorveljaw is-suq u l-iżviluppi tal-prezzijiet għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati u għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni.

Fejn fornitur ta’ komunikazzjonijiet intra-UE regolati jistabbilixxi li, minħabba ċirkostanzi speċifiċi u eċċezzjonali li jiddistingwuh minn bosta fornituri oħra tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-limitu msemmi fil-paragrafu 1 ikollha impatt sinifikanti fuq il-kapaċità tal-fornitur li jżomm il-prezzijiet eżistenti tiegħu għal komunikazzjonijiet domestiċi, awtorità regolatorja nazzjonali tista’, fuq it-talba ta’ dak il-fornitur, tagħti deroga mill-paragrafu 1 biss sa fejn meħtieġ u għal perijodu ta’ sena li jiġġedded. Il-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-mudell domestiku tat-tariffi għandha tissejjes fuq fatturi oġġettivi rilevanti li jkunu speċifiċi għall-fornitur ta’ komunikazzjonijiet intra-UE regolati, kif ukoll il-livell ta’ prezzijiet u dħul domestiku.

Fejn il-fornitur applikant ikun ipprovda l-evidenza meħtieġa, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tiddetermina l-livell tal-prezz massimu f’eċċess ta’ kwalunkwe wieħed jew taż-żewġ limiti massimi stabbiliti fil-paragrafu 1 li jkunu indispensabbli sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell domestiku tat-tariffi tal-fornitur. Il-BEREC għandu jippubblika linji gwida dwar il-parametri li għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-valutazzjonijiet tagħhom.”;

(5)

fl-Artikolu 6, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tal-Artikolu 5a u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar ir-regoli u l-miżuri stabbiliti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5a sal-15 ta’ Mejju 2019 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bla dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.”;

(6)

fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-Artikolu 5a għandu jiskadi fl-14 ta’ Mejju 2024”.

Artikolu 51

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 jitħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 52

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Dicembru 2018.

Għall-Parlament

Il-President

A. TAJANI

Ewropew Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 65.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Novembru 2018 (għadha ma ġiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018.

(3)  Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ara paġna 36 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10).

(5)  Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1).

(6)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/627/KE tad-29 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għan-Netwerks u Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 200, 30.7.2002, p. 38).

(7)  Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1).

(8)  Deċiżjoni meħuda bi ftehim komuni bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-31 ta’ Mejju 2010 dwar il-post tas-sede tal-Uffiċċju tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) (2010/349/UE) (ĠU L 156, 23.6.2010, p. 12).

(9)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE tas-26 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (ĠU L 198, 27.7.2002, p. 49).

(10)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċji u l-aġenziji tal-Unjoni, u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(11)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(12)  Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(13)  Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 460/2004 (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 41).

(14)  Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11)

(15)  Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1).

(16)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(17)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(18)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistitwixxi miżuri speċjali temporanjament applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(19)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(20)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(21)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(22)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(23)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(24)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(25)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(26)  Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).


ANNESS

Tabella ta’ korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1211/2009

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1)

Artikolu 1

Artikolu 1(2)

Artikolu 3(1)

Artikolu 1(3)

Artikolu 3(2) u (3)

Artikolu 1(4)

Artikolu 3(4) u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1)

Artikolu 2

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4(1)

Artikolu 6

Artikolu 4(2)

Artikolu 7(1), (2) u (4), Artikolu 8(1) u (2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 10(4) u (5) u Artikolu 36

Artikolu 4 (4)

Artikolu 10(1), (2) u (3)

Artikolu 4(5)

Artikolu 10(4)

Artikolu 4(6)

Artikolu 10

Artikolu 4(7)

Artikolu 13

Artikolu 4(8)

Artikolu 7(4)

Artikolu 4 (9)

Artikolu 12(1) u (2)

Artikolu 4 (10)

Artikolu 12(3)

Artikolu 4 (11)

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 4

Artikolu 6(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 5

Artikolu 6(3)

Artikolu 14(1)

Artikolu 6(4)

Artikolu 2(2)

Artikolu 6(5)

Artikoli 20 u 31

Artikolu 7(1)

Artikolu 15(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 32

Artikolu 7(3)

Artikolu 20(6)

Artikolu 7(4)

Il-punt (k) tal-Artikolu 16(1)

Artikolu 7(5)

Artikolu 13

Artikolu 8

Artikolu 32

Artikolu 9

Artikolu 20

Artikolu 10(1)

Artikoli 30 u 34

Artikolu 10(2)

Il-punt (j) tal-Artikolu 16(1)

Artikolu 10(3)

Artikolu 16(2)

Artikolu 10(4)

Artikolu 33

Artikolu 11

Artikolu 25

Artikolu 12

Artikolu 24

Artikolu 13

Artikolu 26

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 29

Artikolu 16

Artikolu 43

Artikolu 17

Artikolu 4(5)

Artikolu 18

Artikolu 37

Artikolu 19

Artikoli 39 u 40

Artikolu 20

Artikolu 38

Artikolu 21

Artikolu 42

Artikolu 22

Artikolu 36

Artikolu 23

Artikolu 34

Artikolu 24

Artikolu 44

Artikolu 25

Artikolu 48

Artikolu 26

Artikolu 52


Top