Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0063

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/63 tas-26 ta' Settembru 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/571 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-awtorizzazzjoni, ir-rekwiżiti organizzazzjonali u l-pubblikazzjoni tat-tranżazzjonijiet għall-fornituri tas-servizzi tar-rapportar tad-dejta (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/6337

ĠU L 12, 17.1.2018, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/63/oj

17.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 12/2


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/63

tas-26 ta' Settembru 2017

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/571 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-awtorizzazzjoni, ir-rekwiżiti organizzazzjonali u l-pubblikazzjoni tat-tranżazzjonijiet għall-fornituri tas-servizzi tar-rapportar tad-dejta

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-15 ta' Mejju 2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 65(8)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/571 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti organizzazzjonali għall-fornituri tas-servizzi ta' rapportar tad-data, inklużi tal-fornituri tat-tape konsolidat (CTPs) għall-istrumenti tal-ekwità. Peress li d-dettalji li jispeċifikaw l-arranġamenti tal-pubblikazzjoni tat-tape konsolidat għall-istrumenti mhux tal-ekwità, bħal bonds, prodotti finanzjarji strutturati, kwoti tal-emissjonijiet u derivattivi huma relatati mill-qrib mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2017/571, jixraq li jkun speċifikat ukoll l-ambitu tat-tape konsolidat għall-istrumenti mhux tal-ekwità fl-istess Regolament Delegat u għalhekk li jiġi emendat ir-Regolament Delegat (UE) 2017/571.

(2)

Biex ikun stabbilit qafas li jipprovdi inċentivi kummerċjali biex jiġi operat tape konsolidat għal strumenti mhux tal-ekwità, is-CTPs għandhom jitħallew joperaw tape konsolidat li jkopri biss klassi waħda ta' assi jew diversi klassijiet ta' assi.

(3)

Is-CTPs għandhom jiżguraw li jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa dwar tranżazzjonijiet li tkopri mill-inqas 80 fil-mija tal-volum totali u l-għadd ta' tranżazzjonijiet ippubblikati fis-sitt xhur preċedenti għal kull klassi rilevanti ta' assi permezz ta' arranġamenti approvati ta' pubblikazzjoni (APAs) u taċ-ċentri tan-negozjar. Dan l-approċċ jiżgura li s-CTPs jippubblikaw informazzjoni li tkun sinifikanti mill-perspettiva tal-utenti filwaqt li jiġu evitati spejjeż għoljin li jirriżultaw mill-inklużjoni tal-informazzjoni kollha ppubblikata mill-APAs u miċ-ċentri tan-negozjar kollha.

(4)

Is-CTPs għandhom jingħataw biżżejjed żmien biex jissodisfaw il-proporzjonijiet ta' kopertura stabbiliti f'dan ir-Regolament fil-każ li jkunu jeħtieġu jżidu ċentri tan-negozjar u APAs ġodda fl-istream tad-data tagħhom.

(5)

Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet marbuta mas-CTPs mhux tal-ekwità u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE jibdew japplikaw mill-istess data. Biex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr intoppi tar-reġim il-ġdid, huwa meħtieġ li l-ewwel perjodu biex jiġu ddeterminati l-proporzjonijiet tal-kopertura li jridu jintlaħqu mis-CTP, ikopri l-perjodu li jibda mill-1 ta' Jannar 2019.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

(7)

L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/571 huwa emendat kif ġej:

(1)

Jiddaħħal l-Artikolu 15 a li ġej:

“Artikolu 15a

Il-kamp ta' applikazzjoni tat-tejp ikkonsolidat għall-bonds, għall-prodotti finanzjarji strutturati, għall-kwoti tal-emissjonijiet u għad-derivattivi

1.   CTP għandu jinkludi fl-istream tad-dejta elettronika tiegħu d-dejta ta' klassi waħda jew aktar minn dawn il-klassijiet ta' assi li ġejjin:

(a)

bonds, ħlief komoditajiet innegozjati fil-borża (ETCs) u noti nnegozjati fil-borża (ETNs);

(b)

Tipi ta' bonds ETC u ETN

(c)

prodotti finanzjarji strutturati;

(d)

derivattivi titolizzati;

(e)

derivattivi tar-rati tal-imgħax;

(f)

derivattivi tal-kambju;

(g)

derivattivi tal-ekwità;

(h)

derivattivi tal-komoditajiet;

(i)

derivattivi tal-kreditu;

(j)

kuntratti għad-differenza;

(k)

Derivattivi C10;

(l)

Derivattivi tal-kwoti tal-emissjonijiet;

(m)

kwoti tal-emissjonijiet.

2.   CTP għandu jinkludi fl-istream tad-dejta elettronika tiegħu d-dejta li saret pubblika skont l-Artikoli 10 u 21 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 li jissodisfaw dawn iż-żewġ proporzjonijiet ta' kopertura:

(a)

l-għadd ta' tranżazzjonijiet ippubblikati minn CTP fi klassi ta' assi elenkata fil-paragrafu 1 jirrappreżenta mill-inqas 80 % tal-għadd totali ta' tranżazzjonijiet fil-klassi relevanti ta' assi ppubblikata fl-Unjoni mill-APAs kollha u miċ-ċentri ta' negozjar kollha matul il-perjodu ta' valutazzjoni msemmi fil-paragrafu 3;

(b)

il-volum ta' tranżazzjonijiet ippubblikati minn CTP fi klassi ta' assi elenkata fil-paragrafu 1 jirrappreżenta mill-inqas 80 % tal-volum totali ta' tranżazzjonijiet fil-klassi relevanti ta' assi ppubblikata fl-Unjoni mill-APAs kollha u miċ-ċentri ta' negozjar kollha matul il-perjodu ta' valutazzjoni msemmi fil-paragrafu 3.

Għall-finijiet tal-punt (b), il-volum tat-tranżazzjonijiet għandhom jiġu ddeterminati skont il-kejl tal-volum speċifikat fit-Tabella 4 tal-Anness II mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 (*1).

3.   CTP għandu jivvaluta l-proporzjonijiet ta' kopertura stabbiliti fil-paragrafu 2 kull sitt xhur, abbażi ta' dejta li tkopri fis-6 xhur ta' qabel. Il-perjodi tal-valutazzjoni għandhom jibdew fl-1 ta' Jannar u fl-1 ta' Lulju ta' kull sena. L-ewwel perjodu għandu jkopri l-ewwel sitt xhur tas-sena 2019.

4.   CTP għandu jiżgura li jilħaq il-proporzjonijiet minimi ta' kopertura stabbiliti fil-paragrafu 2 mill-aktar fis possibbli, u f'kwalunkwe każ mhux aktar tard minn:

(a)

il-31 ta' Jannar tas-sena kalendarja wara l-perjodu li jkopri mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju;

(b)

il-31 ta' Lulju tas-sena kalendarja wara l-perjodu li jkopri mill-1 ta' Lulju sal-31 ta' Diċembru.

(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/583 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta' trasparenza għal ċentri tan-negozjar u ditti ta' investiment fir-rigward tal-bonds, il-prodotti finanzjarji strutturati, il-kwoti ta' emissjonijiet u d-derivattivi (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 229).”"

(2)

L-Artikolu 21 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 21

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-3 ta' Jannar 2018.

Madankollu, l-Artikolu 15a(4) għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019 u l-Artikoli 14(2), 15(1), (2) u (3), u 20(b) għandhom japplikaw mit-3 ta' Settembru 2019.”

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Settembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/571 tat-2 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar l-awtorizzazzjoni, ir-rekwiżiti organizzazzjonali u l-pubblikazzjoni ta' tranżazzjonijiet għal fornituri tas-servizzi ta' rapportar tad-dejta (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 126).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


Top