This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018L0958
Directive (EU) 2018/958 of the European Parliament and of the Council of 28 June 2018 on a proportionality test before adoption of new regulation of professions
Direttiva (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet
Direttiva (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet
PE/19/2018/REV/1
ĠU L 173, 9.7.2018, p. 25–34
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
9.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 173/25 |
DIRETTIVA (UE) 2018/958 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-28 ta’ Ġunju 2018
dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 46, l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-libertà professjonali hija dritt fundamentali. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) tiggarantixxi l-libertà professjonali, kif ukoll il-libertà tal-intrapriża. Il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma prinċipji fundamentali tas-suq intern minquxin fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Jenħtieġ li r-regoli nazzjonali li jorganizzaw l-aċċess għall-professjonijiet regolati għaldaqstant ma jikkostitwixxux ostaklu mhux ġustifikat jew sproporzjonat għall-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet fundamentali. |
(2) |
Fejn id-dritt tal-Unjoni ma jistipulax dispożizzjonijiet speċifiċi li jarmonizzaw ir-rekwiżiti dwar l-aċċess għal professjoni regolata jew l-eżerċitar tagħha, hija l-kompetenza ta’ Stat Membru li jiddeċiedi jekk u kif għandhu jirregola professjoni fi ħdan il-limiti tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità. |
(3) |
Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Mill-ġurisprudenza jirriżulta (3) li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw, jew li jistgħu jirrendu inqas attraenti, l-eżerċitar tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-TFUE jenħtieġ li jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri, huma jenħtieġu jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju; ikunu ġġustifikati minn objettivi ta’ interess pubbliku; ikunu adatti biex jiżguraw il-ksib tal-objettiv li jsegwu; u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv. |
(4) |
Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tinkludi obbligu għall-Istati Membri biex jivvalutaw il-proporzjonalità tar-rekwiżiti tagħhom li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, u sabiex jikkomunikaw ir-riżultati ta’ dik l-valutazzjoni lill-Kummissjoni, li tniedi il-“proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka”. Dak il-proċess ifisser li l-Istati Membri kellhom iwettqu analiżi tal-leġiżlazzjoni kollha tagħhom dwar il-professjonijiet kollha li kienu regolati fit-territorju tagħhom. |
(5) |
Ir-riżultati tal-proċess ta’ evalwazzjoni reċiproka wrew nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-kriterji li għandhom jintużaw mill-Istati Membri huma u jivvalutaw il-proporzjonalità tar-rekwiżiti li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, kif ukoll l-iskrutinju irregolari ta’ tali rekwiżiti fuq il-livelli kollha ta’ regolamentazzjoni. Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern u sabiex jiġu eliminati l-ostakli għal aċċess għal u l-eżerċitar ta’ ċerti attivitajiet ta’ impjegati jew ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, jenħtieġ li jkun hemm approċċ komuni fil-livell tal-Unjoni, li jipprevjeni l-adozzjoni ta’ miżuri sproporzjonati. |
(6) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’ Ottubru 2015 intitolata “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji”, il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li jiġi adottat qafas tal-proporzjonalità analitiku għall-Istati Membri biex jużawh meta jirrieżaminaw ir-regolamenti eżistenti tal-professjonijiet jew meta jipproponu oħrajn ġodda. |
(7) |
Din id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi regoli sabiex il-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità jitwettqu mill-Istati Membri qabel l-introduzzjoni ta’ regolamenti professjonali ġodda, jew qabel l-emenda ta’ regolamenti professjonali eżistenti, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li jiġu garantiti t-trasparenza u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. |
(8) |
L-attivitajiet koperti b’din id-Direttiva jenħtieġ li jikkonċernaw il-professjonijiet regolati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE. Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal rekwiżiti li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati eżistenti jew professjonijiet ġodda li l-Istati Membri qed jikkunsidraw li jirregolaw. Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika flimkien mad-Direttiva 2005/36/KE u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra stipulati f’att separat tal-Unjoni dwar l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjoni regolata partikolari. |
(9) |
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-organizzazzjoni u l-kontenut tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ professjonali tagħhom u b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jiddelegaw lil organizzazzjonijiet professjonali s-setgħa li jorganizzaw jew jissorveljaw l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali. Dispożizzjonijiet li ma jirrestrinġux l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, inkluż emendi editorjali, adattamenti tekniċi għall-kontenut ta’ korsijiet ta’ taħriġ jew il-modernizzazzjoni ta’ regolamenti dwar it-taħriġ, jenħtieġ li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Meta l-edukazzjoni jew taħriġ professjonali jikkonsisti f’attivitajiet li jkunu remunerati, jenħtieġ li jiġu ggarantiti l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
(10) |
Meta l-Istati Membri jittrasponu rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni ta’ professjoni speċifika stabbilita f’att separat tal-Unjoni li ma jħallix għażla lill-Istati Membri rigward il-mod eżatt kif għandhom jiġu trasposti, jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-proporzjonalità, kif mitluba mid-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-Direttiva, ma tiġix applikata. |
(11) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jserrħu fuq qafas regolatorju komuni bbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jikkonċernaw il-modi differenti biex tiġi regolata professjoni fl-Unjoni kollha. Hemm diversi modi biex tiġi regolata professjoni, pereżempju billi l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, attività partikolari jkunu riżervati għal detenturi ta’ kwalifika professjonali. L-Istati Membri jistgħu jirregolaw ukoll wieħed mill-modi ta’ eżerċitar ta’ professjoni billi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ titoli professjonali jew billi jimponu rekwiżiti ta’ kwalifiki biss fuq il-persuni li jaħdmu għal rashom, fuq il-professjonisti bil-paga, jew fuq il-maniġers jew ir-rappreżentanti legali tal-intrapriżi, speċjalment meta l-attività titwettaq minn persuna ġuridika fil-forma ta’ kumpaniji professjonali. |
(12) |
Qabel ma jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda, jew jemendaw dawk eżistenti, li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, l-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw il-proporzjonalità ta’ tali dispożizzjonijiet. Il-portata tal-valutazzjoni jenħtieġ li tkun proporzjonata għan-natura, għall-kontenut u għall-impatt tad-dispożizzjoni li tkun qed tiġi introdotta. |
(13) |
L-oneru tal-prova ta’ ġustifikazzjoni u ta’ proporzjonalità jinsab fuq l-Istati Membri. Ir-raġunijiet għar-regolamentazzjoni invokati minn Stat Membru permezz ta’ ġustifikazzjoni jenħtieġ għalhekk li jiġu akkumpanjati minn analiżi tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità tal-miżura adottata minn dak l-Istat Membru u minn evidenza speċifika li tissostanzja l-argumenti tiegħu. Minkejja li Stat Membru mhux neċessarjament irid jipproduċi studju speċifiku jew forma speċifika ta’ evidenza jew materjal li jistabbilixxu l-proporzjonalità ta’ tali miżura qabel l-adozzjoni tagħha, jenħtieġ li jwettaq analiżi oġġettiva, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ dak l-Istat Membru, li turi li jeżistu riskji ġenwini għall-ilħuq tal-objettivi ta’ interess pubbliku. |
(14) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tal-proporzjonalità, b’mod oġġettiv u indipendenti, inkluż meta professjoni tkun regolata b’mod indirett billi korp professjonali partikolari jingħata s-setgħa li jirregola. Dawk il-valutazzjonijiet jistgħu jinkludu opinjoni miksuba minn korp indipendenti, inklużi korpi eżistenti li jkunu parti mill-proċess leġiżlattiv nazzjonali, li l-Istati Membri kkonċernati jkunu qabbdu biex jipprovdi tali opinjoni. Dan huwa partikolarment importanti f’każijiet li fihom il-valutazzjoni ssir minn awtoritajiet lokali, korpi regolatorji jew organizzazzjonijiet professjonali, li l-prossimità akbar tagħhom għall-kundizzjonijiet lokali u l-għarfien speċjalizzat jistgħu f’ċerti każi jpoġġuhom f’pożizzjoni aħjar biex jidentifikaw l-aħjar mod biex jintlaħqu l-objettivi ta’ interess pubbliku, iżda li l-għażliet ta’ politika tagħhom jistgħu jipprovdu benefiċċji għall-operaturi stabbiliti b’detriment għall-parteċipanti ġodda fis-suq. |
(15) |
Huwa xieraq li l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet ġodda jew emendati li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati tiġi sorveljata wara l-adozzjoni tagħhom. Rieżami tal-proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali restrittiva fil-qasam tal-professjonijiet regolati jenħtieġ li jkun ibbażat mhux biss fuq l-objettiv ta’ dik il-miżura nazzjonali fil-mument tal-adozzjoni tagħha, iżda wkoll fuq l-effetti tagħha, ivvalutati wara l-adozzjoni tagħha. Il-valutazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-iżviluppi li seħħew fil-qasam tal-professjoni regolata minn mindu ġiet adottata l-miżura. |
(16) |
Kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza stabbilita, kwalunkwe restrizzjoni mhux ġustifikata li tirriżulta mid-dritt nazzjonali li tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija pprojbita, inkluż kwalunkwe diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità jew residenza. |
(17) |
Meta l-aċċess għal u l-eżerċitar ta’ attivitajiet ta’ impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom jiddependu fuq il-konformità ma’ ċerti rekwiżiti marbuta mal-kwalifiki professjonali speċifiċi, stabbiliti direttament jew indirettament mill-Istati Membri, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li dawn ir-rekwiżiti jkunu ġġustifikati mill-objettivi ta’ interess pubbliku, bħal dawk fis-sens tat-TFUE, jiġifieri l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika, jew minn raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, rikonoxxuti bħala tali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa neċessarju wkoll li jiġi ċċarat li dawn li ġejjin huma fost ir-raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja: il-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal-konsumatur, tar-riċevituri ta’ servizzi, anke billi tiġi ggarantita l-kwalità tax-xogħol artiġjanali, u tal-ħaddiema; is-salvagwardja tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja; l-iżgurar tal-ekwità fi tranżazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi u l-prevenzjoni tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u s-salvagwardja tal-effikaċja tas-superviżjoni fiskali; is-sikurezza tat-trasport; il-ħarsien tal-ambjent u l-ambjent urban; is-saħħa tal-annimali; il-proprjetà intellettwali; is-salvagwardja u l-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi tal-politika soċjali; u l-objettivi tal-politika kulturali. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, raġunijiet purament ekonomiċi, jiġifieri l-promozzjoni tal-ekonomija nazzjonali għad-detriment tal-libertajiet fundamentali, kif ukoll raġunijiet purament amministrattivi, bħat-twettiq ta’ kontrolli jew il-ġbir ta’ statistika, ma jistgħux jikkostitwixxu raġuni prevalenti ta’ interess pubbliku. |
(18) |
Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-livell ta’ protezzjoni li jixtiequ jagħtu lill-objettivi ta’ interess pubbliku u l-livell xieraq ta’ regolamentazzjoni, fi ħdan il-limiti tar-responsabbiltà. Il-fatt li Stat Membru jimponi regoli inqas stretti minn Stat Membru ieħor ma jfissirx li r-regoli ta’ dan tal-aħħar huma sproporzjonati u għaldaqstant inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. |
(19) |
Fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, skont l-Artikolu 168(1) tat-TFUE, għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Din id-Direttiva hija konformi bis-sħiħ ma’ dak l-objettiv. |
(20) |
Sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet li jintroduċu, u l-emendi li jagħmlu għad-dispożizzjonijiet eżistenti, ikunu proporzjonati, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw il-kriterji għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità u l-kriterji addizzjonali li jkunu rilevanti għall-professjoni regolata li tkun qed tiġi analizzata. Meta Stat Membru jkun beħsiebu jirregola professjoni jew jemenda regoli eżistenti, jenħtieġ li jieħu kont tan-natura tar-riskji relatati mal-objettivi ta’ interess pubbliku segwiti, b’mod partikolari r-riskji għar-riċevituri ta’ servizzi, inklużi l-konsumaturi, għall-professjonisti jew għall-partijiet terzi. Jenħtieġ li jiġi mfakkar ukoll li, fil-qasam tas-servizzi professjonali, normalment ikun hemm asimmetrija ta’ informazzjoni bejn il-konsumaturi u l-professjonisti, peress li l-professjonisti juru livell għoli ta’ għarfien tekniku li l-konsumaturi jista’ ma jkollhomx. |
(21) |
Ir-rekwiżiti marbuta mal-kwalifiki professjonali jenħtieġ li jitqiesu li huma meħtieġa biss meta l-miżuri eżistenti, bħal-liġi dwar is-sikurezza tal-prodotti jew il-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala adatti jew ġenwinament effettivi biex jintlaħaq l-objettiv segwit. |
(22) |
Biex tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, jenħtieġ li l-miżura tkun adatta sabiex tiggarantixxi l-ilħuq tal-objettiv segwit. Jenħtieġ li miżura tiġi kkunsidrata li hija adatta sabiex tiggarantixxi l-ilħuq tal-objettiv segwit biss jekk, tabilħaqq, hija tirrifletti l-intenzjoni li l-objettiv jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku, pereżempju meta riskji simili relatati ma’ ċerti attivitajiet ikunu indirizzati b’mod komparabbli u meta kwalunkwe eċċezzjoni għar-restrizzjonijiet involuti tkun applikata b’konformità mal-objettiv iddikjarat. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-miżura nazzjonali tikkontribwixxi b’mod effikaċi biex jintlaħaq l-objettiv segwit u għalhekk, meta ma jkollha ebda effett fuq ir-raġuni għal ġustifikazzjoni, jenħtieġ li ma tiġix ikkunsidrata li hija adatta. |
(23) |
L-impatt globali tal-miżura fuq il-moviment liberu tal-persuni u s-servizzi fl-Unjoni, fuq l-għażla tal-konsumatur u fuq il-kwalità tas-servizz ipprovdut jenħtieġ li jiġi debitament ikkunsidrat mill-Istati Membri. Abbażi ta’ dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jivverifikaw, b’mod partikolari, jekk il-portata tad-dispożizzjoni li tirrestrinġi l-aċċess għal jew l-eżerċitar ta’ professjonijiet regolati hijiex proporzjonata għall-importanza tal-objettivi segwiti u l-kisbiet mistennija. |
(24) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu paragun bejn il-miżura nazzjonali inkwistjoni u l-mezzi alternattivi, inqas restrittivi li jwasslu sabiex jintlaħaq l-istess objettiv filwaqt li jimponu inqas restrizzjonijiet. Meta l-miżuri jkunu ġġustifikati biss minħabba l-protezzjoni tal-konsumatur u meta r-riskji identifikati jkunu limitati għar-relazzjoni bejn il-professjonist u l-konsumatur u għaldaqstant ma jkunux jaffettwaw b’mod negattiv lil partijiet terzi, l-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw jekk l-objettiv tagħhom jistax jintlaħaq b’mezzi li huma nqas restrittivi mir-riżervazzjoni tal-attivitajiet għall-professjonisti. Pereżempju, meta l-konsumaturi jkunu jistgħu raġonevolment jagħmlu għażla bejn jekk jużawx is-servizzi ta’ professjonisti kkwalifikati jew le, jenħtieġ li jintużaw mezzi inqas restrittivi, bħalma huma l-protezzjoni tat-titolu professjonali jew ir-reġistrazzjoni f’reġistru professjonali. Ir-regolamentazzjoni permezz ta’ attivitajiet riżervati u titolu professjonali protett jenħtieġ li tiġi kkunsidrata f’każijiet li fihom il-miżuri għandhom l-għan li jipprevjenu riskju ta’ dannu gravi għall-objettivi ta’ interess pubbliku, bħalma hija s-saħħa pubblika. |
(25) |
Meta jkun rilevanti fid-dawl tan-natura u tal-kontenut tal-miżura li tkun qed tiġi analizzata, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu wkoll l-elementi li ġejjin: il-konnessjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet professjonali koperti minn professjoni u l-kwalifika professjonali meħtieġa; il-kumplessità tal-kompiti, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell, in-natura u t-tul tat-taħriġ jew l-esperjenza meħtieġa; l-eżistenza ta’ possibbiltajiet differenti biex tinkiseb il-kwalifika professjonali; jekk l-attivitajiet riżervati għal ċerti professjonisti jistgħux jiġu kondiviżi ma’ professjonisti oħra; u l-livell ta’ awtonomija fl-eżerċitar ta’ professjoni regolata, b’mod partikolari meta l-attivitajiet relatati ma’ professjoni regolata jkunu mwettqa taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ professjonist kwalifikat kif suppost. |
(26) |
Din id-Direttiva tqis il-progress xjentifiku u teknoloġiku, u tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, anke fl-ambjent diġitali. Fid-dawl tal-ħeffa tal-bidla teknoloġika u tal-iżviluppi xjentifiċi, aġġornamenti fir-rekwiżiti għall-aċċess jistgħu jkunu ta’ importanza partikolari għal numru ta’ professjonijiet, speċjalment għas-servizzi professjonali pprovduti b’mezzi elettroniċi. Meta Stat Membru jirregola professjoni, jenħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi jistgħu jnaqqsu jew iżidu l-asimmetrija tal-informazzjoni bejn il-professjonisti u l-konsumaturi. Meta l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi jġorru magħhom riskju għoli għall-objettivi ta’ interess pubbliku, huma l-Istati Membri li, meta jkun meħtieġ, iridu jinkoraġġixxu lill-professjonisti jibqgħu aġġornati ma’ dawk l-iżviluppi. |
(27) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu valutazzjoni komprensiva taċ-ċirkostanzi li fihom hija adottata u implimentata l-miżura u jeżaminaw b’mod partikolari l-effett tad-dispożizzjonijiet il-ġodda jew emendati meta kkombinati ma’ rekwiżiti oħra li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar, tal-professjoni. L-aċċess għal u l-eżerċitarta’ ċerti attivitajiet jistgħu jiddependu fuq il-konformità ma’ diversi rekwiżiti bħal regoli relatati mal-organizzazzjoni tal-professjoni, is-sħubija obbligatorja ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali, l-etika professjonali, is-superviżjoni u r-responsabbiltà. Għalhekk, meta jivvalutaw l-effett tad-dispożizzjonijiet ġodda jew emendati, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu r-rekwiżiti eżistenti, inklużi l-iżvilupp professjonali kontinwu, is-sħubija obbligatorja ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali, l-iskemi ta’ reġistrazzjoni jew ta’ awtorizzazzjoni, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi, ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ forma legali u r-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni azzjonarja, ir-restrizzjonijiet territorjali, ir-restrizzjonijiet multidixxiplinari u r-regoli tal-inkompatibbiltà, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kopertura ta’ assigurazzjoni, ir-rekwiżiti ta’ għarfien tal-lingwa, sal-punt meħtieġ biex jipprattikaw il-professjoni, ir-rekwiżiti tariffarji fissi minimi u/jew massimi, u r-rekwiżiti dwar ir-reklamar. |
(28) |
L-introduzzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali tista’ tkun adatta sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ interess pubbliku. Is-sempliċi fatt li l-effett individwali jew ikkombinat tagħhom jenħtieġ li jiġi vvalutat ma jfissirx li dawk ir-rekwiżiti huma prima facie sproporzjonati. Pereżempju, l-obbligu li wieħed isegwi żvilupp professjonali kontinwu jista’ jkun adatt sabiex jiġi żgurat li l-professjonisti jibqgħu aġġornati mal-iżviluppi fl-oqsma rispettivi tagħhom, sakemm dan ma jistipulax kundizzjonijiet diskriminatorji u sproporzjonati għad-detriment ta’ min jidħol ġdid. Bl-istess mod, is-sħubija obbligatorja ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali tista’ tiġi kkunsidrata xierqa meta dawk l-organizzazzjonijiet jew korpi professjonali jingħataw l-inkarigu mill-Istat biex jissalvagwardjaw l-objettivi rilevanti ta’ interess pubbliku, pereżempju fir-rigward tas-superviżjoni tal-eżerċitar leġittimu tal-professjoni, jew l-organizzazzjoni jew is-superviżjoni ta’ taħriġ professjonali kontinwu. Meta l-indipendenza ta’ professjoni ma tkunx tista’ tiġi ggarantita b’mod adegwat b’mezzi oħrajn, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-applikazzjoni ta’ salvagwardji, pereżempju billi jillimitaw il-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ persuni barra mill-professjoni jew jiddisponu li l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot iridu jinżammu minn persuni li jipprattikaw il-professjoni, sakemm tali salvagwardji ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-objettiv ta’ interess pubbliku. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jistabbilixxu rekwiżiti tariffarji fissi minimi u/jew massimi li l-fornituri tas-servizzi jridu jikkonformaw magħhom, speċjalment għas-servizzi meta dan ikun neċessarju għall-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ rimborż tal-ispejjeż, sakemm tali restrizzjoni tkun proporzjonata, u, meta jkun meħtieġ, jiġu pprovduti derogi mit-tariffi minimi u/jew massimi. Meta l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali tidduplika r-rekwiżiti, li diġà jkunu ġew introdotti minn Stat Membru fil-kuntest ta’ regoli jew proċeduri oħra, tali rekwiżiti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala proporzjonati biex jintlaħaq l-objettiv segwit. |
(29) |
Skont it-Titolu II tad-Direttiva 2005/36/KE, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq il-fornituri ta’ servizz stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li jipprovdu servizzi professjonali fuq bażi temporanja u ta’ kultant rekwiżiti jew restrizzjonijiet ipprojbiti f’dik id-Direttiva, bħalma huma l-awtorizzazzjoni minn, ir-reġistrazzjoni ma’, jew is-sħubija ma’, organizzazzjoni jew korp professjonali jew li jkollhom rappreżentanti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għall-finijiet tal-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjoni regolata. L-Istati Membri, meta jkun neċessarju, jistgħu jirrikjedu li l-fornituri ta’ servizz li jixtiequ jipprovdu servizzi fuq bażi temporanja, jipprovdu informazzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li trid issir qabel l-ewwel forniment ta’ servizz u jġeddu din id-dikjarazzjoni fuq bażi annwali. Għalhekk, sabiex jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ servizzi professjonali, jeħtieġ li jiġi mtenni, filwaqt li titqies in-natura temporanja jew ta’ kultant tas-servizz, li rekwiżiti, bħar-reġistrazzjoni awtomatika temporanja jew sħubija pro forma ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali, dikjarazzjonijiet minn qabel u rekwiżiti ta’ dokumenti, kif ukoll il-ħlas ta’ tariffa jew ta’ kwalunkwe imposta, jenħtieġ li jkunu proporzjonati. Dawn ir-rekwiżiti jenħtieġ li ma jwasslux għal piż sproporzjonat fuq il-fornituri ta’ servizz u jenħtieġ li ma jfixklux jew jagħmlu anqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jivvalutaw jekk ir-rekwiżit li jiġu pprovduti ċerti informazzjoni u dokumenti skont id-Direttiva 2005/36/KE u l-possibbiltà li jinkisbu dettalji ulterjuri permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern humiex proporzjonati u humiex suffiċjenti biex jevitaw riskju serju ta’ ċirkomvenzjoni tar-regoli applikabbli mill-fornituri ta’ servizz. Madankollu, din id-Direttiva jenħtieġ li ma tapplikax għal miżuri mfassla biex jiżguraw il-konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli. |
(30) |
Kif ikkonfermat mill-ġurisprudenza stabbilita, is-saħħa u l-ħajja tal-bniedem jokkupaw l-ewwel post fost l-interessi protetti mit-TFUE. Konsegwentement, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu debitament l-objettiv li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, meta jiġu vvalutati r-rekwiżiti għall-professjonijiet fis-settur tal-kura tas-saħħa, bħal attivitajiet riżervati, titolu professjonali protett, żvilupp professjonali kontinwu jew regoli relatati mal-organizzazzjoni tal-professjoni, is-superviżjoni u l-etika professjonali, filwaqt li jiġu rispettati l-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ, stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li r-regolamentazzjoni tal-professjonijiet fis-settur tal-kura tas-saħħa, li għandhom implikazzjonijiet fuq is-saħħa pubblika u s-sikurezza tal-pazjenti, tkun proporzjonata u tikkontribwixxi kemm għall-garanzija ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa, rikonoxxut bħala dritt fundamentali fil-Karta, kif ukoll għal kura tas-saħħa sikura, ta’ kwalità għolja u effiċjenti għaċ-ċittadini fit-territorju tagħhom. Meta jkunu qed jiġu stabbiliti politiki għal servizzi tal-kura tas-saħħa, jenħtieġ li titqies il-ħtieġa li jiġu żgurati l-aċċessibbiltà, kwalità għolja ta’ servizz, u provvista adegwata u sikura ta’ prodotti mediċinali, skont il-ħtiġijiet tas-saħħa pubblika fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-indipendenza professjonali tal-professjonisti fis-settur tal-kura tas-saħħa. Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet fis-settur tal-kura tas-saħħa, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-objettiv li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, inklużi l-aċċessibbiltà u kwalità għolja ta’ kura tas-saħħa għaċ-ċittadini, u provvista adegwata u sikura ta’ prodotti mediċinali, filwaqt li jitqies il-marġni ta’ diskrezzjoni msemmi fl-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva. |
(31) |
Huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern li jkun żgurat li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini, lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra, inklużi s-sħab soċjali, qabel ma jintroduċu rekwiżiti ġodda, jew jemendaw dawk eżistenti, li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati. L-Istati Membri jenħtieġ li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati kollha u jagħtuhom l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom. Meta jkun rilevanti u xieraq, l-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi b’konformità mal-proċeduri nazzjonali tagħhom. |
(32) |
L-Istati Membri jenħtieġ ukoll li jagħtu kunsiderazzjoni sħiħa lid-dritt taċ-ċittadini ta’ aċċess għall-ġustizzja, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Konsegwentement, b’konformità mal-proċeduri stabbiliti fid-dritt nazzjonali u fil-prinċipji kostituzzjonali, il-qrati nazzjonali jenħtieġ li jkunu kapaċi jivvalutaw il-proporzjonalità tar-rekwiżiti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, sabiex jiġi żgurat, għal kull persuna fiżika jew ġuridika, id-dritt għal rimedju effettiv kontra restrizzjonijiet għal-libertà professjonali, għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
(33) |
Għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prattiki, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jinkoraġġixxu l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni adegwata u aġġornata b’mod regolari ma’ Stati Membri oħra dwar ir-regolamentazzjoni tal-professjonijiet, kif ukoll dwar l-effetti ta’ tali regolamentazzjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffaċilita dak l-iskambju. |
(34) |
Sabiex tiżdied it-trasparenza u jiġu promossi l-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità bbażati fuq kriterji komparabbli, l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 346 tat-TFUE, jenħtieġ li tkun aċċessibbli faċilment fil-bażi tad-data tal-professjonijiet regolati, sabiex dan jippermetti lil Stati Membri u partijiet interessati oħra jressqu kummenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati. Dawk il-kummenti jenħtieġ li jitqiesu debitament mill-Kummissjoni fir-rapport ta’ sinteżi tagħha, maħruġ b’konformità mad-Direttiva 2005/36/KE. |
(35) |
Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li jiġu evitati restrizzjonijiet sproporzjonati fuq l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar qafas komuni għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-proporzjonalità qabel l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda, jew l-emenda ta’ dawk eżistenti, li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, bl-għan li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, u lanqas il-marġni ta’ diskrezzjoni biex jiddeċiedu jekk u kif għandhom jirregolaw professjoni fil-limiti tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi tal-Istati Membri li jirrestrinġu l-aċċess għal professjoni regolata jew l-eżerċitar tagħha, jew wieħed mill-modi ta’ eżerċitar tagħha, inkluż l-użu ta’ titoli professjonali u l-attivitajiet professjonali permessi skont dan it-titolu, li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE.
2. Meta rekwiżiti speċifiċi dwar ir-regolamentazzjoni ta’ professjoni partikolari jkunu stabbiliti f’att separat tal-Unjoni li ma jħallix għażla lill-Istati Membri rigward il-mod eżatt ta’ kif għandhom jiġu trasposti, id-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36/KE.
Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“titolu professjonali protett” tfisser forma ta’ regolamentazzjoni ta’ professjoni fejn l-użu tat-titolu f’attività professjonali jew fi grupp ta’ attivitajiet professjonali huwa soġġett, direttament jew indirettament, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, u fejn l-użu mhux xieraq ta’ dak it-titolu huwa soġġett għal sanzjonijiet; |
(b) |
“attivitajiet riżervati” tfisser forma ta’ regolamentazzjoni ta’ professjoni fejn l-aċċess għal attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali huwa riżervat, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi għal membri ta’ professjoni regolata li jkollhom kwalifika professjonali speċifika, inkluż meta l-attività hija maqsuma ma’ professjonijiet regolati oħrajn. |
Artikolu 4
Valutazzjoni ex ante ta’ miżuri ġodda u monitoraġġ
1. L-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni tal-proporzjonalità b’konformità mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva qabel ma jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda, jew jemendaw dawk eżistenti, li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati.
2. Il-portata tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun proporzjonata għan-natura, għall-kontenut u għall-impatt tad-dispożizzjoni.
3. Kwalunkwe dispożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata minn spjegazzjoni li tkun dettaljata biżżejjed li tippermetti evalwazzjoni tal-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
4. Ir-raġunijiet biex jitqies li dispożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 hija ġġustifikata u proporzjonata għandhom jiġu sostanzjati b’elementi kwalitattivi u, kull meta jkun possibbli u rilevanti, kwantitattivi.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 titwettaq b’mod oġġettiv u indipendenti.
6. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-konformità ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda jew emendati li jillimitaw l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, wara l-adozzjoni, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’kunsiderazzjoni dovuta għal kwalunkwe żvilupp li jkun seħħ mill-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati ’l hawn.
Artikolu 5
Nondiskriminazzjoni
Meta jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda, jew jemendaw dawk eżistenti, li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk id-dispożizzjonijiet ma jkunux diskriminatorji, kemm direttament kif ukoll indirettament, abbażi tan-nazzjonalità jew tar-residenza.
Artikolu 6
Ġustifikazzjoni minħabba objettivi ta’ interess pubbliku
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati li jkunu beħsiebhom jintroduċu u li l-emendi li jkunu beħsiebhom jagħmlu għad-dispożizzjonijiet eżistenti huma ġustifikati minn objettivi ta’ interess pubbliku.
2. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b’mod partikolari jekk id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 humiex oġġettivament ġustifikati abbażi tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika jew tas-saħħa pubblika, jew minn raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, bħall-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali; il-protezzjoni tal-konsumaturi, tar-riċevituri ta’ servizzi u tal-ħaddiema; is-salvagwardja tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja; l-iżgurar tal-ekwità fi tranżazzjonijiet kummerċjali; il-ġlieda kontra l-frodi u l-prevenzjoni tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u s-salvagwardja tal-effikaċja tas-superviżjoni fiskali; is-sikurezza tat-trasport; il-ħarsien tal-ambjent u l-ambjent urban; is-saħħa tal-annimali; il-proprjetà intellettwali; is-salvagwardja u l-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali; l-objettivi ta’ politika soċjali; u l-objettivi ta’ politika kulturali.
3. Raġunijiet ta’ natura purament ekonomika jew raġunijiet purament amministrattivi ma għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, li jiġġustifika restrizzjoni fuq l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati.
Artikolu 7
Proporzjonalità
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati, li jintroduċu, u li l-emendi li jagħmlu għal dispożizzjonijiet eżistenti, ikunu adattati sabiex jiggarantixxu l-ilħuq tal-objettiv segwit u ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.
2. Għal dak il-għan, qabel ma jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw:
(a) |
in-natura tar-riskji relatati mal-objettivi ta’ interess pubbliku segwiti, b’mod partikolari r-riskji għar-riċevituri ta’ servizz, inklużi l-konsumaturi, għall-professjonisti jew għall-partijiet terzi; |
(b) |
jekk ir-regoli eżistenti ta’ natura speċifika jew iżjed ġenerali, bħal dawk li jinsabu fil-liġi dwar is-sikurezza tal-prodotti jew fil-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, humiex biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv segwit; |
(c) |
l-idoneità tad-dispożizzjoni fir-rigward tal-adegwatezza tagħha sabiex jintlaħaq l-objettiv segwit u jekk din verament tirriflettix dan l-objettiv b’mod koerenti u sistematiku u għaldaqstant tindirizzax ir-riskji identifikati b’mod simili bħal f’attivitajiet komparabbli; |
(d) |
l-impatt fuq il-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi fl-Unjoni, fuq l-għażla tal-konsumatur u fuq il-kwalità tas-servizz ipprovdut; |
(e) |
il-possibilità li jintużaw mezzi inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess pubbliku; għall-finijiet ta’ dan il-punt, meta d-dispożizzjonijiet ikunu ġustifikati biss minħabba l-protezzjoni tal-konsumatur u meta r-riskji identifikati jkunu limitati għar-relazzjoni bejn il-professjonist u l-konsumatur, u għaldaqstant ma jkunux jaffettwaw b’mod negattiv lil partijiet terzi, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw b’mod partikolari jekk l-objettiv jistax jintlaħaq b’mezzi inqas restrittivi mir-riżervazzjoni tal-attivitajiet; |
(f) |
l-effett ta’ dispożizzjonijiet ġodda jew emendati meta kkombinati ma’ dispożizzjonijiet oħra li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjoni, u b’mod partikolari kif id-dispożizzjonijiet ġodda jew emendati, ikkombinati ma’ rekwiżiti oħra, jikkontribwixxu għall-istess objettiv ta’ interess pubbliku, u jekk dawn humiex meħtieġa biex dan jintlaħaq. |
L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll l-elementi li ġejjin meta dawn ikunu rilevanti għan-natura u għall-kontenut tad-dispożizzjoni li tkun qed tiġi introdotta jew emendata:
(a) |
il-konnessjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet koperti minn professjoni jew riżervati għaliha u l-kwalifika professjonali meħtieġa; |
(b) |
il-konnessjoni bejn il-kumplessità tal-kompiti kkonċernati u l-ħtieġa li dawk li jwettquhom jippossjedu kwalifiki professjonali speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell, in-natura u t-tul tat-taħriġ jew l-esperjenza meħtieġa; |
(c) |
il-possibbiltà li tinkiseb kwalifika professjonali permezz ta’ possibbiltajiet alternattivi; |
(d) |
jekk, u għaliex, l-attivitajiet riżervati għal ċerti professjonijiet jistgħu jew ma jistgħux ikunu kondiviżi ma’ professjonijiet oħra; |
(e) |
il-grad ta’ awtonomija fl-eżerċitar ta’ professjoni regolata u l-impatt tal-arranġamenti organizzattivi u superviżorji fuq l-ilħuq tal-objettiv segwit, b’mod partikolari meta l-attivitajiet relatati ma’ professjoni regolata jkunu mwettqa taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta’ professjonist kwalifikat kif suppost; |
(f) |
l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi li jistgħu effettivament inaqqsu jew iżidu l-asimmetrija tal-informazzjoni bejn il-professjonisti u l-konsumaturi; |
3. Għall-finijiet tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-effett tad-dispożizzjoni ġdida jew emendata meta kkombinata ma’ rekwiżit wieħed jew aktar, filwaqt li jitqies il-fatt li tali effetti jistgħu jkunu kemm pożittivi kif ukoll negattivi, u b’mod partikolari dawn li ġejjin:
(a) |
attivitajiet riżervati, titolu professjonali protett jew kwalunkwe forma oħra ta’ regolamentazzjoni fis-sens tal-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/36/KE; |
(b) |
obbligi biex jitwettaq żvilupp professjonali kontinwu; |
(c) |
regoli relatati mal-organizzazzjoni tal-professjoni, l-etika professjonali u s-superviżjoni; |
(d) |
sħubija obbligatorja ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali, skemi ta’ reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni, b’mod partikolari fejn dawk ir-rekwiżiti jimplikaw il-pussess ta’ kwalifika professjonali speċifika; |
(e) |
restrizzjonijiet kwantitattivi, b’mod partikolari r-rekwiżiti li jillimitaw l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prattika, jew li jiffissaw numru minimu jew massimu ta’ impjegati, maniġers jew rappreżentanti li għandhom kwalifiki professjonali speċifiċi; |
(f) |
rekwiżiti ta’ forma legali speċifika jew rekwiżiti relatati mal-parteċipazzjoni azzjonarja jew il-ġestjoni ta’ kumpanija, sa fejn dawn ir-rekwiżiti huma marbuta direttament mal-eżerċitar tal-professjoni regolata; |
(g) |
restrizzjonijiet territorjali, anke fejn il-professjoni hija regolata f’partijiet tat-territorju ta’ Stat Membru b’manjiera li tkun differenti għall-mod li bih hija regolata f’partijiet oħra; |
(h) |
rekwiżiti li jirrestrinġu l-eżerċitar ta’ professjoni regolata b’mod konġunt jew bi sħab, kif ukoll regoli ta’ inkompatibbiltà; |
(i) |
rekwiżiti li jikkonċernaw il-koperatura tal-assigurazzjoni jew mezzi oħra ta’ protezzjoni personali jew kollettiva li jirrigwardaw ir-responsabbiltà professjonali; |
(j) |
rekwiżiti ta’ għarfien tal-lingwa, sal-punt meħtieġ biex tiġi prattikata l-professjoni; |
(k) |
rekwiżiti tariffarji fissi minimi u/jew massimi; |
(l) |
rekwiżiti dwar ir-reklamar. |
4. Qabel ma jintroduċu dispożizzjonijiet ġodda, jew jemendaw dawk eżistenti, l-Istati Membri, barra minn hekk, għandhom jiżguraw il-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ rekwiżiti speċifiċi relatati mal-forniment temporanja jew ta’ kultant ta’ servizzi, previst skont it-Titolu II tad-Direttiva 2005/36/KE, inklużi:
(a) |
reġistrazzjoni awtomatika temporanja jew sħubija pro forma ma’ organizzazzjoni jew korp professjonali, imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/36/KE, |
(b) |
dikjarazzjoni li għandha ssir bil-quddiem skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/36/KE, dokumenti meħtieġa skont il-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu jew kwalunkwe rekwiżit ekwivalenti ieħor; |
(c) |
il-ħlas ta’ tariffa jew kwalunkwe imposta meħtieġa għall-proċeduri amministrattivi, relatata mal-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati li l-fornitur ta’ servizz iġarrab. |
Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal miżuri mfassla biex jiżguraw il-konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli li l-Istati Membri japplikaw skont id-dritt tal-Unjoni.
5. Meta d-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu jikkonċernaw ir-regolamentazzjoni tal-professjonijiet fis-settur tal-kura tas-saħħa u jkollhom implikazzjonijiet fuq is-sikurezza tal-pazjenti, l-Istati Membri għandhom iqisu l-objettiv li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.
Artikolu 8
Informazzjoni u involviment tal-partijiet ikkonċernati
1. L-Istati Membri għandhom, b’mezzi xierqa, jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għaċ-ċittadini, għar-riċevituri ta’ servizz u għall-partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inklużi dawk li mhumiex membri tal-professjoni kkonċernata, qabel ma jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ġodda, jew jemendaw dawk eżistenti, li jirrestrinġu l-aċċess għal, jew l-eżerċitar ta’, professjonijiet regolati.
2. L-Istati Membri għandhom jinvolvu kif xieraq lill-partijiet ikkonċernati kollha u għandhom jagħtuhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom. Meta jkun rilevanti u xieraq, l-Istati Membri għandhom iwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi b’konformità mal-proċeduri nazzjonali tagħhom.
Artikolu 9
Rimedju effettiv
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun disponibbli rimedju effettiv fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva, b’konformità mal-proċeduri stabbiliti fid-dritt nazzjonali.
Artikolu 10
L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri
1. Għall-finijiet tal-applikazzjoni effiċjenti ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri dwar kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva u dwar il-mod partikolari li huma jirregolaw professjoni, jew dwar l-effetti ta’ tali regolamentazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita tali skambju ta’ informazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għat-trażmissjoni u l-wasla ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1.
Artikolu 11
Trasparenza
1. Ir-raġunijiet biex jitqies li d-dispożizzjonijiet, valutati skont din id-Direttiva, huma ġustifikati u proporzjonati, li, flimkien mad-dispożizzjonijiet, iridu jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 59(5) tad-Direttiva 2005/36/KE, għandhom jiġu reġistrati mill-Istati Membri fil-bażi tad-data tal-professjonijiet regolati, imsemmija fl-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2005/36/KE u għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni.
2. L-Istati Membri u partijiet interessati oħra jistgħu jissottomettu kummenti lill-Kummissjoni jew lill-Istat Membru li kkomunika d-dispożizzjonijiet u r-raġunijiet għaliex iqis li huma ġustifikati u proporzjonati. Dawn il-kummenti għandhom jiġu kkunsidrati debitament mill-Kummissjoni fir-rapport ta’ sinteżi tagħha maħruġ skont l-Artikolu 59(8) tad-Direttiva 2005/36/KE.
Artikolu 12
Rieżami
1. Sat-18 ta’ Jannar 2024 u darba kull ħames snin minn dakinhar ’l hemm, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż, fost aspetti oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u l-effikaċja tagħha.
2. Fejn xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun akkumpanjat minn proposti rilevanti.
Artikolu 13
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Lulju 2020. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl- għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 15
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2018.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
L. PAVLOVA
(1) ĠU C 288, 31.8.2017, p. 43.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Ġunju 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2018.
(3) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, ECLI:EU:C:1995:411, paragrafu 37.
(4) Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).