Επιλέξτε τις πειραματικές λειτουργίες που θέλετε να δοκιμάσετε

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 32018R0673

    Regolament (UE, Euratom) 2018/673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

    ĠU L 114I, 4.5.2018, σ. 1 έως 6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Νομικό καθεστώς του εγγράφου Ισχύει

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/673/oj

    4.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 114/1


    REGOLAMENT (UE, Euratom) 2018/673 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-3 ta' Mejju 2018

    li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 224 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi status ġuridiku Ewropew speċifiku li jistgħu jibbenefikaw minnu partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom u jipprevedi li dawn jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    (2)

    Ġie identifikat il-bżonn li jiġi emendat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 sabiex jintlaħaq aħjar l-objettiv tal-inkoraġġiment u l-assistenza lil partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom fl-isforz tagħhom biex jipprovdu rabta qawwija bejn is-soċjetà ċivili Ewropea u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u b'mod partikolari l-Parlament Ewropew.

    (3)

    Wara l-bidliet fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (“ir-Regolament Finanzjarju”), id-definizzjoni tal-Punt ta' Kuntatt Nazzjonali għandu jiġi rivedut. Jenħtieġ li l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri jiddeżinjaw speċifikament persuna jew persuni għall-iskop tal-iskambju ta' informazzjoni matul l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, huma jkunu jistgħu jagħżlu minn fost dawk il-persuni jew korpi diġà ddeżinjati għall-kwistjonijiet relatati mas-sistema ta' individwazzjoni u esklużjoni bikrija stabbilita u operata mill-Kummissjoni biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    (4)

    Huwa neċessarju li jiġi ggarantit aħjar li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom ikollhom dimensjoni transnazzjonali ġenwina sabiex ikunu jistgħu jiksbu status ġuridiku Ewropew speċifiku permezz tar-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, sabiex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-politika fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni u sabiex jiġi evitat li l-istess partit nazzjonali artifiċjalment joħloq diversi partiti politiċi Ewropej b'tendenzi politiċi simili jew identiċi, jenħtieġ li l-membri tal-istess partit politiku nazzjonali ma jiġux ikkunsidrati fir-rigward ta' alleanzi politiċi differenti, għall-fini tar-rekwiżiti minimi ta' rappreżentanza biex dawk l-alleanzi jkunu jistgħu jiġu rreġistrati bħala partit Ewropew. Għalhekk, jenħtieġ li l-partiti politiċi biss u mhux aktar l-individwi jiġu kkunsidrati għall-fini ta' dawk ir-rekwiżiti minimi ta' rappreżentanza.

    (5)

    Jenħtieġ li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom jkunu jistgħu jużaw sehem akbar mill-approprjazzjonijiet iddedikati għall-finanzjament tagħhom fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li jiżdied is-sehem massimu ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji jew għotjiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fin-nefqa rimborsabbli annwali indikata fil-baġit ta' partit politiku Ewropew u fil-kostijiet eliġibbli mġarrba minn fondazzjoni politika Ewropea.

    (6)

    Għal raġunijiet ta' trasparenza u sabiex jissaħħu l-iskrutinju u r-responsabbiltà demokratika tal-partiti politiċi Ewropej u r-rabta bejn is-soċjetà ċivili Ewropea u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u b'mod partikolari l-Parlament Ewropew, jenħtieġ li l-aċċess għall-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jsir taħt il-kondizzjoni li l-partiti membri tal-UE jippubblikaw, b'mod ċarament viżibbli u faċli għall-utent, il-programm politiku u l-logo tal-partit politiku Ewropew ikkonċernat. Jenħtieġ li titħeġġeġ l-inklużjoni ta' informazzjoni dwar il-bilanċ bejn is-sessi fir-rigward ta' kull wieħed mill-partiti membri tal-partit politiku Ewropew.

    (7)

    Sabiex tiġi stabbilita allokazzjoni aktar proporzjonali tar-riżorsi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li oġġettivament jiġi rifless l-appoġġ elettorali ġenwin ta' partit politiku Ewropew, jenħtieġ li l-finanzjament ta' partiti politiċi Ewropej, u, b'estensjoni, tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati rispettivi tagħhom, ikun marbut aktar mill-qrib ma' livell ta' appoġġ elettorali li jista' jintwera. Għaldaqstant, ir-regoli dwar id-distribuzzjoni tal-finanzjament jenħtieġ li jiġu adattati sabiex iqisu aktar is-sehem tal-membri eletti li kull partit politiku Ewropew jkollu fil-Parlament Ewropew.

    (8)

    Fejn partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea, minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi, ma jibqgħux jissodisfaw waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, jenħtieġ li dawn jitneħħew mir-Reġistru.

    (9)

    Għal raġunijiet ta' ċertezza ġuridika u trasparenza, jenħtieġ li jiġi previst espliċitament li partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea jkunu jistgħu jitneħħew mir-Reġistru fi żmien raġonevoli fejn il-partit jew il-fondazzjoni jkunu pprovdew informazzjoni falza jew mhux kompluta li fuq il-bażi tagħha tkun ittieħdet deċiżjoni għar-reġistrazzjoni ta' dak il-partit jew ta' dik il-fondazzjoni.

    (10)

    Jenħtieġ li l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni tissaħħaħ billi jiġi previst li, f'każijiet ta' ksur, l-irkupru effettiv tal-finanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jiġi żgurat permezz tal-irkupru ta' ammonti mħallsa indebitament minn persuni fiżiċi responsabbli għall-ksur inkwistjoni, filwaqt li jiġu kkunsidrati, fejn applikabbli, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali relatati ma' dawk il-persuni fiżiċi.

    (11)

    Sabiex jiġu evalwati l-implikazzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 kif emendat minn dan ir-Regolament fuq il-bażi ta' evidenza sostanzjali tal-funzjonament prattiku tiegħu, jenħtieġ li d-data tar-rieżami komprensiv propost tiġi posposta. Jenħtieġ li dak ir-rieżami komprensiv jagħti attenzjoni speċjali lill-implikazzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 kif emendat minn dan ir-Regolament għall-pożizzjoni tal-partiti politiċi Ewropej żgħar u għall-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom.

    (12)

    Jenħtieġ li ir-rekwiżiti l-ġodda rigward il-pubblikazzjoni tal-programm politiku u tal-logo tal-partiti politiċi Ewropej japplikaw diġà, bl-aktar mod estiż possibbli, għall-applikazzjonijiet għall-finanzjament għall-2019, li hi s-sena li fiha se jsiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi arranġamenti tranżitorji.

    (13)

    Sabiex jiġi żgurat li l-emendi għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 introdotti minn dan ir-Regolament japplikaw b'mod tempestiv, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (14)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Il-premessa 12 hija sostitwita b'dan li ġej:

    “(12)

    Il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom li jkunu jixtiequ jiksbu rikonoxximent bħala tali fuq livell tal-Unjoni billi jkollhom status ġuridiku Ewropew u jirċievu finanzjament pubbliku mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li jirrispettaw ċerti prinċipji u jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. B'mod partikolari, huwa neċessarju li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi affiljati magħhom jirrispettaw, b'mod partikolari fil-programm u fl-attivitajiet tagħhom, il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif hu ddikjarat fl-Artikolu 2 tat-TUE, jiġifieri r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.”;

    (2)

    tiddaħħal il-premessa li ġejja:

    “(30a)

    F'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (*1), l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu l-kompitu li jinvestiga allegazzjonijiet ta' reati kriminali fil-kuntest tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fis-sens tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2). L-obbligu taħt l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2017/1939 japplika għall-Awtorità.

    (*1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1)."

    (*2)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29)”;"

    (3)

    fl-Artikolu 2, il-punt (10) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(10)

    “Punt ta' Kuntatt Nazzjonali” tfisser kwalunkwe persuna jew persuni speċifikament iddeżinjati mill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri għall-fini tal-iskambju ta' informazzjoni fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;”;

    (4)

    L-Artikolu 3(1) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-punt (b), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “il-partiti membri tagħha jridu jkunu rappreżentati, f'mill-inqas kwart tal-Istati Membri, minn membri tal-Parlament Ewropew, ta' parlamenti nazzjonali, ta' parlamenti reġjonali jew ta' assemblej reġjonali, jew”;

    (b)

    jiddaħħal il-punt li ġej:

    “(ba)

    il-partiti membri tagħha ma jkunux membri ta' partit politiku Ewropew ieħor;”;

    (5)

    l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Il-Parlament Ewropew, fuq inizjattiva proprja tiegħu jew wara talba motivata minn grupp ta' ċittadini, ippreżentata f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, jew il-Kunsill jew il-Kummissjoni, jistgħu jressqu talba lill-Awtorità għall-verifika tal-konformità minn partit politiku Ewropew speċifiku jew fondazzjoni politika Ewropea speċifika mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 3(1) u fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2). F'tali każijiet, u fil-każijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 16(3), l-Awtorità għandha titlob lill-kumitat ta' persuni eminenti indipendenti stabbilit bl-Artikolu 11 għal opinjoni dwar is-suġġett. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien xahrejn.”;

    (6)

    l-Artikolu 17(4) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   Kontribuzzjonijiet finanzjarji jew għotjiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx jaqbżu d-90 % tan-nefqa rimborsabbli annwali indikata fil-baġit ta' partit politiku Ewropew u l-95 % tal-kostijiet eliġibbli mġarrba minn fondazzjoni politika Ewropea. Il-partiti politiċi Ewropej jistgħu jużaw kwalunkwe parti mhux użata tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mogħtija biex ikopru nefqa rimborsabbli fis-sena finanzjarja wara l-għoti tagħha. L-ammonti mhux użati wara dik is-sena finanzjarja għandhom jiġu rkuprati skont ir-Regolament Finanzjarju.”;

    (7)

    fl-Artikolu 18, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   Partit politiku Ewropew għandu jinkludi fl-applikazzjoni tiegħu evidenza li turi li l-partiti membri tal-UE tiegħu, bħala regola, ikunu ppubblikaw fis-siti web tagħhom, b'mod ċarament viżibbli u faċli għall-utent, matul it-12-il xahar li jippreċedu d-data finali għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, il-programm politiku u l-logo tal-partit politiku Ewropew.”;

    (8)

    l-Artikolu 19(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   L-approprjazzjonijiet rispettivi għad-dispożizzjoni ta' dawk il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jkunu ngħataw kontribuzzjonijiet jew għotjiet skont l-Artikolu 18 għandhom jiġu distribwiti kull sena abbażi tal-formula ta' distribuzzjoni segwenti:

    10 % għandhom jiġu distribwiti fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji f'ishma ndaqs,

    90 % għandhom jiġu distribwiti fost il-partiti politiċi Ewropej benefiċjarji fi proporzjon mas-sehem tagħhom ta' membri eletti tal-Parlament Ewropew.

    L-istess formola ta' distribuzzjoni għandha tintuża biex jingħata finanzjament lil fondazzjonijiet politiċi Ewropej, abbażi tal-affiljazzjoni tagħhom ma' partit politiku Ewropew.”;

    (9)

    l-Artikolu 27(1) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(b)

    fejn jiġi stabbilit, skont il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 10(2) sa (5), li ma jkunux għadhom jissodisfaw waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) jew (2);”;

    (b)

    jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(ba)

    fejn id-deċiżjoni għar-reġistrazzjoni tal-partit jew tal-fondazzjoni inkwistjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni żbaljata jew żvijanti li għaliha jkun responsabbli l-applikant, jew fejn tali deċiżjoni tkun inkisbet bil-qerq; jew”;

    (10)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 27a

    Responsabbiltà ta' persuni fiżiċi

    Fejn l-Awtorità timponi sanzjoni finanzjarja fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a)(v) jew (a)(vi) tal-Artikolu 27(2) hi tista', għall-fini tal-irkupru skont l-Artikolu 30(2), tistabbilixxi li persuna fiżika li tkun membru tal-korp amministrattiv, tal-ġestjoni jew superviżorju tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea, jew li jkollha s-setgħat ta' rappreżentanza, deċiżjonali jew ta' kontroll fir-rigward tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea tkun ukoll responsabbli għall-ksur, fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt (a)(v) tal-Artikolu 27(2) fejn, fis-sentenza msemmija f'dik id-dispożizzjoni, il-persuna fiżika tkun instabet ukoll li tkun ukoll responsabbli għall-attivitajiet illegali inkwistjoni;

    (b)

    fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt (a)(vi) tal-Artikolu 27(2) fejn il-persuna fiżika tkun ukoll responsabbli għall-imġiba jew l-ineżattezzi inkwistjoni.”;

    (11)

    l-Artikolu 30(2) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea li fuqhom tkun ġiet imposta xi sanzjoni għal kwalunkwe ksur elenkat fl-Artikolu 27(1) u fil-punti (v) u (vi) tal-Artikolu 27(2)(a) għandhom għal dik ir-raġuni ma jibqgħux konformi mal-Artikolu 18(2). Bħala riżultat, l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu jittermina l-ftehim jew deċiżjoni ta' kontribuzzjoni jew ta' għotja dwar finanzjament mill-Unjoni riċevut skont dan ir-Regolament, u għandu jirkupra ammonti li jkunu tħallsu indebitament skont il-ftehim jew deċiżjoni ta' kontribuzzjoni jew ta' għotja, inkluż kwalunkwe fond mhux minfuq tal-Unjoni minn snin preċedenti. L-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandu wkoll jirkupra ammonti mħallsa indebitament skont il-ftehim jew deċiżjoni ta' kontribuzzjoni jew ta' għotja minn persuna fiżika li fir-rigward tagħha tkun ittieħdet deċiżjoni skont l-Artikolu 27a, filwaqt li jqis, fejn applikabbli, ċirkostanzi eċċezzjonali relatati ma' dik il-persuna fiżika.”;

    (b)

    it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Fl-eventwalità ta' tali terminazzjoni, il-pagamenti mill-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu limitati għan-nefqa rimborsabbli mġarrba mill-partit politiku Ewropew jew il-kostijiet eliġibbli mġarrba mill-fondazzjoni politika Ewropea sad-data meta d-deċiżjoni ta' terminazzjoni tidħol fis-seħħ.”;

    (12)

    l-Artikolu 32(1) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(i)

    deskrizzjoni tal-appoġġ tekniku pprovdut lill-partiti politiċi Ewropej;”;

    (b)

    il-punt (j) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(j)

    ir-rapport ta' evalwazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u dwar l-attivitajiet iffinanzjati, kif imsemmi fl-Artikolu 38; u”;

    (c)

    jiżdied il-punt li ġej:

    “(k)

    lista aġġornata tal-Membri tal-Parlament Ewropew li jkunu membri ta' partit politiku Ewropew.”;

    (13)

    l-Artikolu 34 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 34

    Dritt ta' smigħ

    Qabel ma l-Awtorità jew l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Parlament Ewropew jieħdu deċiżjoni li tista' taffettwa b'mod negattiv id-drittijiet ta' partit politiku Ewropew, ta' fondazzjoni politika Ewropea, ta' applikant kif imsemmi fl-Artikolu 8 jew ta' persuna fiżika kif imsemmi fl-Artikolu 27a, għandhom jisimgħu r-rappreżentanti tal-partit politiku Ewropew, tal-fondazzjoni politika Ewropea jew tal-applikant, jew lil-persuna fiżika ikkonċernati. L-Awtorità jew il-Parlament Ewropew għandhom jiddikjaraw debitament ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom.”;

    (14)

    l-Artikolu 38 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 38

    Evalwazzjoni

    Il-Parlament Ewropew għandu, wara li jikkonsulta l-Awtorità, jippubblika sal-31 ta' Diċembru 2021 u kull ħames snin wara dik id-data rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u dwar l-attivitajiet iffinanzjati. Ir-rapport għandu jindika, fejn xieraq, emendi li jistgħu jsiru fl-istatut u fis-sistemi ta' finanzjament.

    Mhux aktar minn sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tar-rapport mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li fih tingħata attenzjoni partikolari lill-implikazzjonijiet tiegħu għall-pożizzjoni tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej żgħar. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġislattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament.”;

    (15)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 40a

    Dispożizzjoni tranżitorja

    1.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament applikabbli qabel l-4 ta' Mejju 2018 għandhom ikomplu japplikaw fir-rigward tal-atti u l-impenji relatati mal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej fil-livell Ewropew għas-sena finanzjarja 2018.

    2.   B'deroga mill-Artikolu 18(2a), l-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni tal-Parlament Ewropew għandu, qabel jiddeċiedi dwar applikazzjoni dwar finanzjament għas-sena finanzjarja 2019, jirrikjedi l-evidenza msemmija fl-Artikolu 18(2a) biss għal perjodu mill-5 ta' Lulju 2018.

    3.   Il-partiti politiċi Ewropej reġistrati qabel l-4 ta' Mejju 2018 għandhom, sa mhux aktar tard mill-5 ta' Lulju 2018, jippreżentaw dokumenti li jippruvaw li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (b) u (ba) tal-Artikolu 3(1).

    4.   L-Awtorità għandha tneħħi mir-Reġistru partit politiku Ewropew u l-fondazzjoni politika Ewropea affiljata miegħu fejn il-partit inkwistjoni ma jipproduċix prova fit-terminu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 3 li turi li jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (b) u (ba) tal-Artikolu 3(1).”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Mejju 2018.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. PAVLOVA


    (1)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 96.

    (2)  ĠU C 18, 18.1.2018, p. 1.

    (3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' April 2018.

    (4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


    Επάνω