Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0581

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/581 tas-16 ta' April 2018 li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċertu tip ta' prodotti maħsuba li jiġu inkorporati jew użati f'inġenji tal-ajru, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1147/2002

    ĠU L 98, 18.4.2018, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/581/oj

    18.4.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 98/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/581

    tas-16 ta' April 2018

    li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċertu tip ta' prodotti maħsuba li jiġu inkorporati jew użati f'inġenji tal-ajru, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1147/2002

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1147/2002 (1), id-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni ġew sospiżi b'mod temporanju għal ċerti partijiet, komponenti u oġġetti oħra tat-tip maħsuba li jiġu inkorporati fl-inġenji tal-ajru ċivili jew użati għalihom, meta jkunu importati b'ċertifikati tal-ajrunavigabbiltà. Dak ir-Regolament issimplifika l-proċeduri doganali għall-importazzjonijiet ħielsa mid-dazju tal-partijiet, il-komponenti u oġġetti oħra użati għall-manifattura, it-tiswija, il-manutenzjoni, il-bini mill-ġdid, il-modifika jew il-konverżjoni tal-inġenji tal-ajru. Madankollu, minħabba l-iżviluppi leġislattivi u tekniċi estensivi li seħħew mis-sena 2002 'l hawn, u fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1147/2002 jiġi sostitwit.

    (2)

    Skont l-informazzjoni li waslet mingħand l-Istati Membri, is-sospensjoni temporanja introdotta permezz tar-Regolament (KE) Nru 1147/2002 tibqa' meħtieġa sabiex jittaffa l-piż amministrattiv kemm fuq l-operaturi ekonomiċi fis-settur tal-inġenji tal-ajru kif ukoll fuq l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, billi l-importazzjonijiet taħt proċeduri speċjali b'superviżjoni doganali bħal dawk tal-użu finali, l-ipproċessar attiv jew il-ħażna doganali jkunu ta' piż. Għalhekk is-sospensjoni temporanja jenħtieġ li tkompli.

    (3)

    Minħabba l-fatt li l-prezzijiet għall-partijiet u l-komponenti użati fis-settur tal-inġenji tal-ajru huma normalment ħafna ogħla mill-prezzijiet għal oġġetti simili użati għal skopijiet oħra, ir-riskju li l-oġġetti ħielsa mid-dazju importati jintużaw f'setturi industrijali oħra u, b'hekk ir-riskju ta' abbuż tas-sospensjoni temporanja, huwa żgħir ħafna.

    (4)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (2) jipprevedi li sabiex parti tkun eliġibbli għall-installazzjoni fi prodott li għandu ċ-ċertifikat tat-tip, hija trid tkun akkumpanjata minn ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat (il-Formola 1 tal-EASA) maħruġ minn parti awtorizzata mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni fl-Unjoni. Għaldaqstant, is-sospensjoni tad-dazji doganali jenħtieġ li tkun tiddependi fuq id-disponibbiltà ta' ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat jew, fil-każ ta' tiswija jew manutenzjoni ta' oġġetti li jkunu tilfu l-istatus tagħhom tal-ajrunavigabbiltà, fuq id-disponibbiltà ta' ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat preċedenti.

    (5)

    Barra minn hekk, jenħtieġ li ċertifikati ekwivalenti maħruġa minn pajjiżi terzi u ċertifikati li kienu nħarġu fil-qafas ta' ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni mal-Unjoni qabel l-istabbiliment tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) jiġu aċċettati wkoll bħala alternattiva għaċ-ċertifikati tar-rilaxx awtorizzat (il-Formola 1 tal-EASA).

    (6)

    Meta wieħed iqis li ċ-ċertifikati jinħarġu f'forma elettronika, jenħtieġ li jkun possibbli li ċ-ċertifikati jsiru disponibbli jew bl-użu ta' tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data jew inkella b'mezzi oħra għall-finijiet li jittieħed benefiċċju mis-sospensjoni.

    (7)

    Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli doganali, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera jkun fihom referenza għan-numru ta' identifikazzjoni taċ-ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat jew, fil-każ ta' tiswija jew manutenzjoni ta' oġġetti li jkunu tilfu l-istatus tagħhom tal-ajrunavigabbiltà, għan-numru ta' identifikazzjoni taċ-ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat preċedenti.

    (8)

    L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu opinjoni esperta minn rappreżentant tal-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni, bi spiża għall-importatur, meta jkollhom suspett li ċ-ċertifikat ġie ffalsifikat. Madankollu, qabel tittieħed din l-azzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali jikkunsidraw ir-riskju li l-ispiża tal-opinjoni esperta tissupera l-benefiċċju lill-importatur tas-sospensjoni tad-dazji, f'każ li skont l-opinjoni esperta r-regoli għall-ħruġ ta' dawk iċ-ċertifikati ma nkissrux.

    (9)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex din tistabbilixxi lista tal-intestaturi, is-subintestaturi u l-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (3) li skonthom l-oġġetti eliġibbli għal sospensjoni skont dan ir-Regolament huma kklassifikati, u biex tistabbilixxi lista ta' ċertifikati li jitqiesu ekwivalenti għaċ-ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat, il-Formola 1 tal-EASA. Dawn is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (10)

    Fid-dawl tal-bidliet estensivi miġjuba b'dan ir-Regolament rigward il-prodotti eliġibbli għas-sospensjoni tad-dazji awtonomi doganali, iċ-ċertifikati tar-rilaxx awtorizzat aċċettabbli u l-proċeduri, kif ukoll fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1147/2002 jitħassar,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Id-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għall-partijiet, il-komponenti u oġġetti oħra tat-tip maħsuba li jiġu inkorporati fl-inġenji tal-ajru jew użati għall-inġenji tal-ajru u partijiet minnhom fil-proċess tal-manifattura, it-tiswija, il-manutenzjoni, il-bini mill-ġdid, il-modifika jew il-konverżjoni għandhom jiġu sospiżi.

    Dawk id-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni għandhom jiġu sospiżi wkoll għal oġġetti li jkunu tilfu l-istatus tal-ajrunavigabbiltà tagħhom meta jkunu ġew importati għat-tiswija jew il-manutenzjoni.

    2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi lista tal-intestaturi, is-subintestaturi u l-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda stabbilita fir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 li skontha l-oġġetti eliġibbli għas-sospensjoni huma kklassifikati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 4(2).

    Artikolu 2

    1.   Sabiex l-oġġetti jibbenefikaw mis-sospensjoni stipulata fl-Artikolu 1, id-dikjarant għandu jagħmel disponibbli ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat, il-Formola 1 tal-EASA, kif stabbilita fl-Appendiċi I tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 748/2012, jew ċertifikat ekwivalenti, lill-awtoritajiet doganali meta tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. Iċ-ċertifikat għandu jitpoġġa għad-dispożizzjoni bl-użu ta' tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data jew mezzi oħra.

    Id-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera għandu jkun fiha referenza għan-numru ta' identifikazzjoni taċ-ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat jew, fil-każ ta' tiswija jew manutenzjoni ta' oġġetti li jkunu tilfu l-istatus tagħhom tal-ajrunavigabbiltà, għan-numru ta' identifikazzjoni taċ-ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat preċedenti.

    2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta' ċertifikati li huma meqjusa bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikat tar-rilaxx awtorizzat, il-Formola 1 tal-EASA. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 4(2).

    Artikolu 3

    Meta l-awtoritajiet doganali jkollhom raġuni valida li jissuspettaw li ċertifikat li tpoġġa għad-dispożizzjoni tagħhom skont l-Artikolu 2(1) ikun ġie ffalsifikat, jistgħu jitolbu opinjoni esperta minn rappreżentant tal-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni. L-importatur għandu jħallas l-ispejjeż tal-opinjoni esperta.

    Meta jiddeċiedu dwar jekk għandhomx jitolbu opinjoni esperta, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkunsidraw ir-riskju li l-ispiża tal-opinjoni esperta tissupera l-benefiċċju għall-importatur tas-sospensjoni tad-dazji, fil-każ li skont l-opinjoni esperta r-regoli għall-ħruġ ta' dawk iċ-ċertifikati ma jkunux inkissru.

    Artikolu 4

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bl-Artikolu 285 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 5

    Ir-Regolament (KE) Nru 1147/2002 huwa mħassar. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mid-19 ta' April 2018. Madankollu, l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2(1) u l-Artikoli 3 u 5 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 2(2), u mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2018.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' April 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. PORODZANOV


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1147/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni dwar ċerti prodotti importati b'ċertifikati li tajbin għat-tajran (ĠU L 170, 29.6.2002, p. 8).

    (2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta' Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta' inġenji tal-ajru u ta' prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).

    (3)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

    (4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (5)  Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


    Top