EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1716

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1716 tat-13 ta' Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/776/UE li tistabbilixxi “L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura”

C/2018/7436

ĠU L 286, 14.11.2018, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2021; Impliċitament imħassar minn 32021D0173

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1716/oj

14.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/33


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1716

tat-13 ta' Novembru 2018

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/776/UE li tistabbilixxi “L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura”

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/1475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li se joffri liż-żgħażagħ opportunitajiet biex jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' solidarjetà. Il-programm se jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati ħtiġijiet soċjetali li għadhom ma ġewx issodisfati, kif ukoll biex jissaħħu l-komunitajiet, filwaqt li se jittejjeb l-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali, ċiviku u professjonali taż-żgħażagħ.

(2)

Il-ġestjoni ta' parti mill-azzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà tinvolvi l-implimentazzjoni ta' proġetti tekniċi li ma jimplikawx it-teħid ta' deċiżjonijiet ta' natura politika u li jitolbu livell għoli ta' kompetenza teknika u finanzjarja tul iċ-ċiklu tal-proġett.

(3)

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (minn hawn 'l quddiem “l-Aġenzija”) tat prova ta' strateġija effettiva għall-ġestjoni ta' programmi tal-Unjoni. Tul is-snin kompliet trawwem kompetenzi, ħiliet u kapaċitajiet fil-ġestjoni tal-programmi li ġew iddelegati lilha.

(4)

Analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, imwettqa skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 58/2003, issottolinjat il-vantaġġi kwantitattivi u kwalitattivi tal-iddelegar tal-ġestjoni ta' parti mill-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà lill-Aġenzija.

(5)

L-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji sabet li l-għażla tal-iddelegar, meta mqabbla mal-alternattiva ta' xogħol intern, hija iktar effiċjenti u kosteffettiv b'marġni ta' 30 % f'termini ta' valur preżenti nett għall-kompiti li jridu jiġu ġġestiti mill-Aġenzija. L-attivitajiet il-ġodda maħsubin li jiġu ddelegati lill-Aġenzija jaqblu mal-mandat u l-missjoni attwali tagħha. Fl-istess ħin jirrappreżentaw tkomplija tal-attivitajiet preżenti tagħha, fosthom il-proġetti tas-Servizz Volontarju Ewropew iddelegati lilha mill-Programm Erasmus+, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jibbenefikaw mill-esperjenza akkumulata tal-Aġenzija fil-ġestjoni tal-programmi. Mill-banda l-oħra, arranġament intern kieku joħloq ix-xkiel, billi l-attivitajiet maħsubin li jiġu ddelegati qatt ma ġġestewhom internament id-Direttorati Ġenerali superjuri, li ma għandhomx biżżejjed kapaċità biex jagħmlu dan.

(6)

Għaldaqstant, ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta' partijiet tal-azzjoni l-ġdida tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà skont ir-Regolament (UE) 2018/1475 jenħtieġ li tiġi kkonferita lill-Aġenzija, u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/776/UE (4) jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq.

(7)

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti maż-żmien ta' din id-Deċiżjoni u tal-azzjoni kkonċernata, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-Aġenzija twettaq il-kompiti tagħha marbutin mal-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni mid-data li fiha jidħol fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2018/1475.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Aġenziji Eżekuttivi.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/776/UE, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1), jiżdied il-punt (f) li ġej:

“(f)

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

L-Aġenzija hija inkarigata wkoll bil-forniment ta' servizzi lil programmi oħra tal-Unjoni li jikkontribwixxu lejn l-objettivi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li jissemmew fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament li jistabbilixxi l-qafas legali għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (*1).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att bażiku li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (5).

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta' Ottubru 2018 li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1288/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE (ĠU L 250, 4.10.2018, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/776/UE tat-18 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi “L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura” u li tħassar id-Deċiżjoni 2009/336/KE (ĠU L 343, 19.12.2013, p. 46).

(5)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 2.


Top