Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018L0739

    Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/739 tal-1 ta' Marzu 2018 li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb bħala element ta' lligar fl-azzar (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2018/1094

    ĠU L 123, 18.5.2018, p. 103–105 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2018/739/oj

    18.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 123/103


    DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/739

    tal-1 ta' Marzu 2018

    li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb bħala element ta' lligar fl-azzar

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih iċ-ċomb.

    (2)

    Il-punt 6(a) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE eżenta l-użu taċ-ċomb bħala element ta' lligar fl-azzar għal skopijiet ta' xogħol bil-magni (machining) u fl-azzar galvanizzat sa 0,35 % ċomb skont il-piż sal-21 ta' Lulju 2016. Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid ta' din l-eżenzjoni fir-rigward tal-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 qabel l-21 ta' Jannar 2015, skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE.

    (3)

    Iċ-ċomb jiġi miżjud mal-azzar biex l-azzar ikun jista' jinħadem aħjar mill-magni għall-produzzjoni industrijali. Għandu effett ta' lubrikazzjoni li jiffaċilita t-tħaffir fil-fond u l-operazzjonijiet b'veloċità għolja. Il-galvanizzazzjoni huwa l-proċess li fih jiġi applikat kisi taż-żingu protettiv fuq l-azzar sabiex tiġi evitata l-korrużjoni.

    (4)

    Għalhemm l-azzar mingħajr ċomb huwa disponibbli għal xi applikazzjonijiet speċifiċi, is-sostituzzjoni fl-applikazzjonijiet l-oħra attwalment hija xjentifikament u teknikament imprattikabbli. Limitazzjoni ulterjuri tal-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjoni attwalment mhijiex fattibbli minħabba l-kumplessità għolja tal-katina tal-provvista.

    (5)

    Fl-azzar galvanizzat, minħabba l-progress fit-teknoloġija, iċ-ċomb għadu meħtieġ biss fl-azzar galvanizzat f'banju sħun u f'konċentrazzjoni aktar baxxa.

    (6)

    Minħabba li għall-applikazzjonijiet ikkonċernati fil-kategoriji 1 sa 7 u fil-kategorija 10, illum ma hemm l-ebda alternattiva affidabbli biżżejjed jew alternattiva li x'aktarx titqiegħed fis-suq dalwaqt, u fil-każ tal-azzar galvanizzat f'banju sħun, il-kontenut taċ-ċomb jirriżulta mill-impuritajiet miż-żingu riċiklat, perjodu ta' validità sal-21 ta' Lulju 2021 huwa ġustifikat għaż-żewġ applikazzjonijiet, filwaqt li perjodu iqsar jista' jiġġenera piz amministrattiv mhux meħtieġ għall-industrija. Għal kategoriji oħrajn għajr il-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10, l-eżenzjoni attwali tibqa' tgħodd skont il-perjodi ta' validità stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE.

    (7)

    Għalhekk id-Direttiva 2011/65/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2019 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

    Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Lulju 2019.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Marzu 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.


    ANNESS

    Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, il-punt 6(a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “6(a)

    Iċ-ċomb bħala element ta' lligar fl-azzar għal skopijiet ta' xogħol bil-magni (machining) u fl-azzar galvanizzat sa 0,35 % ċomb skont il-piż

    Jiskadi fil-:

    21 ta' Lulju 2021 għall-kategoriji 8 u 9 għajr għall-apparat mediku dijanjostiku in vitro u l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali;

    21 ta' Lulju 2023 għall-kategorija 8 l-apparat mediku dijanjostiku in vitro;

    21 ta' Lulju 2024 għall-kategorija 9 l-istrumenti ta' monitoraġġ u kontroll industrijali, u għall-kategorija 11.

    6(a)-I

    Iċ-ċomb bħala element ta' lligar fl-azzar għal skopijiet ta' xogħol bil-magni (machining) sa 0,35 % ċomb skont il-piż u fil-komponenti tal-azzar galvanizzat f'banju sħun sa 0,2 % ċomb skont il-piż

    Jiskadi fil-21 ta' Lulju 2021 għall-kategoriji 1-7 u għall-kategorija 10.”


    Top