Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D2020

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2020 tal-4 ta' Diċembru 2018 li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018

    ST/14683/2018/INIT

    ĠU L 323, 19.12.2018, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/2020/oj

    19.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 323/16


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/2020

    tal-4 ta' Diċembru 2018

    li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2), ir-raba' subparagrafu, tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-22 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill iddeċieda b'konformità mal-Artikolu 121(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) li fir-Rumanija teżisti devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju ta' -1 % tal-PDG.

    (2)

    Fid-dawl tad-devjazzjoni sinifikanti stabbilita, fit-22 ta' Ġunju 2018 il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni (2) biex ir-Rumanija tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiggarantixxi li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett (3) ma taqbiżx it-3,3 % fl-2018 u l-5,1 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,8 % tal-PDG għal kull sena. Huwa rrakkomanda wkoll li r-Rumanija tuża kull qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit, filwaqt li jenħtieġ li l-miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarja jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir. Il-Kunsill stabbilixxa skadenża tal-15 ta' Ottubru 2018 biex ir-Rumanija tirrapporta dwar l-azzjoni li tkun ħadet b'reazzjoni għal dik ir-Rakkomandazzjoni.

    (3)

    Fis-27 u t-28 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni wettqet missjoni ta' sorveljanza msaħħa fir-Rumanija għall-fini ta' monitoraġġ fuq il-post skont l-Artikolu -11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Wara li s-sejbiet provviżorji ġew trażmessi lill-awtoritajiet Rumeni għall-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni rrapportat is-sejbiet tagħha lill-Kunsill fil-21 ta' Novembru 2018. Dawk is-sejbiet sussegwentement saru pubbliċi. Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonstata li l-awtoritajiet Rumeni iżommu l-mira tad-defiċit nominali tal-2018 ta' ftit inqas minn 3 % tal-PDG u għalhekk ma għandhomx l-intenzjoni li jieħdu azzjoni fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018. Fl-2019, il-Gvern qed jippjana li jnaqqas id-defiċit nominali għal 2,38 % tal-PDG, iżda l-miżuri għad iridu jiġu speċifikati.

    (4)

    Fis-16 ta' Ottubru 2018, l-awtoritajiet Rumeni preżentaw rapport dwar l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018 (4). Fir-rapport, l-awtoritajiet tennew li l-mira tagħhom għall-2018 jibqa' defiċit nominali ta' 2,96 % tal-PDG. Għall-2019, l-awtoritajiet qed jimmiraw għal defiċit ta' 2,38 % tal-PDG. Ir-rapport ma jsemmix miżuri ġodda għall-2018. Għall-2019, ir-rapport iserraħ fqu trażżin fl-infiq fuq il-kumpens għall-impjegati u l-merkanzija u servizzi, mingħajr ma huwa appoġjjat b'miżuri suffiċjentement dettaljati u adottati jew mill-anqas imħabbra b'mod kredibbli. Fuq in-naħa tad-dħul, ir-rapport isemmi prolungament ta' miżuri diġà eżistenti u xi azzjonijiet intiżi biex tiżdied il-konformità mar-regoli tat-taxxa. B'mod ġenerali, l-impatt fiskali tal-miżuri rrappurtati ma jissodisfawx ir-rekwiżit iddikjarat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018.

    (5)

    Fl-2018, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2018, it-tkabbir tal-infiq pubbliku primarju nett huwa mistenni jammonta għal 11,3 %, 'il fuq sew mill-parametru referenzjarju għall-infiq ta' 3,3 %. Il-bilanċ strutturali huwa mistenni li jibqa' stabbli b'mod ġenerali fl-2018, għal 3,3 % tal-PDG. Għalhekk, iż-żewġ pilastri jindikaw riskju ta' devjazzjoni mill-aġġustament rakkomandat. Il-parametru referenzjarju tal-infiq jindika devjazzjoni ta' 2,3 % tal-PDG. Il-bilanċ strutturali jikkonferma din l-interpretazzjoni, u jindika devjazzjoni iżgħar ta' 0,8 % tal-PDG. Il-bilanċ strutturali huwa milqut b'mod pożittiv minn deflatur tal-PDG ogħla b'mod sinifikanti u b'punt aktar għoli fl-istima għat-tkabbir tal-PDG potenzjali meta mqabbla mal-medja fuq terminu medju sottostanti għall-valur referenzjarju tan-nefqa. Dan huwa kkumpensat parzjalment mill-impatt ta' żieda tal-investiment pubbliku, li hija msqassma fil-parametru referenzjarju tan-nefqa. Għalhekk, il-valutazzjoni ġenerali tikkonferma d-devjazzjoni b'marġni wiesa' mill-aġġustament rakkomandat mill-Kunsill.

    (6)

    Fl-2019, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa tal-2018, it-tkabbir nominali tan-nefqa tal-gvern, nett tal-miżuri diskrezjonarji tad-dħul u ta' darba huwa mistenni li jammonta għal 7,5 %,'il fuq sew mill-parametru referenzjarju għall-infiq ta' 5,1 % (devjazzjoni ta' 0,7 % tal-PDG mill-perkors ta' aġġustament rakkomandat). Il-bilanċ strutturali huwa mistenni li jonqos b' 0,1 % tal-PDG, u jilħaq defiċit ta' 3,4 % (distakk ta' 0,9 % tal-PDG). Għalhekk, peress li ż-żewġ pilastri jindikaw devjazzjoni mill-aġġustament meħtieġ b'marġini simili fl-2019, il-valutazzjoni kumplessiva tikkonferma d-devjazzjoni mill-pjan ta' aġġustament rakkomandat mill-Kunsill.

    (7)

    Aktar minn hekk, it-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa tal-2018 jipproġetta defiċit pubbliku ta' 3,3 % fl-2018 u 3,4 % fl-2019, li hu ogħla mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG.

    (8)

    Is-sejbiet ta' hawn fuq iwasslu għall-konklużjoni li r-reazzjoni tar-Rumanija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018 ma kinitx biżżejjed. L-isforz fiskali ma jiżgurax li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma teċċedix 3,3 % fl-2018 u 5,1 % fl-2019, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,8 % tal-PDG għal kull sena,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-Rumanija ma ħaditx azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LÖGER


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 223, 27.6.2018, p. 3).

    (3)  In-nefqa pubblika primarja netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa pubblika totali bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni kompletament korrisposti mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil nondiskrezzjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata fil-livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Miżuri ta' dħul diskrezzjonali jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma nnettjati.

    (4)  Disponibbli fis-sit http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13279-2018-INIT/en/pdf


    Top