This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018D1276
Commission Decision (EU) 2018/1276 of 22 February 2018 on SA.31149 (2012/C) — Germany — Alleged State aid to Ryanair (notified under document C(2018) 1034) (Text with EEA relevance.)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1276 tat-22 ta' Frar 2018 dwar SA.31149 (2012/C) — il-Ġermanja — Allegata Għajnuna mill-Istat lil Ryanair (notifikata bid-dokument C(2018) 1034) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1276 tat-22 ta' Frar 2018 dwar SA.31149 (2012/C) — il-Ġermanja — Allegata Għajnuna mill-Istat lil Ryanair (notifikata bid-dokument C(2018) 1034) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
C/2018/1034
ĠU L 238, 21.9.2018, p. 94–111
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
21.9.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 238/94 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1276
tat-22 ta' Frar 2018
dwar SA.31149 (2012/C) — il-Ġermanja
Allegata Għajnuna mill-Istat lil Ryanair
(notifikata bid-dokument C(2018) 1034)
(Il-verżjoni Ġermaniża biss hija awtentika)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
(1) |
Permezz tal-ittra datata l-10 ta' Lulju 2007 (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2007”), il-Kummissjoni għarrfet lill-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-finanzjament tal-ajruport ta' Lübeck, tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn Hansestadt Lübeck u Infratil Limited (“Infratil”), u tar-relazzjonijiet finanzjarji tal-ajruport ma' Ryanair. Il-proċedura ta' investigazzjoni formali ġiet irreġistrata bin-numru tal-każ SA.21877 (C 24/2007). Fl-24 ta' Ottubru 2007 ġiet adottata Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2007. |
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2007 ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-29 ta' Novembru 2007 (2). Ir-Rettifika ġiet ippubblikata fis-7 ta' Diċembru 2007 (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jgħaddu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni. |
(3) |
Fit-28 ta' Jannar 2009, Schutzgemeinschaft gegen Fluglärm Lübeck und Umgebung eV (“SGF”) (4) ressqet ilment rigward il-każ SA.21877, irreġistrat taħt il-każ numru SA.27585. |
(4) |
Fit-22 ta' Ġunju 2010 u fit-30 ta' Ġunju 2010, SGF issottomettiet ilment ieħor, li fih allegat li l-Ġermanja pprovdiet għajnuna illegali oħra mill-Istat favur Flughafen Lübeck GmbH (“FLG”) u Infratil. Dan l-ilment ġie rreġistrat taħt il-każ numru SA.31149. |
(5) |
Permezz tal-ittra datata t-22 ta' Frar 2012 (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2012”), il-Kummissjoni għarrfet lill-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-għajnuna allegata mill-Istat lil FLG, Infratil, Ryanair u linji tal-ajru oħra li jużaw l-ajruport ta' Lübeck (5). |
(6) |
Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-2012 ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-10 ta' Awwissu 2012 (6). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jgħaddu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni. |
(7) |
Il-Kummissjoni għaqqdet il-proċeduri SA.21877, SA.27585 u SA.31149 fl-2014. |
(8) |
Fis-7 ta' Frar 2017, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni finali fil-każijiet SA.21877 u SA.27585, kif ukoll fil-każ SA.31149 (7). Fir-rigward tal-għajnuna potenzjali mill-Istat favur Ryanair, dik id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni vvalutat biss ftehim li ġie konkluż bejn l-operatur tal-ajruport u Ryanair fl-2000. Jiġi indikat li, fid-data tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed informazzjoni fil-fajl tagħha biex tivvaluta jekk ftehimiet sussegwenti, b'mod partikolari dawk konklużi fl-2010, ikkostitwixxewx għajnuna mill-Istat favur Ryanair. Għaldaqstant, dawk il-ftehimiet jiġu vvalutati f'deċiżjoni separata (8). |
(9) |
Fis-27 ta' Lulju 2017 intbagħtet lill-Ġermanja talba għal informazzjoni li tikkonċerna żewġ ittri ta' akkumpanjament konklużi bejn FLG u Ryanair fl-2010 u rapport ta' Oxera tas-6 ta' Frar 2015 (9). Il-Ġermanja talbet estensjoni tal-iskadenza biex tagħti tweġiba li l-Kummissjoni tatha fit-2 ta' Awwissu 2017. L-informazzjoni mitluba ngħatat fl-20 ta' Settembru 2017. |
(10) |
Fit-22 ta' Settembru 2017 intbagħtet talba għal informazzjoni lil Ryanair u ġiet mgħoddija lill-Ġermanja. Sussegwentement, l-informazzjoni ġiet sottomessa minn Ryanair u Oxera fis-6 ta' Ottubru 2017. Fl-24 ta' Ottubru 2017, il-Kummissjoni għaddiet id-dokumenti li rċeviet minn Ryanair lill-Ġermanja, fejn stiednet lill-Ġermanja tikkummenta. |
(11) |
Il-Kummissjoni tirreferi għall-Premessi 1 sa 61 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/2336 fir-rigward tal-proċedura fil-każijiet SA.21877, SA.27585 u SA.31149. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURI
2.1. L-isfond tal-investigazzjoni u l-kuntest tal-miżuri
2.1.1. Fatti dwar l-ajruport u żvilupp tal-passiġġieri
(12) |
L-ajruport ta' Lübeck jinsab madwar 73 kilometru bogħol mill-Belt ta' Hamburg, fi Schleswig-Holstein, il-Ġermanja. |
(13) |
L-ajruport innifsu jiddefinixxi ż-żona milħuqa tiegħu bħala ż-żoni metropolitani tal-Belt ta' Hamburg u Öresund (Greater Copenhagen/Malmö). |
(14) |
Skont studju tas-suq li sar mill-ajruport fl-2009 (10), il-maġġoranza tal-passiġġieri (ħerġin) fl-ajruport ta' Lübeck ġew minn Hamburg (jiġifieri 47,20 %). L-ajruport ta' Hamburg jinsab 78 kilometru bogħod mill-ajruport ta' Lübeck, madwar 65 minuta ta' vvjaġġar bil-karozza. |
(15) |
Sal-2000, Lübeck kien ajruport li jiddependi fuq id-dħul tal-avjazzjoni ġġenerat minn titjiriet charter u mill-avjazzjoni ġenerali. Fl-2000, l-ajruport biddel il-mudell kummerċjali tiegħu f'ajruport għal operaturi bi prezz irħis li fih id-dħul jiġi ġġenerat permezz ta' taħlita ta' attivitajiet tal-avjazzjoni u mhux tal-avjazzjoni. Minn dakinhar, il-maġġoranza kbira tat-titjiriet fl-ajruport ta' Lübeck saru minn Ryanair li operat madwar 90 % tat-traffiku fl-2010. |
(16) |
Oriġinarjament, l-ajruport ta' Lübeck kien operat minn FLG, li kienet kumpanija b'responsabbiltà limitata, fejn Hansestadt Lübeck kien l-uniku azzjonist tagħha. Dan ġie privatizzat fl-2005 iżda mbagħad fl-2009 inxtara lura minn Hansestadt Lübeck. F'April 2010, votazzjoni pubblika taċ-ċittadini ta' Hansestadt Lübeck żgurat is-sopravivenza tal-ajruport, fejn ġew approvati investimenti ulterjuri għall-ajruport sakemm investitur privat ġdid jidħol fil-kumpanija. Investitur privat ġdid instab fl-2012. Is-sjieda tal-ajruport inbidlet diversi drabi fl-aħħar snin. |
(17) |
It-traffiku tal-passiġġieri fl-ajruport żdied minn 48 652 passiġġier fl-1999 għal 697 559 passiġġier fl-2009. Wara huwa beda jonqos gradwalment, għall-kuntrarju tal-aspettattivi tal-ajruport, li stennew li l-għadd tal-passiġġieri sal-2015 jitla' għal 2,2 miljun. |
(18) |
Fid-data ta' din id-deċiżjoni, ma hemm ebda linja tal-ajru li qed topera mill-ajruport Lübeck. Lanqas ma jiġu offruti titjiriet skedati jew charter. |
2.1.2. Il-Ftehim tal-2000
(19) |
F'Mejju 2000, FLG iffirmat Ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru (“ASA”) ma' Ryanair (“il-Ftehim tal-2000”) li speċifika l-imposti tal-ajruport li jitħallsu minn Ryanair kif ukoll l-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni li jitħallas mill-ajruport. Il-Ftehim tal-2000 kien skedat biex jibda fl-1 ta' Ġunju 2000 u jkompli sal-31 ta' Mejju 2010. |
(20) |
Għar-rotta lejn Stansted, il-ftehim inkluda l-kostijiet u d-dħul li ġej: Tabella 1 Kostijiet u dħul involuti fil-Ftehim tal-2000 mill-perspettiva ta' FLG
|
2.2. Għajnuna potenzjali mill-Istat mogħtija mill-operatur tal-ajruport FLG lil Ryanair
(21) |
F'Marzu u f'Ottubru 2010, Ryanair u FLG iffirmaw żewġ ittri ta' akkumpanjament għall-Ftehim tal-2000 imsemmi hawn fuq (kollettivament, “il-Ftehimiet tal-2010” jew “l-Ittri ta' Akkumpanjament tal-2010”). |
(22) |
L-ewwel ittra ta' akkumpanjament li ġiet iffirmata fid-29 ta' Marzu 2010 (“Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1”) kopriet il-perjodu bejn it-28 ta' Marzu 2010 sat-30 ta' Ottubru 2010. Din tikkostitwixxi estensjonital-Ftehim tal-2000, li kien jispiċċa f'Mejju 2010, u introduċiet tariffa ġdida għall-kummerċjalizzazzjoni ta' EUR […] għal kull passiġġier li għandha titħallas minn FLG bħala kumpens għal avveniment ta' kummerċjalizzazzjoni temporanja organizzat minn Ryanair. Din it-tariffa ġdida għall-kummerċjalizzazzjoni kellha titħallas flimkien mat-tariffa għall-kummerċjalizzazzjoni speċifikata fil-Ftehim tal-2000 ta' EUR […] għal kull passiġġier (inqas minn 18-il rotazzjoni fil-ġimgħa) jew EUR […] għal kull passiġġier (iktar minn 18-il rotazzjoni fil-ġimgħa). Peress li Ryanair wettqet iktar minn 18-il rotazzjoni fil-ġimgħa, b'kollox kellu jitħallas total ta' EUR […] minn FLG lil Ryanair għad-durata tal-ftehim. Peress li nżammu l-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha mill-Ftehim tal-2000, it-tariffi tas-servizz ta' trasport tal-passiġġieri għal kull passiġġier li jitlaq li kellhom jitħallsu lil FLG ammontaw għal EUR […], u l-imposti ta' ġestjoni tar-rampa għal kull rotazzjoni ammontaw għal EUR […]. |
(23) |
Fil-31 ta' Ottubru 2010, wara t-tmiem tal-perjodu tal-kuntratt tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1, ġiet iffirmata t-tieni ittra ta' akkumpanjament (“Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2”). L-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2 ma żammitx il-kundizzjonijiet tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1, iżda rritornat għall-iskeda tal-ħlasijiet għall-kummerċjalizzazzjoni kif iddikjarat fil-Ftehim tal-2000, fejn estendiet it-termini tiegħu għal tliet snin sal-1 ta' Novembru 2013. |
(24) |
Dakinhar li daħlet fis-seħħ l-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1, jiġifieri fid-29 ta' Marzu 2010, FLG iffirmat ukoll ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Airport Marketing Services Limited (“AMS”), sussidjarja li hija kompletament proprjetà ta' Ryanair. Dak il-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni kopra l-perjodu mid-29 ta' Marzu 2010 sat-30 ta' Ottubru 2010 u stabbilixxa s-servizzi ta' reklamar li għandhom jiġu pprovduti minn AMS fuq is-sit web www.ryanair.com, bil-ħlas ta' somma ta' EUR […] li għandha titħallas minn FLG. |
2.3. Kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni
(25) |
Il-Ftehim tal-2000 bejn FLG u Ryanair kien parti mid-Deċiżjoni (UE) 2017/2336. Għalhekk, din id-Deċiżjoni hija limitata għall-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1 u l-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2 li ġew konklużi fl-2010. |
2.4. Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura
(26) |
Il-Kummissjoni kienet imħassba li l-Ftehimiet tal-2010 taw vantaġġ selettiv lil Ryanair u għalhekk ikkostitwixxew għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107 tat-Trattat. |
3. KUMMENTI MILL-ĠERMANJA
(27) |
Il-Ġermanja kienet temmen li l-Ftehimiet tal-2010 ma xekklux jew ma heddewx li jxekklu l-kompetizzjoni u ma affettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri, peress li l-ajruport ta' Lübeck kien ajruport reġjonali żgħir u peress li ma kienx jinsab f'kompetizzjoni mal-ajruport ta' Hamburg jew ajruporti oħra. |
(28) |
Fir-rigward tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1, il-Ġermanja ssottomettiet li din kienet konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq u ma implikatx vantaġġ għal Ryanair. B'referenza għall-kawża Helaba I (11), il-Ġermanja argumentat li ma kien hemm l-ebda vantaġġ meta operaturi oħra ta' ajruporti reġjonali offrew kundizzjonijiet simili lil Ryanair. Il-Ġermanja argumentat ukoll li dan intwera mill-analiżi tal-komparaturi ta' Ryanair. |
(29) |
Il-Ġermanja argumentat li operaturi bi prezz irħis, bħal Ryanair u Wizz Air, għandhom inqas eżiġenzi fir-rigward tas-servizzi fuq l-art u tas-servizzi infrastrutturali. L-ewwel nett, fl-ajruport ta' Lübeck kienu meħtieġa inqas bankijiet ta' reġistrazzjoni għaliex ir-reġistrazzjoni permezz ta' Ryanair hija disponibbli online għall-passiġġieri. It-tieni nett, ma kien hemm l-ebda karozza tal-linja għall-passiġġieri. It-tielet nett, peress li d-distanzi tal-mixi huma iqsar fl-ajruport ta' Lübeck, il-ħin għall-ajruplani ta' Ryanair fuq l-art kien iqsar. Ir-raba' nett, ma kienx hemm trasferimenti ta' titjiriet u kien hemm inqas bagalji għal kull persuna, li jfisser li ma kienx hemm il-bżonn ta' faċilitajiet għal dawn l-iskopijiet. Il-ħames u l-aħħar nett, peress li l-ekwipaġġ tat-titjira spiss kien inkarigat biex inaddaf l-ajruplan, kien hemm inqas domanda għal servizzi ta' tindif fuq l-art. |
(30) |
Fir-rigward tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2, il-Ġermanja nnotat li dan il-ftehim kien estensjoni, mingħajr bidliet sostanzjali, tal-Ftehim tal-2000. Il-Ġermanja kienet tal-fehma li l-Ftehim tal-2000 kien jikkonforma mat-test tal-Operatur fl-Ekonomija tas-Suq. |
(31) |
Barra minn hekk, il-Ġermanja hija tal-fehma li l-vantaġġi allegati favur Ryanair ma setgħux jiġu imputati lill-Istat minħabba s-sentenza fi Stardust Marine (12). Skont il-Ġermanja, FLG aġixxiet b'awtonomija u mingħajr l-ebda influwenza mill-Istat. Il-Ġermanja ddikjarat li FLG ma kinitx integrata fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika. Barra minn hekk, il-Ġermanja ddikjarat li s-superviżjoni mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-ġestjoni ta' FLG kienet limitata għall-avjazzjoni u għall-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat pubbliku u ma inkludietx attivitajiet ta' ġestjoni tan-negozju. |
4. KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI
4.1. Flughafen Lübeck GmbH
(32) |
FLG iddikjarat li l-miżuri ma kinux imputabbli lill-Ġermanja, peress li l-ftehimiet ġew innegozjati minnha b'mod awtonomu. |
4.2. Ryanair
(33) |
Ryanair argumentat li l-Ftehimiet tal-2010 ma kinux imputabbli lill-Istat. |
(34) |
Barra minn dan, Ryanair argumentat li ma kien hemm l-ebda selettività, peress li l-Ftehimiet tal-2010 kienu biss ittri ta' akkumpanjament qosra li estendew it-tul ta' żmien tal-arranġamenti eżistenti taħt il-Ftehim tal-2000. L-uniku element ġdid kien aġġustament innegozjat kummerċjalment għall-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni. |
(35) |
Ryanair iddikjarat li l-kuntratt ma' FLG ġie stabbilit abbażi ta' kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. L-ajruport ta' Lübeck kien meqjus bħala ajruport sekondarju vijabbli għall-ajruport ta' Hamburg u Lübeck stess kienet meqjusa bħala destinazzjoni kulturali siewja. Minkejja li Ryanair ma setgħetx toffri pjan ta' direzzjoni tan-negozju biex fuqu tibbaża d-deċiżjoni tagħha li tibda s-servizzi fl-ajruport ta' Lübeck, Ryanair saħqet li tali pjan ta' direzzjoni tan-negozju ġeneralment ma kienx meħtieġ għal investitur fis-settur privat. Ryanair spjegat li s-servizzi tagħha mill-ajruport ta' Lübeck twaqqfu minħabba kunsiderazzjonijiet kummerċjali, inklużi żidiet fil-kostijiet u rendiment inqas minn dak antiċipat (bħala konsegwenza tar-reċessjoni ekonomika). |
(36) |
Ryanair iddikjarat li l-ajruporti reġjonali fl-Unjoni jinsabu f'pożizzjoni tas-suq diffiċli. Għalhekk, id-dħul tal-ajruporti kemm minn attivitajiet ajrunawtiċi kif ukoll mhux kellu jiġi kkunsidrat, approċċ li jissejjaħ “single till approach”. Peress li l-kuntratti ma' Ryanair normalment iwiegħdu għadd kbir ta' passiġġieri, tali relazzjonijiet kummerċjali spiss jgħinu biex jikber l-isem tal-ajruport u biex jiġu attirati linji tal-ajru oħra kif ukoll ħwienet tal-bejgħ bl-imnut u fornituri ta' servizzi oħra. Barra minn hekk, Ryanair iddikjarat li kien hemm evidenza b'saħħitha li n-numru ikbar ta' passiġġieri jġib miegħu żieda fid-dħul mhux ajrunawtiku. |
(37) |
Ryanair argumentat li, minn perspettiva ta' Operatur fl-Ekonomija tas-Suq, kwalunkwe offerta kummerċjali normalment tkun titjib fuq is-sitwazzjoni eżistenti, diment li kien mistenni li l-benefiċċji marġinali jisbqu l-kostijiet marġinali tiegħu. Barra minn hekk, Ryanair argumentat li kellu jiġi kkunsidrat li Ryanair naqqset b'mod sinifikanti l-ħtiġijiet tagħha meta mqabbla ma' linji tal-ajru oħra fid-dawl tal-mudell kummerċjali u tal-effiċjenza operazzjonali tagħha. |
(38) |
Ryanair wettqet tqabbil bejn ajruporti ta' daqs komparabbli u b'sitwazzjoni simili bħall-ajruport ta' Lübeck. L-ajruporti komparaturi huma l-Ajruport ta' Bournemouth, l-Ajruport ta' Grenoble, l-Ajruport ta' Knock, l-Ajruport ta' Maastricht, l-Ajruport ta' Nimes u l-Ajruport ta' Prestwick. Tqabbil tal-imposti mħallsa minn Ryanair fl-ajruporti komparaturi wera li l-kostijiet imħallsa minn Ryanair fl-ajruport ta' Lübeck kienu ġeneralment ogħla mil-livell medju fl-ajruporti komparaturi kemm fuq bażi għal kull passiġġier kif ukoll għal kull rotazzjoni. |
(39) |
Ryanair issottomettiet żewġ rapporti ta' Oxera fejn evalwat il-profitabbiltà mistennija tal-Ittri ta' Akkumpanjament tal-2010 (13). Iż-żewġ rapporti kienu bbażati fuq pjan ta' direzzjoni tan-negozju, imfassal mill-ajruport ta' Lübeck fl-2010 qabel ma ġew iffirmati l-Ittri ta' Akkumpanjament tal-2010. Ir-rapporti jindikaw li, taħt suppożizzjonijiet raġonevoli fil-mument meta ġew iffirmati l-Ittri ta' Akkumpanjament tal-2010, iż-żewġ ftehimiet kienu mistennija li jkunu ta' profitt suffiċjenti u ajruport li jġib ruħu bħala Operatur fl-Ekonomija tas-Suq aktarx kien joffri termini simili. Skont Oxera, dan iseħħ ukoll li kieku l-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS kellu jiġi kkunsidrat flimkien mal-Ittri ta' Akkumpanjament tal-2010 u li kieku ġew inklużi l-kostijiet relatati ma' AMS, iżda mhux id-dħul. |
(40) |
Fir-rigward tal-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS, Ryanair argumentat li tali ftehimiet huma ta' benefiċċju reċiproku minħabba l-popolarità tas-sit web ta' Ryanair u ż-żidied konsegwenti fir-rikonoxximent internazzjonali, fl-isem tad-ditta u fil-passiġġieri, li ġie ssostanzjat minn rapport ieħor ta' Oxera tas-26 ta' Settembru 2014. |
4.3. Air Berlin
(41) |
Air Berlin iddikjarat li r-rotot offruti minn Ryanair mill-ajruport ta' Lübeck kienu f'kompetizzjoni diretta ma' dawk offruti minn Air Berlin fl-ajruport ta' Hamburg. B'mod partikolari, id-destinazzjonijiet ta' Londra, Milan u Barcelona kienu kkonċernati, peress li ż-żewġ linji tal-ajru kellhom dawn fil-portafoll tagħhom. |
(42) |
Air Berlin argumentat li l-iskop tal-istrateġija ta' kummerċjalizzazzjoni ta' Ryanair kien li tiġbed lejha klijenti li potenzjalment jistgħu jtiru, fost l-oħrajn, ma' Air Berlin. Minħabba l-prezzijiet baxxi ta' Ryanair, il-klijenti mxew mill-ajruport ta' Hamburg għal ta' Lübeck. Air Berlin tiddikjara li bħala riżultat tal-għajnuna mill-Istat, Air Berlin ġarrbet telf ekonomiku sostanzjali. Air Berlin kellha twaqqaf uħud mit-titjiriet tagħha minħabba l-offerta parallela minn Ryanair fl-ajruport ta' Lübeck. Barra minn hekk, Air Berlin iddikjarat li sabitha diffiċli tiftaħ destinazzjonijiet ġodda mill-ajruport ta' Hamburg diment li kienu qed jiġu offruti destinazzjonijiet simili minn Ryanair fl-ajruport ta' Lübeck bi prezzijiet baxxi żżejjed. |
(43) |
Barra minn hekk, Air Berlin iddikjarat li l-ftehim ma' Ryanair kien imputabbli lill-Ġermanja. Skont l-istatut ta' assoċjazzjoni ta' FLG, il-bord superviżorju kellu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal imposti li jirriżultaw mill-użu tal-ajruport (il-paragrafu 12 tal-istatut ta' assoċjazzjoni). Erbgħa mis-sitt membri tal-bord superviżorju kienu eletti minn Hansestadt Lübeck. Għalhekk, Air Berlin ikkonkludiet li Hansestadt Lübeck setgħet tinżamm responsabbli. |
(44) |
Skont Air Berlin, punt ieħor ta' tħassib kien il-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni bejn AMS u FLG, peress li l-benefiċċji minn “appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni” jidhru li ma humiex relatati mal-infiq għall-kummerċjalizzazzjoni reali mġarrba minn Ryanair. |
5. KUMMENTI MILL-ĠERMANJA DWAR IS-SOTTOMISSJONIJIET TA' PARTIJIET TERZI
5.1. Kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta' Ryanair
(45) |
Skont il-Ġermanja, is-sottomissjonijiet ta' Ryanair juru li l-ajruport ta' Lübeck aġixxa f'konformità mal-prinċipju tal-Operatur fl-Ekonomija tas-Suq. |
(46) |
Il-Ġermanja tenfasizza b'mod partikolari fuq l-utilità tal-approċċ ta' Ryanair li turi l-konformità mas-suq tal-ftehimiet permezz ta' analiżi tal-profitabbiltà u analiżi tal-komparaturi. |
(47) |
Skont il-Ġermanja, l-Ittri ta' Akkumpanjament tal-2010 ma kinux imputabbli lill-Istat peress li ġew innegozjati minn FLG u din saret parti għalihom b'mod awtonomu, mingħajr l-interferenza ta' Hansestadt Lübeck. Barra minn dan, fir-rigward tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2, il-Ġermanja indikat li din kienet tikkostitwixxi sempliċi estensjoni tal-Ftehim tal-2000, mingħajr ma kien fiha l-ebda tibdil materjali. Għalhekk, l-argumenti kollha li tressqu fir-rigward tal-Ftehim tal-2000 kienu rilevanti. |
(48) |
Il-Ġermanja ddikjarat li ma tistax tifhem għaliex il-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni bejn FLG u AMS ġie inkluż fl-investigazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, peress li FLG ma nefqitx fondi pubbliċi fil-qafas ta' dan il-ftehim. Il-kostijiet stabbiliti fil-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS ġew koperti minn sorsi privati, peress li l-flus ġew mill-Industrie- und Handelskammer Lübeck rappreżentazzjoni ta' kumpaniji privati f'Lübeck. Barra minn hekk, il-Ġermanja kkummentat li l-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS jista' jitqies bħala konformi mal-istandards tas-suq. Dan huwa sostnut mill-osservazzjoni li FLG intalbet tħallas inqas kostijiet minn ajruporti oħra bi ftehim simili. Barra minn dan, il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni kien ibbażat fuq il-wiegħda ta' Ryanair li tespandi l-portafoll tat-titjiriet tagħha b'żewġ destinazzjonijiet. |
(49) |
Punt ieħor miżjud mill-Ġermanja huwa l-funzjoni tal-ajruport ta' Lübeck bħala ajruport ta' riżerva għall-ajruport ta' Hamburg u bħala infrastruttura tat-trasport neċessarja għat-Tramuntana tal-Ġermanja. |
5.2. Kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta' Air Berlin
(50) |
Skont il-Ġermanja, Air Berlin kienet tingħata l-istess vantaġġi bħal Ryanair li kieku ssodisfat l-istess kriterji dwar in-numri ta' passiġġieri u l-frekwenza tat-titjiriet. Minflok, Air Berlin irrifjutat kwalunkwe offerta għal negozjati ma' FLG, peress li qatt ma kellha l-intenzjoni li tibda bis-servizzi fl-ajruport ta' Lübeck. Air Berlin qatt ma oġġezzjonat għall-kundizzjonijiet li fihom operat Ryanair fl-ajruport ta' Hamburg. Barra minn hekk, diversi linji tal-ajru kienu lmentaw (fost l-oħrajn mal-Kummissjoni) li Air Berlin kienet qed tibbenefika minn għajnuna mill-Istat sostanzjali mill-Emirati Għarab Magħquda. Għalhekk, ma tistax tippreżenta lilha nfisha bħala vittma vis-à-vis il-kompetitur ewlieni tagħha Ryanair. |
(51) |
Il-Ġermanja ma qablitx mal-kummenti ta' Air Berlin dwar l-eżistenza ta' kompetizzjoni bejn l-ajruport ta' Lübeck u l-ajruport ta' Hamburg. B'mod partikolari, il-Ġermanja irreferiet għall-fatt li Hamburg kellha 70 darba iktar passiġġieri mill-ajruport ta' Lübeck fl-2000. In-nuqqas ta' lmenti minn ajruporti oħra wera li ma kien hemm l-ebda kompetizzjoni bejn iż-żewġ ajruporti. |
(52) |
Barra minn hekk, il-Ġermanja ċaħdet l-argument ta' Air Berlin li kien hemm vantaġġ ekonomiku għal Ryanair. Il-Ġermanja ddikjarat li Air Berlin użat kalkoli impreċiżi u li l-uniku test rilevanti għall-valutazzjoni ta' jekk ftehim bejn ajruport u linja tal-ajru kienx konformi mas-suq kien il-prinċipju tal-Operatur fl-Ekonomija tas-Suq. |
6. VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI
(53) |
L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jistipula li kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti, safejn tkun taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. |
(54) |
Il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi. Għalhekk, biex jiġi ddeterminat jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
6.1. L-attività ekonomika u l-kunċett ta' impriża
(55) |
Il-kunċett ta' impriża jkopri kwalunkwe entità involuta f'attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u l-mod kif tiġi ffinanzjata. Kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-offerta ta' prodotti jew servizzi f'suq partikolari hija attività ekonomika. |
(56) |
Peress li Ryanair hija kumpanija privata li tipprovdi servizzi tat-trasport bl-ajru għal remunerazzjoni bl-għan li tagħmel profitt, Ryanair hija impriża involuta f'attività ekonomika. Għalhekk hija impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
6.2. Vantaġġ ekonomiku
(57) |
Vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li impriża ma setgħetx tikseb taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, jiġifieri fin-nuqqas ta' intervent mill-Istat (14). |
(58) |
Meta ajruport ikollu riżorsi pubbliċi għad-dispożizzjoni tiegħu, l-għajnuna lil linja tal-ajru tista', fil-prinċipju, tiġi eskluża meta r-relazzjoni bejn l-ajruport u l-linja tal-ajru ssir f'konformità mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Dan l-hekk imsejjaħ “test tal-Operatur fl-Ekonomija tas-Suq” (“Test tal-MEO”) isegwi l-kunċett bażiku li l-imġiba tal-awtoritajiet pubbliċi għandha titqabbel ma' dik ta' operaturi ekonomiċi privati simili taħt kundizzjonijiet normali tas-suq biex jiġi ddeterminat jekk ftehim jagħtix vantaġġ lill-kontroparti tiegħu (15). |
6.2.1. Rimarki preliminari fir-rigward tat-test tal-MEO
(59) |
F'konformità mal-punt 53 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 (16), l-eżistenza ta' għajnuna lil linja tal-ajru li tuża ajruport partikolari tista', fil-prinċipju, tiġi eskluża jekk il-prezz impost għas-servizzi tal-ajruport jikkorrispondi għall-prezz tas-suq (“l-ewwel approċċ” – tqabbil mal-prezz tas-suq). It-tieni approċċ kien li permezz ta' analiżi ex ante – jiġifieri, analiżi bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli meta l-għajnuna tingħata u fuq l-iżviluppi prevedibbli f'dak il-mument – jintwera li l-arranġament se jwassal għal kontribuzzjoni inkrimentali pożittiva għall-profitt għall-ajruport u jagħmel parti minn strateġija globali li twassal għall-profitabbiltà mill-inqas fuq perjodu ta' żmien twil (“it-tieni approċċ” – analiżi tal-profitabbiltà ex ante) (17). |
(60) |
Fir-rigward tal-ewwel approċċ, il-Kummissjoni ma tqisx li, fil-preżent, jista' jiġi identifikat punt ta' riferiment xieraq sabiex jiġi stabbilit prezz tas-suq veru għas-servizzi pprovduti mill-ajruporti (18). Għalhekk, hija tal-fehma li analiżi ex ante tal-profitabbiltà inkrementali hija l-iktar approċċ rilevanti għall-valutazzjoni tal-arranġamenti konklużi mill-ajruporti ma' linji tal-ajru individwali. |
(61) |
B'mod ġenerali, għandu jiġi nnotat li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-MEO abbażi ta' prezz medju fi swieq simili oħrajn tista' tkun utli jekk tali prezz ikun jista' jiġi identifikat jew jitnaqqas b'mod raġonevoli minn indikaturi oħrajn tas-suq. Madankollu, dan il-metodu għandu rilevanza limitata għal servizzi offruti fl-ajruport, billi l-istruttura tal-kostijiet u tad-dħul għandha t-tendenza li tvarja ħafna minn ajruport għal ieħor. Dan minħabba li l-kostijiet u d-dħul jiddependu fuq kemm ajruport ikun żviluppat, l-għadd ta' linji tal-ajru li jużaw l-ajruport, il-kapaċità tiegħu f'termini ta' traffiku tal-passiġġieri, l-istat tal-infrastruttura u l-investimenti relatati, il-qafas regolatorju li jista' jvarja minn Stat Membru għal ieħor u kwalunkwe dejn jew obbligu li jkun daħal għalihom l-ajruport fl-imgħoddi (19). |
(62) |
Barra minn hekk, il-liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport bl-ajru tikkomplika kwalunkwe analiżi purament komparattiva. Kif jista' jidher f'dan il-każ, il-prattiki kummerċjali bejn l-ajruporti u l-linji tal-ajru mhux dejjem ikunu bbażati esklussivament fuq skeda ppubblikata ta' imposti. Għall-kuntrarju, dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali jvarjaw ferm. Dawn jinkludu l-kondiviżjoni tar-riskji fir-rigward tat-traffiku tal-passiġġieri u ta' kwalunkwe responsabbiltà kummerċjali u finanzjarja relatata, skemi ta' inċentivi standard kif ukoll varjazzjonijiet bejn it-tixrid tar-riskji tul it-terminu tal-ftehimiet. Konsegwentement, tranżazzjoni waħda ma tistax titqabbel ma' oħra abbażi ta' prezz varjabbli jew prezz għal kull passiġġier. |
(63) |
Barra minn hekk, il-valutazzjoni komparattiva mhijiex metodu xieraq sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tas-suq jekk il-valutazzjonijiet komparattivi disponibbli ma jkunux ġew definiti fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tas-suq jew il-prezzijiet eżistenti jiġu mfixkla b'mod sinifikanti minn interventi pubbliċi. Dan it-tfixkil jidher li huwa preżenti fl-industrija tal-avjazzjoni, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 57 sa 59 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014: “Ajruporti li huma proprjetà pubblika kienu tradizzjonalment meqjusa mill-awtoritajiet pubbliċi bħala infrastrutturi biex jiffaċilitaw l-iżvilupp lokali u mhux bħala impriżi li joperaw skont ir-regoli tas-suq. Il-prezzijiet ta' dawn l-ajruporti konsegwentement ma jkunux ġeneralment definiti fir-rigward ta' kunsiderazzjonijiet tas-suq u b'mod partikolari prospetti ta' profittabilità ex ante tajba, iżda essenzjalment fil-kunsiderazzjonijiet soċjali jew reġjonali. Anki jekk ċerti ajruporti huma proprjetà privata jew ġestiti mingħajr kunsiderazzjonijiet soċjali jew reġjonali, il-prezzijiet mitluba minn dawn l-ajruporti jistgħu jiġu influwenzati bis-sħiħ mill-prezzijiet imposti mill-maġġoranza ta' ajruporti ssussidjati pubblikament minħabba li l-prezzijiet ta' dawn tal-aħħar jitqiesu mil-linji tal-ajru matul in-negozjati tagħhom mal-ajruporti li huma proprjetà privata jew ġestiti b'mod privat. F'dawk iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni għandha dubji serji jekk fil-preżent, jistax jiġi identifikat valur referenzjarju xieraq biex jiġi stabbilit prezz tas-suq realistiku għal servizzi pprovduti minn ajruporti. Din is-sitwazzjoni tista' tinbidel jew tevolvi fil-ġejjieni […]”. |
(64) |
Barra minn hekk, kif fakkru l-qrati tal-Unjoni, il-valutazzjoni komparattiva b'referenza għas-settur ikkonċernat hija sempliċiment għodda analitika fost oħrajn li tintuża sabiex tiddetermina jekk benefiċjarju rċeviex vantaġġ ekonomiku li ma kienx jikseb f'kundizzjonijiet tas-suq normali (20). B'hekk, filwaqt li l-Kummissjoni tista' tuża dak l-approċċ, hi mhijiex obbligata tagħmel dan meta, bħal f'dan il-każ, dan ma jkunx xieraq. |
(65) |
Essenzjalment Ryanair argumentat li t-test tal-MEO jista' jiġi applikat abbażi ta' tqabbil mal-arranġamenti kummerċjali ta' ajruporti Ewropej oħra. B'mod partikolari, din qabblet l-imposti mħallsa minn Ryanair fl-ajruporti ta' Bournemouth, ta' Grenoble, ta' Knock, ta' Maastricht, ta' Nîmes u ta' Prestwick mal-imposti mħallsa minn Ryanair skont il-ftehimiet fl-ajruport ta' Lübeck. Madankollu, dan l-istudju ta' tqabbil ma vvalutax jekk il-kampjun tal-ajruporti ta' referenza ssodisfax il-kriterji kollha stabbiliti fil-linji gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014, billi huwa vvaluta biss il-volumi ta' traffiku, it-tip ta' traffiku tal-ajruport u l-prosperità taż-żona tal-madwar (21). |
(66) |
Fil-Premessa 296 tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tagħha tal-2012, il-Kummissjoni qabblet l-imposti stabbiliti fl-Ittri ta' Akkumpanjament tal-2010 mal-imposti fl-ajruport ta' Hamburg, li wassal għad-dubji dwar il-konformità mas-suq tal-imposti stabbiliti fl-Ittri ta' Akkumpanjament tal-2010. Il-Kummissjoni tinnota li l-volum ta' traffiku f'Lübeck kien ferm inqas milli fl-ajruport ta' Hamburg. Fil-fatt, Hamburg kien l-ajruport bl-iktar traffiku fit-Tramuntana tal-Ġermanja. Hamburg kien jintuża għas-segmenti kollha tat-trasport bl-ajru, filwaqt li Lübeck kien speċjalizzat f'operaturi bi prezzijiet baxxi li kienu jeħtieġu inqas bankijiet ta' reġistrazzjoni u faċilitajiet għal passiġġieri fi transitu, ebda karozzi tal-linja tal-passiġġieri, inqas persunal u faċilitajiet għall-ġestjoni tal-bagalji, inqas persunal tat-tindif, u jitlob inqas ħin ta' rotazzjoni. Konsegwentement, l-ajruport ta' Hamburg ma kienx komparabbli biżżejjed mal-ajruport ta' Lübeck. |
(67) |
Fid-dawl ta' dawk il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-approċċ ġeneralment rakkomandat fil-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 għall-applikazzjoni tat-test tat-test tal-MEO għal relazzjonijiet bejn ajruporti u linji tal-ajru, jiġifieri l-analiżi tal-profitabbiltà inkrementali ex ante, irid jiġi applikat għal dan il-każ (22). |
6.2.2. Perjodu ta' żmien tal-valutazzjoni
(68) |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-perjodu ta' żmien xieraq biex tiġi vvalutata l-profitabbiltà tal-arranġamenti bejn l-ajruporti u l-linji tal-ajru tipikament huwa l-medda ta' żmien tal-ftehim innifsu. Peress li l-linji tal-ajru jistgħu jadattaw l-operazzjonijiet tagħhom f'qasir żmien u peress li l-kontenuti speċifiċi tal-ftehimiet futuri possibbli normalment ma jistgħux jitbassru, operatur ta' ajruport privat normalment ma jassumix li t-termini speċifiċi ta' ftehim se jdumu aktar mit-tul ta' żmien miftiehem (23). |
(69) |
L-Ittri ta' Akkumpanjament tal-2010 ma ġewx konklużi fl-istess żmien iżda aktar minn sott xhur bogħod minn xulxin, u dawn ikopru perjodi ta' żmien differenti. Barra minn dan, il-kontenut tagħhom ivarja safejn l-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1 biss tinkludi ħlas addizzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni ta' daqs konsiderevoli marbut ma' avveniment ta' kummerċjalizzazzjoni temporanja. |
(70) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ftehimiet jeżistu indipendentement minn xulxin u li l-profitabbiltà ta' kull ittra jeħtieġ li tiġi vvalutata b'mod separat, fit-tul ta' żmien miftiehem tagħha (24). |
(71) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza ta' Stardust Marine li, “[…] sabiex ikun eżaminat jekk l-Istat adottax jew le l-aġir ta' investitur prudenti li jopera f'ekonomija tas-suq, huwa meħtieġ li wieħed iqiegħed lilu nnifsu fil-kuntest tal-perjodu li matulu kienu mwettqa l-miżuri ta' sostenn finanzjarju sabiex tkun evalwata r-razzjonalità ekonomika tal-kondotta tal-Istat, u għalhekk m'għandha ssir ebda evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti (25).” |
(72) |
Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ftehimiet inkwistjoni, kemm l-eżistenza kif ukoll l-ammont ta' għajnuna possibbli fil-ftehimiet għalhekk għandhom jiġu vvalutati fid-dawl tas-sitwazzjoni prevalenti fil-mument meta ġew iffirmati u, b'mod aktar speċifiku, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u tal-iżviluppi prevedibbli f'dak iż-żmien. |
6.2.3. Valutazzjoni tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1
(73) |
Skont is-sentenza Charleroi (26), meta tkun qed tivvaluta l-miżuri inkwistjoni l-Kummissjoni trid tqis il-karatteristiċi rilevanti kollha tal-miżuri u l-kuntest tagħhom. Jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk, meta jkun qed jikkonkludi ftehim ma' linja tal-ajru, l-ajruport huwiex kapaċi jkopri l-kostijiet kollha li jirriżultaw mill-arranġament, fid-durata tal-arranġament, b'marġni ta' profitt raġonevoli abbażi ta' prospetti sodi fuq perjodu ta' żmien medju (27). |
(74) |
Dan għandu jitkejjel bid-differenza bejn id-dħul inkrementali mistenni li jiġi ġġenerat mill-ftehim u l-kostijiet inkrementali mistennija li jiġu mġarrba bħala riżultat tal-ftehim, fejn il-flussi ta' flus li jirriżultaw jingħataw skont b'rata ta' skont xierqa. |
(75) |
Dan l-approċċ huwa ġġustifikat mill-fatt li operatur ta' ajruport jista' jkollu interess oġġettiv fil-konklużjoni ta' tranżazzjoni ma' linja tal-ajru, irrispettivament minn kwalunkwe tqabbil mal-kundizzjonijiet offruti lil-linji tal-ajru minn operaturi ta' ajruporti oħrajn, jew saħansitra mal-kundizzjonijiet offruti mill-istess operatur ta' ajruport lil linji tal-ajru oħrajn. |
(76) |
F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota wkoll li d-differenzazzjoni fil-prezz hija prattika standard tan-negozju. Madankollu, tali politiki tal-ipprezzar differenzjati għandhom ikunu kummerċjalment ġustifikati. |
(77) |
Meta tkun qed tiġi vvalutata l-profitabbiltà inkrementali tal-ftehim, huwa xieraq li jitqiesu biss il-kostijiet u d-dħul inkrementali ġġenerati fid-durata tal-ftehim, jiġifieri mit-28 ta' Marzu sat-30 ta' Ottubru 2010. |
(78) |
F'konformità ma' dan l-approċċ, Oxera pprovdiet kalkolu ex ante tal-profitabbiltà inkrementali tal-Ittri ta' Akkumpanjament tal-2010 (28). Fil-kalkoli tagħha, Oxera tqis it-traffiku inkrimentali kollu, l-kostijiet kollha u d-dħul kollu relatat mal-operazzjoni ta' Ryanair fl-ajruport ta' Lübeck. Peress li l-Ftehim tal-2000 kien jintemm f'Mejju 2010, il-Kummissjoni ssib li din hija tajba. |
(79) |
L-analiżi ta' Oxera hija bbażata fuq it-termini tal-ftehimiet bejn FLG u Ryanair, data finanzjarja reali ta' FLG, kif ukoll projezzjonijiet ex ante minn pjan ta' direzzjoni tan-negozju sottomess mill-Ġermanja, li ġie mfassal minn FLG fl-10 ta' Marzu 2010 (29). Il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju jkopri n-numri tal-passiġġieri ex ante kif ukoll id-dħul u l-kostijiet mistennija tal-ajruport ta' Lübeck għall-perjodu bejn l-2010 u l-2015. Il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju tħejja oriġinarjament f'Diċembru 2009 u mbagħad ġie rivedut permezz tal-aġġustament tax-xenarju tat-traffiku mill-pjan oriġinali 'isfel u biż-żieda ta' żewġ xenarji addizzjonali. L-analiżi ta' Oxera tal-kostijiet u tad-dħul inkrimentali hija bbażata fuq id-data ta' din il-verżjoni riveduta tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju datata l-10 ta' Marzu 2010, għaliex tfasslet eqreb id-data tal-firma tal-Ftehimiet tal-2010. |
(80) |
Il-pjan jagħmel distinzjoni bejn tliet xenarji:
|
(81) |
Filwaqt li fl-aħjar xenarju, in-numri tal-passiġġieri jiżdiedu minn […] fl-2010 għal […] fl-2013 u jwasslu għal żieda korrispondenti ta' dħul, in-numri tal-passiġġiera jistaġnaw fix-xenarju tan-nofs f'[…], f'konformità man-numri mistennija għall-2010. Fl-agħar xenarju, in-numri tal-passiġġieri jonqsu b'mod rapidu fl-2011, u sal-2012 tintemm kull operazzjoni tal-ajruport. |
(82) |
Bl-għan li jiġu analizzati l-Ftehimiet tal-2010, Oxera sabet li mhwiex xieraq li jiġu adottati l-projezzjonijiet tal-agħar xenarju tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju, peress li dan ix-xenarju kkunsidra li l-votazzjoni pubblika taċ-ċittadini ta' Hansestadt Lübeck fl-2010 tiddeċiedi favur l-għeluq tal-ajruport. Meta jitqies l-eżitu pożittiv tal-votazzjoni pubblika li jiżgura aktar investimenti għall-ajruport fil-25 ta' April 2010 (ara l-premessa 16), xahar biss wara l-konklużjini tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1, il-Kummissjoni ssib is-suppożizzjoni ż-żewġ partijiet stennew li l-ajruport ikompli l-operazzjonijiet bħala raġonevoli (30). Biex jiġi żgurat li l-approċċ ikun konservattiv, Oxera bbażat l-analiżi tagħha primarjament fuq il-projezzjonijiet ta' FLG għax-xenarju tan-nofs. |
(83) |
It-Tabella 2 turi li d-dħul li jirriżulta mill-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1 kien mistenni li jaqbeż l-kostijiet inkrementali, li jwassal għal eċċess ta' EUR […] fix-xenarju li ġie kkalkolat minn Oxera (31). Tabella 2 Analiżi tal-profitabbiltà inkrementali tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1
|
(84) |
Peress li l-Ftehimiet tal-2010 ma jistipulawx mira tat-traffiku speċifika għal Ryanair, il-previżjoni tat-traffiku tal-ajruport jirriżulta mill-projezzjonijiet ta' FLG għas-sena 2010, kif ġie espress fix-xenarju tan-nofs tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju. Il-proporzjon ta' traffiku ta' Ryanair fl-ajruport huwa mistenni li jibqa' f'91 %, li jirrifletti l-livell medju tat-tliet snin qabel ma ġiet iffirmata l-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1. Ir-rotazzjonijiet ta' Ryanair ġew ikkalkolati, bis-suppożizzjoni ta' 189 post bilqiegħda disponibbli għal kull ajruplan u fattur ta' tagħbija ta' 80 %. Dan huwa konformi mal-fattur ta' tagħbija tal-2010 ta' Ryanair, li, skont ir-rapport annwali u d-dikjarazzjoni finanzjarja ta' Ryanair tal-2010, f'dak iż-żmien kien minn 81 sa 82 %. L-għadd ta' passiġġiera inkrimentali mistenni għad-durata tal-ftehim ġew ikkalkolati mill-għadd ta' titjiriet previsti u ġew estrapolati għad-durata tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1. |
(85) |
Meta jitqies li x-xenarju tan-nofs tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ma jassumi l-ebda tkabbir fl-għadd tal-passiġġieri, iżda jibbaża l-projezzjonijiet tiegħu fuq informazzjoni li teżisti diġà għas-sena 2010, u filwaqt li jiġi nnotat li l-għadd previst qiegħed taħt l-għadd ta' traffiku reali tas-sena preċedenti 2009, il-Kummissjoni tqis dan l-approċċ bħala wieħed sod. |
(86) |
Barra minn dan, il-Kummissjoni tinnota li l-analiżi tas-sensittività li saret minn Oxera turi li anki meta jintużaw in-numri tal-passiġġiera ex post reali ta' Ryanair, il-valur preżenti nett li jirriżulta jibqa' pożittiv f'EUR […]. |
(87) |
Skont il-prattika tal-Kummissjoni, sabiex jiġi vvalutat jekk arranġament konkluż minn ajruport ma' linja tal-ajru jissodisfax it-test tal-MEO, għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni d-dħul mistenni minn operazzjonijiet mhux ajrunawtiċi li jirriżulta mill-attivitajiet tal-linja tal-ajru, flimkien mal-imposti tal-ajruport, netti minn kwalunkwe ribass, l-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni jew skemi ta' inċentivi (“single-till approach”) (32). Għalhekk, id-dħul inkrementali li Operatur fl-Ekonomija tas-Suq privat ikun jistenna b'mod raġonevoli mill-ftehim jinkludi:
|
(88) |
Oxera tqis id-dħul ajrunawtiku għal kull passiġġier mill-imposti tal-ajruport stipulati fl-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1 b'rabta mal-Ftehim tal-2000, u timmoltiplikah bl-għadd ta' passiġġieri rispettiv. F'konformità mal-prattika tal-Kummissjoni, it-tariffi tas-sigurtà ġew esklużi mill-analiżi, peress li FLG għaddiethom lill-awtorità pubblika kompetenti (33). Oxera ssottomettiet li għall-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1, l-ajruport seta' jistenna dħul ajrunawtiku ta' EUR […]. Il-Kummissjoni ssib li dan ir-riżultat huwa sod. |
(89) |
Id-dħul mhux ajrunawtiku għal kull passiġġier jiġi kkalkolat abbażi tax-xenarju tan-nofs tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ta' FLG. F'konformità mal-projezzjonijiet għas-sena 2010, dan jassumi li d-dħul mhux ajrunawtiku se jibqa' f'madwar […] tad-dħul ajrunawtiku (34). Dan jinkludi, pereżempju, dħul minn ħwienet u ristoranti, u dħul mill-parkeġġ. Oxera tagħti l-istima li d-dħul minn negozju mhux ajrunawtiku jammonta għal EUR […]. |
(90) |
Rigward il-kalkolu tal-kostijiet inkrementali, skont il-prattika tal-Kummissjoni, iridu jitqiesu l-kostijiet kollha mġarrba mill-ajruport relatati mal-attivitajiet tal-linja tal-ajru fl-ajruport. Dawn il-kostijiet inkrementali jistgħu jinkludu l-kategoriji kollha ta' spejjeż jew kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni, bħal kostijiet inkrementali marbuta mal-persunal u mat-tagħmir ikkawżati mill-preżenza tal-linja tal-ajru fl-ajruport (35). |
(91) |
Skont il-prattika tal-Kummissjoni, il-kostijiet li l-ajruport ikollu jħallas xorta waħda, irrispettivament mill-arranġament li jkun sar mal-linja tal-ajru, ma għandhomx jitqiesu fit-test tal-MEO (36). |
(92) |
F'konformità ma' dan l-approċċ, Oxera tqis il-kostijiet operatorji u ta' kummerċjalizzazzjoni inkrimentali. |
(93) |
Il-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni jirriżultaw mill-Ftehim tal-2000, li jinżammu fl-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1, u jiżdiedu permezz tal-ħlasijiet għall-kummerċjalizzazzjoni matul il-perjodu ta' validità tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1 bejn it-28 ta' Marzu u t-30 ta' Ottubru 2010: Tabella 3 Skeda tal-ħlasijiet għall-kummerċjalizzazzjoni għal kull passiġġier li jitlaq fl-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1
|
(94) |
Peress li l-previżjoni tal-għadd ta' rotazzjonijiet qabżet it-18 fil-ġimgħa, il-ħlasijiet għall-kummerċjalizzazzjoni kienu bbażati fuq l-ammont ta' EUR […] għal kull passiġġier li jitlaq. Sabiex jiġu kkalkolati l-ħlasijiet għall-kummerċjalizzazzjoni totali, dawn il-ħlasijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ġew immoltiplikati bit-tbassir rispettiv tal-għadd ta' passiġġieri ta' Ryanar li jitilqu. Il-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni inkrementali mistennija għall-perjodu ta' bejn Marzu u Ottubru 2010 ġew ikkalkolati li jammontaw għal EUR […]. |
(95) |
Il-kostijiet operatorji inkrementali ġew stmati abbażi ta' analiżi ta' rigressjoni li identifikat l-impatt ta' bidla fl-għadd ta' passiġġieri totali fuq il-kostijiet operatorji tal-ajruport. Madankollu, bħalma jseħħ fix-xenarju tan-nofs, il-previżjoni annwali tal-kostijiet operatorji tvarja minn sena għal sena iżda l-previżjoni tal-passiġġieri ma tvarjax, għalhekk Oxera ma setgħetx twettaq analiżi ta' rigressjoni bbażata fuq dan ix-xenarju. Minflok, Oxera kkalkolat il-kostijiet operatorji inkrementali permezz tal-istimi medji mill-aħjar xenarju u mill-agħar xenarju sabiex tiżgura approċċ konservattiv. Kostijiet operatorji inkrementali stmati minn Oxera ta' EUR […]. |
(96) |
Meta jitqies is-sehem ta' Ryanair ta' madwar 90 % tat-traffiku fl-ajruport ta' Lübeck fil-mument meta ġie konkluż il-ftehim, il-Kummissjoni ssib li dan l-approċċ huwa sod. |
(97) |
Fil-kalkoli tal-profitabbiltà inkrementali tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1 ma jiġu inklużi l-ebda kostijiet ta' deprezzament (kostijiet ta' investiment). |
(98) |
Għall-kalkoli tagħha, Oxera użat rata ta' skont ta' 2,24 %, li tikkorrispondi għar-rata ta' referenza tal-Kummissjoni flimkien ma' 100 punt bażi. Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rata ta' skont ta' 10 % aktarx tkun eqreb għall-medja ppeżata tal-kostijiet tal-kapital ta' MEO milli għar-rata ta' referenza flimkien ma' 100 punt bażi. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li verifika tas-sensittività li saret minn Oxera turi li l-valur preżenti nett xorta jkun pożittiv f'EUR […] meta tintuża rata ta' skont ta' 10 %. |
(99) |
Barra minn hekk, Oxera wettqet verifika tas-sensittività li tqis xenarji differenti, fost oħrajn:
|
(100) |
Għat-test tal-MEO, l-istimi ex ante bbażati fuq id-data li kienu magħrufa u mistennija fil-mument li ttieħdet id-deċiżjoni biss huma rilevanti. Madankollu, il-valutazzjoni bbażata fuq data ex post tista' ssostni l-validazzjoni tas-suppożizzjonijiet li saru biex jiġu ddeterminati d-dħul u l-kostijiet mistennija ex ante. |
(101) |
Skont Oxera, fix-xenarji kollha deskritti hawn fuq, il-valur preżenti nett jibqa' pożittiv. |
(102) |
Barra minn hekk, Oxera wettqet analiżi tas-sensittività addizzjonali li kkunsidrat il-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS tad-29 ta' Marzu 2010. |
(103) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1 u l-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010 bejn FLG u AMS ġew iffirmati fl-istess data u għandhom l-istess perjodu kuntrattwali. AMS hija sussidjarja li tappartjeni kompletament għal Ryanair u d-diretturi tagħha huma eżekuttivi għolja ta' Ryanair. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li Ryanair u AMS jikkostitwixxu entità ekonomika waħda fis-sens li AMS taġixxi f'konformità mal-interessi ta' Ryanair u taħt il-kontroll tagħha, u l-profitti li tiġġenera huma destinati għal Ryanair, fil-forma ta' dividendi jew ta' żieda fil-valur tal-kumpanija. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra l-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1 u l-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010 bħala konklużi bejn l-istess partijiet. Barra minn hekk, il-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010 jistqarr li huwa msejjes fl-impenn ta' Ryanair li topera rotot minn/lejn Lübeck. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra l-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1 u l-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010 bħala li jagħmlu parti mill-istess tranżazzjoni kummerċjali. Is-sempliċi fatt li FLG ikkonkludiet il-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010 ma' AMS u mhux ma' Ryanair ma jistax jipprevjeni wieħed milli jqis li kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u kuntratt tas-servizzi tal-ajruport konklużi fl-istess ħin jiffurmaw tranżazzjoni waħda. |
(104) |
Għalhekk, il-Kummissjoni temmen li l-profitabbiltà taż-żewġ ftehimiet għandha tiġi kkunsidrata b'mod konġunt. |
(105) |
L-analiżi tar-riskju ta' Oxera turi li jekk il-ħlas ta' EUR […] miftiehem minn FLG skont il-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010 ma' AMS jiġi inkluż fil-kalkolu, il-PVN jibqa' pożittiv f'EUR […]. Il-ftehim ma' AMS għalhekk għandu biss influwenza baxxa fuq il-profitabbiltà tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1. |
(106) |
Wara valutazzjoni fil-fond tar-rapporti ta' Oxera, il-Kummissjoni temmen li r-riżultati ppreżentati huma raġonevoli u li l-metodoloġija użata hija soda. Din is-sejba tiġi sostnuta mill-fatt li r-rapporti huma bbażati biss fuq informazzjoni ex ante li kienet disponibbli fil-mument meta ġie ffirmat il-ftehim. Barra minn dan, l-analiżi tas-sensittività li saret minn Oxera tivvalida s-suppożizzjoni ta' valur preżenti nett pożittiv. |
(107) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li minn perspettiva ex ante, l-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1 aktarx kienet se tkun ta' profitt. B'mod simili, peress li l-miżuri ta' kummerċjalizzazzjoni għandhom il-ħsieb li jattiraw aktar passiġġieri, il-ftehim jista' jiġi kkunsidrat ukoll li jagħmel parti mill-implimentazzjoni ta' strateġija ġenerali li twassal għall-profitabbiltà mill-inqas fuq perjodu ta' żmien twil. |
6.2.4. Valutazzjoni tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2
(108) |
Meta jitqiesu l-ispjegazzjonijiet taħt it-Taqsima 6.2.2, MEO jkun ivvaluta il-kostijiet u d-dħul inkrimentali għat-terminu tal-applikazzjoni tal-ftehim, jiġifieri mill-31 ta' Ottubru 2010 sal-1 ta' Novembru 2013. |
(109) |
Il-kalkoli li saru minn Oxera fir-rigward tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2 isegwu l-istess metodoloġija bħall-kalkoli għall-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1. |
(110) |
It-Tabella 4 turi li d-dħul li jirriżulta mill-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2 kien mistenni li jaqbeż il-kostijiet, li jwassal għal eċċess ta' EUR […] fix-xenarju li ġie kkalkolat minn Oxera. Tabella 4 Analiżi tal-profitabbiltà inkrementali tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2
|
(111) |
Oxera ssottomettiet li abbażi tal-imposti stipulati fil-Ftehim tal-2000 u fl-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2, l-ajruport seta' jistenna dħul ajrunawtiku ta' total ta' EUR […]. Fir-rigward tad-dħul mhux ajrunawtiku, għal darb'oħra Oxera ddependiet fuq l-informazzjoni mix-xenarju tan-nofs tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ta' FLG li jbassar li d-dħul se jibqa' fil-livell tal-2010, u dħul stmat ta' EUR […]. |
(112) |
Billi ssegwi l-istess approċċ, Oxera stmat li l-kostijiet operatorji inkrementali totali kienu EUR […]. Il-kalkolu tal-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni kien ibbażat fuq it-termini tal-Ftehim tal-2000 orġinali, immoltiplikat bil-previżjonijiet rispettivi tal-għadd ta' passiġġieri ta' Ryanair li jitilqu. |
(113) |
Għar-raġunijiet imsemmija fil-premessi 82 sa 96 hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-approċċ ta' Oxera huwa sod. |
(114) |
Il-Kummissjoni tinnota li fil-kalkolu tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2, Oxera inkludiet kostijiet tal-investiment, li jikkonsistu minn proporzjon relatat mal-passiġġieri tal-kostijiet ta' deprezzament. Il-kostijiet jiġu stmati permezz ta' analiżi ta' rigressjoni tal-investimenti ppjanati u n-numri tal-passiġġieri mistennija skont il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju. |
(115) |
Il-Kummissjoni tinnota li skont ix-xenarju tan-nofs tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju tal-2010 ta' FLG, l-ebda investiment ma kien speċifiku għal Ryanair iżda potenzjalment dawn setgħu jiġu sfruttati minn linji tal-ajru oħra. Dan jindika li l-kostijiet ta' investiment ma kellhomx bżonn jiġu inklużi fil-kostijiet inkrementali tal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-Ġermanja saħqet li FLG ippruvat bla heda tattira linji tal-ajru oħra u rnexxielha tagħmel dan għaliex Wizz Air kienet qed topera wkoll mill-ajruport. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Ftehimiet tal-2010 ma kinux jeħtieġu li FLG tagħmel investimenti. |
(116) |
Fid-dawl ta' dawk il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li mhuwiex raġonevoli li l-investimenti li saru fl-ajruport ta' Lübeck jiġu attribwiti mal-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota wkoll li anki jekk il-kostijiet tal-investiment ikunu ġew attribwiti għall-ftehim, il-VPN mistenni xorta kien pożittiv, fejn jammonta għal EUR […]. |
(117) |
Barra minn hekk, l-analiżi tas-sensittività li saret minn Oxera turi VPN pożittiv fix-xenarji li ġejjin:
|
(118) |
F'dak ir-rigward, id-dikjarazzjonijiet preċedenti fil-premessi 98 sa 101 japplikaw ukoll għall-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2. |
(119) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li minn perspettiva ex ante, l-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2 aktarx kienet se tkun ta' profitt. B'mod simili, fid-dawl tal-kontribuzzjoni pożittiva ċara, il-ftehim jista' jiġi kkunsidrat ukoll li jagħmel parti mill-implimentazzjoni ta' strateġija ġenerali li twassal għall-profitabbiltà mill-inqas fuq perjodu ta' żmien twil. |
6.2.5. Riżultat tal-valutazzjoni
(120) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta, Il-Kummissjoni tikkunsidra li FLG setgħet tistenna redditu inkrementali pożittiv fuq il-Ftehimiet tal-2010 ma' Ryanair. |
(121) |
Barra minn hekk, seta' jiġi mistenni wkoll li l-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1 tkun ta' profitt b'mod inkrementali, anki meta jitqies il-ftehim tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS. |
(122) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li FLG aġixxiet bħala MEO meta kkonkludiet il-Ftehimiet tal-2010 ma' Ryanair. Għalhekk, dawn il-ftehimiet ma jagħtux vantaġġ ekonomiku li Ryanair ma setgħetx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. |
7. KONKLUŻJONI
(123) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Ittri ta' Akkumpanjament tal-2010 ma jagħtux vantaġġ ekonomiku lil Ryanair. Għalhekk, la l-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1 u lanqas l-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2 ma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 1 tad-29 ta' Marzu 2010 konkluża bejn Ryanair Ltd u Flughafen Lübeck GmbH ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.
Artikolu 2
L-Ittra ta' Akkumpanjament Nru 2 tal-31 ta' Ottubru 2010 konkluża bejn Ryanair Ltd u Flughafen Lübeck GmbH ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Frar 2018.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU C 241, 10.8.2012, p. 56.
(2) ĠU C 287, 29.11.2007, p. 27.
(3) ĠU C 295, 7.12.2007, p. 29.
(4) SGF hija organizzazzjoni nongovernattiva rreġistrata skont ir-regoli tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta' ċerti pjani u programmi li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).
(5) Qabel il-ftuħ, il-miżuri ġew investigati fil-każijiet CP 31/2009 (SA.27585) u CP 162/2010 (SA.31149).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2012 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.27585 u SA.31149 (2012/C) (ex NN/2011, ex CP 31/2009 u CP 162/2010) Għajnuna allegata mill-Istat mogħtija lill-ajruport ta'Lübeck, Infratil u l-linji tal-ajru li jużaw l-ajruport (Ryanair, Wizz Air u oħrajn) – il-Ġermanja – Stedina biex jitressqu l-kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat (ĠU C 241, 10.8.2012, p. 56).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2336 tas-7 ta' Frar 2017, SA.21877 (C 24/2007), SA.27585 (2012/C) u SA.31149 (2012/C) – il-Ġermanja – Għajnuna allegata mill-Istat lil Flughafen Lübeck GmbH, lil Infratil Limited, lil Ryanair u lil linji tal-ajru oħra li jużaw l-ajruport (ĠU L 339, 19.12.2017, p. 1).
(8) Ara l-Premessa 186 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/2336.
(9) Rapport ta' Oxera, Valutazzjoni Ekonomika tal-Prinċipju tal-Operatur fl-Ekonomija tas-Suq (MEOP): Ajruport ta' Lübeck, 6 ta' Frar 2015.
(10) Take-Off Konzept – Flughafen Lübeck GmbH, 21 ta' Diċembru 2009, p. 23.
(*1) Informazzjoni kunfidenzjali.
(11) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta' Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken v Commission (“Helaba I”), T-163/05, ECLI:EU:T:2010:59.
(12) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (“Stardust Marine”), C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294.
(13) Rapport ta' Oxera, Valutazzjoni Ekonomika tal-MEOP: Ajruport ta' Lübeck, 6 ta' Frar 2015; Rapport ta' Oxera, Risposta għat-talba tal-Kummissjoni Ewropea, 6 ta' Ottubru 2017.
(14) Ara pereżempju s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Lulju 1996, Syndicat français de l'Express international (SFEI) u Oħrajn vs La Poste u Oħrajn, C-39/94, ECLI:EU:C:1996:285, il-paragrafu 60.
(15) Ibid.
(16) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3).
(17) Ara l-punt 53 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.
(18) Ara l-punt 59 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.
(19) Ara l-Premessi 88 u 89 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/60/UE tas-27 ta' Jannar 2010 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 12/08 (ex NN 74/07) - Is-Slovakkja – Ftehim bejn l-Ajruport ta' Bratislava u Ryanair (ĠU L 27, 1.2.2011, p. 24).
(20) Ara, fir-rigward tal-parametraġġ referenzjarju b'referenza għall-profitabbiltà (meta mqabbel mal-ipprezzar) fis-settur, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta' Lulju 2014, Ir-Renju ta' Spanja u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, il-kawżi magħquda T-319/12 u T-321/12, ECLI:EU:T:2014:604, il-paragrafu 44.
(21) Għall-kirterji ulterjuri li għandhom jiġu vvalutati, ara l-punt 60 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.
(22) Ara l-punti 61 u 63 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.
(23) Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1227 tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.22614 (C 53/07) implimentata minn Franza favur il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta' Pau-Béarn, Ryanair, Airport Marketing Services u Transavia (ĠU L 201, 30.7.2015, p. 109).
(24) Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Settembru 1998, BP Chemicals Limited vs il-Kummissjoni (“BP Chemicals”), T-11/95, ECLI:UE:T:1998:199, il-paragrafi 170 u 171; Il-Premessi 14 sa 33 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2012 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35378 (2012/N) – il-Ġermanja– Finanzjament tal-Ajruport ta' Berlin Brandenburg (ĠU C 36, 8.2.2013, p. 10).
(25) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (“Stardust Marine”), C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-paragrafu 71.
(26) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Diċembru 2008, Ryanair Ltd vs il-Kummissjoni, T-196/04, ECLI:EU:T:2008:585, il-paragrafu 59.
(27) Ara l-punt 63 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.
(28) Rapport ta' Oxera, Valutazzjoni Ekonomika tal-MEOP: Ajruport ta' Lübeck, is-6 ta' Frar 2015; Rapport ta' Oxera, Risposta għat-talba tal-Kummissjoni Ewropea, is-6 ta' Ottubru 2017.
(29) Flughafen Lübeck – Fortschreibung des Takeoff-Konzepts inkl. Business- und Investitionsplanung, l-10 ta' Marzu 2010.
(30) Ara Take-OFF Konzept - Flughafen Lübeck GmbH tal-21 ta' Diċembru 2009. Din is-suppożizzjoni hija konformi wkoll ma' ittra sottomessa minn Ryanair indirizzata lejn FLG fl-2009, li tistqarr impenji differenti ta' Ryanair fir-rigward ta' kooperazzjoni futura.
(31) Skont ir-rapport ta' Oxera tas-6 ta' Frar 2015, il-valur preżenti nett taż-żewġ ittri ta' akkumpanjament ukoll huwa pożittiv, jekk il-projezzjonijiet ikunu bbażati fuq l-aħjar xenarju tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju.
(32) Ara l-punt 64 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.
(33) Ibid.
(34) Il-Kummissjoni tinnota li dan ir-riżultat jassumi żieda ta' dħul mhux ajrunawtiku għal kull passiġġier minn madwar […] tad-dħul ajrunawtiku, li ntużat bħala l-bażi għall-Ftehim tal-2000, għal madwar […] fl-2010. Il-Kummissjoni ssib li din is-suppożizzjoni hija raġonevoli, meta jitqies it-tkabbir tan-negozju fl-ajruport ta' Lübeck wara s-sena 2000.
(35) Ara l-Punt 64 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014.
(36) Ara l-Punt 64 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014; Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1226 tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33963 (2012/C) (ex 2012/NN) implimentata minn Franza favur il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta' Angoulême, SNC-Lavalin, Ryanair u Airport Marketing Services (ĠU L 201, 30.7.2015, p. 48); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1584 tal-1 ta' Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.23098 (C 37/07) (ex NN 36/07) implimentata mill-Italja favur is-Società di Gestione dell'Aeroporto di Alghero So.Ge.A.AL S.p.A. u diversi trasportaturi tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Alghero (ĠU L 250, 25.9.2015, p. 38); Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2069 tal-1 ta' Ottubru 2014 dwar il-miżuri SA.14093 (C76/2002) li l-Belġju implimenta favur Brussels South Charleroi Airport u Ryanair (ĠU L 325, 30.11.2016, p. 63).
(37) Skont Oxera, ma setgħetx tinkiseb data minn FLG li tkopri l-perjodu ta' wara l-2010.