Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018L0411

    Direttiva (UE) 2018/411 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2016/97 rigward id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni tal-Istati Membri (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    ĠU L 76, 19.3.2018, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/411/oj

    19.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 76/28


    DIRETTIVA (UE) 2018/411 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-14 ta' Marzu 2018

    li temenda d-Direttiva (UE) 2016/97 rigward id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni tal-Istati Membri

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tarmonizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw id-distribuzzjoni ta' prodotti tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u ta' prodotti ta' investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni minn intermedjarji tal-assigurazzjoni u kumpanniji tal-assigurazzjoni, u l-impjegati tagħhom, u minn intermedjarji tal-assigurazzjoni anċillari fl-Unjoni.

    (2)

    Skont l-Artikolu 42(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' dik id-Direttiva sat-23 ta' Frar 2018.

    (3)

    Fil-21 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolamenti Delegati (UE) 2017/2358 (3) u (UE) 2017/2359 (4) li jissupplimentaw id-Direttiva (UE) 2016/97.

    (4)

    Fid-deċiżjonijiet tiegħu li ma jqajjem l-ebda oġġezzjoni għar-Regolamenti Delegati (UE) 2017/2358 u (UE) 2017/2359, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tadotta proposta leġislattiva li tistabbilixxi l-1 ta' Ottubru 2018, minflok it-23 ta' Frar 2018, bħala d-data ta' applikazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mad-Direttiva (UE) 2016/97. Il-Parlament Ewropew issostanzja dik it-talba billi enfasizza l-ħtieġa li l-impriżi tal-assigurazzjoni u d-distributuri tal-assigurazzjoni jingħataw aktar ħin biex iħejju aħjar għal implimentazzjoni korretta u effettiva tad-Direttiva (UE) 2016/97 u biex jimplimentaw il-bidliet tekniċi u organizzattivi meħtieġa għall-konformità mar-Regolamenti Delegati (UE) 2017/2358 u (UE) 2017/2359.

    (5)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2016/97 tiġi emendata skont dan.

    (6)

    Minħabba l-perijodu qasir ħafna ta' żmien li fadal qabel ma l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali meħtieġa għall-konformità mad-Direttiva (UE) 2016/97 jiddaħħlu fis-seħħ, u sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u jiġi evitat tfixkil potenzjali fis-suq, jenħtieġ li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ b'urġenza u jenħtieġ li tapplika, b'effett retroattiv, mit-23 ta' Frar 2018.

    (7)

    Konsegwentement, f'dan il-każ huwa wkoll iġġustifikat li tiġi applikata l-eċċezzjoni għal każijiet urġenti prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva (UE) 2016/97 hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 42(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit bis-subparagrafi li ġejjin:

    “1.   Sal-1 ta' Lulju 2018, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

    L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 2018.”;

    (2)

    fl-Artikolu 44, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Id-Direttiva 2002/92/KE, kif emendata mid-Direttivi elenkati fil-Parti A tal-Anness II għal din id-Direttiva, titħassar b'effett mill-1 ta' Ottubru 2018, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri dwar il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi li jinsabu fil-Parti B tal-Anness II għal din id-Direttiva.”.

    Artikolu 2

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandha tapplika, b'effett retroattiv, mit-23 ta' Frar 2018.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Marzu 2018.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. PAVLOVA


    (1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2018.

    (2)  Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2358 tal-21 ta' Settembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta' sorveljanza u ta' governanza tal-prodotti għall-impriżi tal-assigurazzjoni u għad-distributuri tal-assigurazzjoni (ĠU L 341, 20.12.2017, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2359 tal-21 ta' Settembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti ta' informazzjoni u regoli tal-kondotta tal-operazzjonijiet applikabbli għad-distribuzzjoni ta' prodotti ta' investiment fl-assigurazzjoni (ĠU L 341, 20.12.2017, p. 8).


    Top