EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018L0741

Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/741 tal-1 ta' Marzu 2018 li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb bħala element ta' lligar fir-ram (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2018/1075

ĠU L 123, 18.5.2018, p. 109–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2018/741/oj

18.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/109


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/741

tal-1 ta' Marzu 2018

li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb bħala element ta' lligar fir-ram

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih iċ-ċomb.

(2)

Il-punt 6(c) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE eżenta l-użu taċ-ċomb bħala element ta' lligar fir-ram li jkun fih sa 4 % ċomb skont il-piż sal-21 ta' Lulju 2016. Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid ta' din l-eżenzjoni fir-rigward tal-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 qabel l-21 ta' Jannar 2015, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(3)

Iċ-ċomb fil-ligi tar-ram jaġixxi bħala element li jkisser iċ-ċippi u lubrikant u bih il-ligi tar-ram ikunu jistgħu jinħaddmu aħjar bil-magni, u jipprovdi proprjetajiet oħra lill-komponent lest, bħal pereżempju reżistenza għall-korrużjoni.

(4)

Bħalissa, l-alternattivi għall-użu tal-ligi tar-ram li jkun fihom sa 4 % ċomb skont il-piż ma jistgħux jiġu identifikati bħala xjentifikament jew teknikament pratikabbli. Għalhekk, tiġdid tal-eżenzjoni għal tul ta' żmien ta' ħames snin wara d-data ta' skadenza preċedenti huwa ġustifikat sabiex jippermetti t-twettiq ta' stħarriġ komprensiv tal-katina ta' provvista.

(5)

Għall-kategoriji 1 sa 7 u għall-kategorija 10, l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġġedded sal-21 ta' Lulju 2021 sabiex ikun jista' jitwettaq stħarriġ tal-katina ta' provvista sabiex jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjoni meta jsir ir-rieżami li jmiss. Għal kategoriji oħrajn għajr il-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10, l-eżenzjoni attwali tibqa' tgħodd skont il-perjodi ta' validità stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE.

(6)

Għalhekk id-Direttiva 2011/65/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2019 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Lulju 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 6(c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6(c)

Liga tar-ram li jkun fiha sa 4 % ċomb skont il- piż

Jiskadi fi:

il-21 ta' Lulju 2021 għall-kategoriji 1-7 u l-kategorija 10;

il-21 ta' Lulju 2021 għall-kategoriji 8 u 9 għajr għall-apparat mediku dijanjostiku in vitro u l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali;

l-21 ta' Lulju 2023 għall-kategorija 8 l-apparat mediku dijanjostiku in vitro;

il-21 ta' Lulju 2024 għall-kategorija 9 l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali, u għall-kategorija 11.”


Top