EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0754

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/754 tal-14 ta' Mejju 2018 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius

ĠU L 128, 24.5.2018, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/754/oj

Related international agreement

24.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/754

tal-14 ta' Mejju 2018

dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fit-28 ta' Jannar 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/146/UE dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius (2) (“il-Ftehim”).

(2)

L-ewwel Protokoll (3) tal-Ftehim stabbilixxa, għal perjodu ta' tliet snin, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Repubblika ta' Mauritius (“Mauritius”) u l-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Unjoni. Il-perjodu ta' applikazzjoni ta' dak il-Protokoll skada fis-27 ta' Jannar 2017.

(3)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1960 (4), Protokoll ġdid li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius (5) (“il-Protokoll”) ġie ffirmat fit-8 ta' Diċembru 2017, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(4)

Il-Protokoll ġie applikat fuq bażi proviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu.

(5)

L-għan tal-Protokoll huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u Mauritius għall-promozzjoni ta' politika tas-sajd sostenibbli u għall-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta' Mauritius u għall-appoġġ biex Mauritius jiżviluppa ekonomija tal-oċeani sostenibbli.

(6)

Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi approvat.

(7)

L-Artikolu 9 tal-Ftehim jistabbilixxi l-Kumitat Konġunt responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Ftehim (“il-Kumitat Konġunt”). Barra minn hekk, f'konformità mal-Artikolu 5, l-Artikolu 6(2) u l-Artikoli 7 u 8 tal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt għandu l-kapaċità li japprova ċertu emendi tal-Protokoll. Sabiex titħaffef l-approvazzjoni ta' dawn l-emendi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa, b'ċertu kundizzjonijiet, tapprovahom bi proċedura ssimplifikata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius (“il-Protokoll”) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (6).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifiki previsti fl-Artikolu 16 tal-Protokoll. (7).

Artikolu 3

Suġġett għad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tapprova, f'isem l-Unjoni, l-emendi għaall-Protokoll li jridu jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  Kunsens tas-17 ta' April 2018 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/146/UE tat-28 ta' Jannar 2014 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius (ĠU L 79, 18.3.2014, p. 2).

(3)  Il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius (ĠU L 79, 18.3.2014, p. 9).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1960 tat-23 ta' Ottubru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Mauritius (ĠU L 279, 28.10.2017, p. 1).

(5)  ĠU L 279, 28.10.2017, p. 3.

(6)  Il-Protokoll ġie ppubblikat fil-ĠU L 279, tat-28.10.2017, p. 3 flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar tiegħu.

(7)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ANNESS

IL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAS-SETGĦAT MOGĦTIJA U L-PROĊEDURA BIEX TIĠI STABBILITA L-POŻIZZJONI TAL-UNJONI FIL-KUMITAT KONĠUNT

(1)

Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tinnegozja mar-Repubblika ta' Mauritius u, fejn ikun xieraq u sakemm tkun konformi mal-punt (3) ta' dan l-Anness, tapprova l-emendi fil-Protokoll fejn jidħlu l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

reviżjoni tal-opportunitajiet tas-sajd u dispożizzjonijiet relatati f'konformità mal-Artikoli 7 u 8 tal-Protokoll;

(b)

deċiżjonijiet dwar il-modalitajiet tal-appoġġ settorjali skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll;

(c)

miżuri ta' ġestjoni li huma fil-kompetenza tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 6(2) tal-Protokoll.

(2)

Fil-Kumitat Konġunt, l-Unjoni għandha:

(a)

taġixxi skont l-għanijiet li ssegwi l-Unjoni fil-qafas tal-politika komuni tas-ajd;

(b)

tikkonforma mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni Esterna tal-politika komuni tas-sajd;

(c)

tippromwovi pożizzjonijiet li huma konsistenti mar-regoli rilevanti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd u fil-kuntest tal-ġestjoni konġunta min-naħa tal-Istati kostali.

(3)

Meta waqt laqgħa tal-Kumitat Konġunt ikun maħsub li tiġi adottata deċiżjoni dwar l-emendi fil-Protokoll imsemmija fil-punt (1), għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni tkun tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u rilevanti oħra li tkun intbagħtet lill-Kummissjoni.

Għal dan il-għan, u abbażi ta' dik l-informazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jibagħtu lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu, biżżejjed żmien qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt, dokument li jispjega fid-dettall l-elementi speċifiċi tal-pożizzjoni proposta tal-Unjoni, għall-analiżi u l-approvazzjoni tiegħu.

(4)

Fejn jidħlu l-kwistjonijiet imsemmija fil-punt (1)(a), l-approvazzjoni tal-pożizzjoni prevista tal-Unjoni għandha teħtieġ maġġoranza kkwalifikata tal-voti. Fil-każijiet l-oħra, il-pożizzjoni prevista tal-Unjoni mogħtija fid-dokument ta' tħejjija għandha titqies li tkun ġiet approvata, ħlief meta għadd ta' Stati Membri li jkun daqs minoranza li timblokka joġġezzjonaw għaliha waqt laqgħa tal-korp preparatorju tal-Kunsill jew fi żmien għoxrin jum minn meta jasal id-dokument ta' tħejjija, skont liema minnhom tiġi l-ewwel. F'każ li jkun hemm xi oġġezzjoni, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill.

(5)

Jekk, waqt laqgħat ulterjuri, fosthom dawk fuq il-post, ma jkunx jista' jintlaħaq qbil sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

(6)

Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu, fi żmien dovut, kwalunkwe pass meħtieġ sabiex tiżgura s-segwitu tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, fejn ikun xieraq, billi tippubblika d-deċiżjoni rilevanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u billi tressaq kwalunkwe proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dik id-deċiżjoni.


Top