This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018D1714
Council Decision (EU) 2018/1714 of 6 November 2018 on the position to be taken on behalf of the European Union within the Joint Committee established by the Framework Agreement between the European Union and its Member States, of the one part, and Australia, of the other part, as regards the adoption of the rules of procedure of the Joint Committee and the adoption of the terms of reference of its sub-committees and working groups
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1714 tas-6 ta' Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-adozzjoni tat-termini ta' referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma tiegħu
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1714 tas-6 ta' Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-adozzjoni tat-termini ta' referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma tiegħu
ST/12606/2018/INIT
ĠU L 286, 14.11.2018, p. 22–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
14.11.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 286/22 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1714
tas-6 ta' Novembru 2018
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-adozzjoni tat-termini ta' referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma tiegħu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, fuq in-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat f'Manila fis-7 ta' Awwissu 2017 u ġie applikat b'mod proviżorju f'parti mill-4 ta' Ottubru 2018. |
(2) |
L-Artikolu 56(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt, li l-kompitu tiegħu jinkludi inter alia l-promozzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim. |
(3) |
L-Artikolu 56(4) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu u li jista' jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta' ħidma biex jittrattaw kwistjonijiet speċifiċi. |
(4) |
Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt u t-termini ta' referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma tiegħu jenħtieġ li jiġu adottati malajr kemm jista' jkun, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim. |
(5) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-adozzjoni tat-termini ta' referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma tiegħu għalhekk jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta' Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt mehmużin, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 56 tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-adozzjoni tat-termini ta' referenza tas-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta' Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt mehmużin ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
H. LÖGER
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru …/2018 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-AWSTRALJA
ta' …
fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt
IL-KUMITAT KONĠUNT UE-AUSTRALIA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu,
Billi:
(1) |
Partijiet mill-Ftehim ġew applikati b'mod proviżorju mill-4 ta' Ottubru 2018. |
(2) |
Skont l-Artikolu 56(1) tal-Ftehim, huwa stabbilit Kumitat Konġunt li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Partijiet. |
(3) |
Skont l-Artikolu 56(4) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, huma b'dan adottati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni ser issir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Iffirmat fi …,
Għall-Kumitat Konġunt UE-Awstralja
Il-Kopresidenti
ANNESS
REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT
Artikolu 1
Kompiti u kompożizzjoni
1. Il-Kumitat Konġunt ser iwettaq il-kompiti previsti fl-Artikolu 56 tal-Ftehim.
2. Il-Kumitat Konġunt ser ikun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet fil-livell adatt.
Artikolu 2
Presidenza
Il-Kumitat Konġunt ser jiġi kopresedut mill-Partijiet.
Artikolu 3
Laqgħat
1. Il-Kumitat Konġunt normalment ser jiltaqa' darba fis-sena, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom jiġu msejħa mill-kopresidenti u jinżammu b'mod alternat fi Brussell u f'Canberra, f'data stabbilita bi qbil bejniethom. Laqgħat straordinarji tal-Kumitat Konġunt jistgħu jsiru b'talba ta' waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu bejniethom li jsir hekk.
2. Il-Kumitat Konġunt normalment ser jiltaqa' fil-livell ta' uffiċjali anzjani, iżda jista' jiltaqa' fil-livell ministerjali.
Artikolu 4
Pubbliċità
Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt mhux ser ikunu pubbliċi.
Artikolu 5
Parteċipanti fil-laqgħat
1. Qabel kull laqgħa, il-kopresidenti ser jiġu infurmati, permezz tas-segretarji, bil-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni tal-Parti tagħhom.
2. Fejn ikun xieraq u bl-approvazzjoni tal-Partijiet, esperti jew rappreżentanti ta' korpi oħra jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari.
Artikolu 6
Segretarji
Rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u rappreżentant tad-Dipartiment għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Awstralja ser iservu flimkien bħala segretarji tal-Kumitat Konġunt. Il-komunikazzjonijiet kollha lil u mingħand il-kopresidenti ser jiġu trażmessi lis-segretarji.
Artikolu 7
Aġendi għal-laqgħat
1. Il-kopresidenti ser ifasslu aġenda proviżorja għal kull laqgħa. Din ser tiġi trażmessa, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-Parti l-oħra sa mhux iktar tard minn 15-il jum qabel il-laqgħa.
2. L-aġenda proviżorja ser tinkludi punti li jkunu ppreżentati lill-kopresidenti sa mhux aktar tard minn 21 jum qabel il- laqgħa.
3. L-aġenda finali ser tiġi adottata mill-Kumitat Konġunt fil-bidu ta' kull laqgħa. Punti apparti dawk li jidhru fuq l-aġenda proviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda jekk il-Partijiet jiddeċiedu bejniethom li jsir hekk.
4. Bl-approvazzjoni tal-Partijiet, il-kopresidenti jistgħu jqassru l-limiti ta' żmien imsemmija fl-Artikolu 7(1) u (2), fejn meħtieġ.
Artikolu 8
Minuti
1. Is-segretarji ser jipproduċu b'mod konġunt abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa, fi żmien 30 jum kalendarju minn tmiem il-laqgħa. L-abbozz tal-minuti ser ikun ibbażat fuq sinteżi mill-kopresidenti tal-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom il-Kumitat Konġunt.
2. L-abbozz tal-minuti ser jiġi approvat mill-Partijiet fi żmien 45 jum kalendarju minn tmiem il-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra approvata b'mod konġunt mill-Partijiet. Malli jkun hemm il-kunsens taż-żewġ naħat għall-abbozz tal-minuti, ser jiġu ffirmati żewġ kopji oriġinali mill-kopresidenti u s-segretarji. Kull Parti ser tirċievi kopja oriġinali waħda.
Artikolu 9
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1. Il-Kumitat Konġunt jista' jadotta d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu b'kunsens mill-Partijiet, skont l-Artikolu 56(4) tal-Ftehim.
2. Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz ta' proċedura bil-miktub. F'tali każijiet, il-Partijiet ser jiddeċiedu bejniethom dwar limitu ta' żmien għat-tul tal-proċedura. Jekk mal-iskadenza ta' dak il-limitu ta' żmien, l-ebda Parti ma tkun esprimiet oppożizzjoni għad-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni proposta, il-kopresidenti ser jiddikjaraw li d-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni tkun ġiet adottata bil-kunsens taż-żewġ naħat.
3. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt ser jiġu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni”, segwiti b'numru ta' serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b'deskrizzjoni tas-suġġett. Kull deċiżjoni ser tiddikjara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.
4. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt ser jiġu mfassla f'żewġ kopji u ffirmati mill-kopresidenti.
5. Kull Parti tista' tiddeċiedi li tippubblika d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.
Artikolu 10
Korrispondenza
1. Korrispondenza indirizzata lill-Kumitat Konġunt ser tintbagħat lis-segretarju tal-Parti li lilu jappartjeni l-awtur, li min-naħa tiegħu ser jgħarraf lis-segretarju l-ieħor.
2. Is-segretarji ser jiżguraw li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat Konġunt tingħadda lill-kopresidenti u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, skont l-Artikolu 11.
3. Il-korrispondenza mill-kopresidenti ser tintbagħat lill-Partijiet mis-segretarji u tiġi ċċirkolata,, fejn xieraq, skont l-Artikolu 11.
4. Il-korrispondenza lil u mill-kopresidenti tista' ssir permezz ta' kull mezz bil-miktub, inkluż permezz tal-posta elettronika.
Artikolu 11
Dokumenti
Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt ikunu bbażati fuq dokumenti, dawk id-dokumenti ser jiġu nnumerati u ċċirkolati mis-segretarji lill-parteċipanti tal-laqgħat.
Artikolu 12
Spejjeż
1. Kull Parti ser tieħu ħsieb kwalunkwe spejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-impjegati, l-ivvjaġġar u n-nefqa tal-għajxien, kif ukoll fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.
2. L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni ta' dokumenti ser jitħallsu mill-Parti li tospita l-laqgħa.
Artikolu 13
Emendi għar-regoli ta' proċedura
Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu bejniethom li jemendaw ir-regoli ta' proċedura, skont l-Artikolu 9.
Artikolu 14
Sottokumitati u gruppi ta' ħidma
1 Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jwaqqaf sottokumitati u gruppi ta' ħidma sabiex jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.
2. Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jibdel il-qasam tar-responsabbilità ta' sottokumitat jew grupp ta' ħidma jew li jabolixxi kwalunkwe sottokumitat jew grupp ta' ħidma li huwa jkun stabbilixxa.
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru …/2018 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-AWSTRALJA
ta' …
dwar l-adozzjoni tat-termini ta' referenza tas-sottokumitati u tal-gruppi ta' ħidma tiegħu
IL-KUMITAT KONĠUNT UE-AUSTRALIA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu, u l-Artikolu 14 tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt,
Billil-Artikolu 14(1) tar-regoli ta' proċedura tal-Kmitat Konġunt jipprevedi li l-Kumitat Konġunt jista' jistabbilixxi sottokumitati u gruppi ta' ħidma sabiex jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-termini ta' referenza tas-sottokumitati u tal-gruppi ta' ħidma tal-Kumitat Konġunt, kif stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, huma b'dan adottati.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni ser issir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Iffirmat fi …,
Għall-Kumitat Konġunt UE-Awstralja
Il-Kopresidenti
ANNESS
TERMINI TA' REFERENZA TAS-SOTTOKUMITATI U L-GRUPPI TA' ĦIDMA TAL-KUMITAT KONĠUNT
Artikolu 1
Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma jistgħu jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-Ftehim fl-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom. Huma jistgħu jiddiskutu wkoll suġġetti jew proġetti speċifiċi relatati m al-qasam rilevanti ta' kooperazzjoni bilaterali.
Artikolu 2
1. Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma ser jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt. Huma ser jirrapportaw u jibagħtu l-minuti u l-konklużjonijiet tagħhom lill-kopresidenti fi żmien 30 jum kalendarju mit-tmiem ta' kull laqgħa.
2. Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma mhux ser ikollhom setgħa li jieħdu deċiżjonijiet, iżda jistgħu jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.
Artikolu 3
1. Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma ser ikunu komposti minn rappreżentanti tal-Partijiet.
2. Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma jistgħu jistiednu esperti għal-laqgħat tagħhom u jistgħu jisimgħuhom rigward punti speċifiċi fuq l-aġenda.
Artikolu 4
Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma ser ikunu kopreseduti mill-Partijiet.
Artikolu 5
Rappreżentant ta' kull Parti ser jaġixxi b'mod konġunt bħala segretarji ta' kull sottokumitat u grupp ta' ħidma.
Artikolu 6
1. Is-sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma ser jiltaqgħu kull meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan, fuq il-bażi ta' talba bil-miktub minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Kull laqgħa ser issir f'post u f'data li jiddeċiedu dwarhom il-Partijiet flimkien.
2. Meta waħda mill-Partijiet tagħmel talba għal laqgħa ta' sottokumitat jew grupp ta' ħidma, is-segretarju tal-Parti l-oħra ser iwieġeb fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievi dik it-talba. F'każijiet ta' urġenza partikolari, il-laqgħat tas-sottokumitati u tal-gruppi ta' ħidma jistgħu jitlaqqgħu fi żmien iqsar, jekk ikun hemm il-kunsens taż-żewġ Partijiet.
3. Il-laqgħat tas-sottokumitati u tal-gruppi ta' ħidma ser ikunu msejħa b'mod konġunt miż-żewġ segretarji.
Artikolu 7
1. Kull Parti tista' titlob lill-kopresidenti biex iqiegħdu punt fuq l-aġenda għal laqgħa. Dawn it-talbiet ser jitressqu quddiem is-segretarji mill-inqas 15-il jum ta' xogħol qabel il-laqgħa, u kull dokumentazzjoni titressaq mill-inqas 10 ijiem ta' xogħol qabel il-laqgħa.
2. Is-segretarji ser jikkomunikaw l-aġenda proviżorja lill-Partijiet mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta' xogħol qabel il-laqgħa. F'ċirkustanzi eċċezzjonali, il-partijiet jistgħu jiddeċiedu flimkien li jżidu punti fuq l-aġenda fi żmien qasir.
Artikolu 8
Is-Segretarji ser iħejju b'mod konġunt abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa.
Artikolu 9
Sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, il-laqgħat tas-sottokumitati u tal-gruppi ta' ħidma mhux ser ikunu pubbliċi.