Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0115

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/115 tal-24 ta' Jannar 2018 li temenda, fir-rigward tal-lokalizzazzjoni taċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/413 li tiddetermina l-lokalizzazzjoni tal-infrastruttura tas-sistema stabbilita skont il-programm Galileo u li tipprevedi l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-operat tiegħu u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/117/UE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2018/0478

    ĠU L 20, 25.1.2018, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/115/oj

    25.1.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 20/14


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/115

    tal-24 ta' Jannar 2018

    li temenda, fir-rigward tal-lokalizzazzjoni taċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/413 li tiddetermina l-lokalizzazzjoni tal-infrastruttura tas-sistema stabbilita skont il-programm Galileo u li tipprevedi l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-operat tiegħu u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/117/UE

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3), il-punt (c) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/413 (2), fl-Anness tagħha tipprevedi li ċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo (GSMC) se jinqasam f'żewġ lokalitajiet u se jitwaqqaf progressivament fi Franza u fir-Renju Unit.

    (2)

    Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li ma jibqax fl-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-GSMC jenħtieġ li jkun lokalizzat fit-territorju ta' Stat Membru tal-Unjoni għal raġunijiet ta' sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari fid-dawl tar-regoli ta' protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata u tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' tagħmir kriptografiku u ta' teknoloġija tal-PRS.

    (3)

    Fil-linji gwida tiegħu li ġew adottati fid-29 ta' April 2017 wara n-notifika tar-Renju Unit, il-Kunsill Ewropew indika li l-kwistjoni tal-lokalizzazzjoni futura tal-kwartieri ġenerali tal-installazzjonijiet tal-Unjoni li jinsabu fir-Renju Unit kellha tiġi riżolta malajr kemm jista' jkun u li jenħtieġu arranġamenti biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tagħhom. Għalhekk huwa importanti li jiġi previst it-trasferiment mingħajr dewmien tal-GSMC lokalizzat fir-Renju Unit lejn it-territorju ta' Stat Membru ieħor tal-Unjoni.

    (4)

    Għalhekk, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013, il-Kummissjoni nediet proċedura ta' għażla miftuħa u trasparenti biex tinsab il-lokalizzazzjoni l-ġdida tal-GSMC li s'issa għadu lokalizzat fir-Renju Unit. Din il-proċedura twettqet f'żewġ stadji, peress li l-Kummissjoni inizjalment bagħtet sejħa għal espressjonijiet ta' interess lill-Istati Membri u mbagħad, fit-tieni stadju, stiednet lill-Istati Membri kandidati biex jippreżentaw il-proposti dettaljati tagħhom.

    (5)

    Bħala konklużjoni tal-proċedura ta' evalwazzjoni, tqies li l-proposta ta' Spanja kienet l-aħjar waħda fir-rigward tal-kriterji ta' evalwazzjoni użati, b'kont meħud tar-rilevanza tas-soluzzjoni teknika proposta għall-provvista tal-installazzjonijiet u tal-forniment tas-servizzi essenzjali għall-operat taċ-ċentru, mill-preċiżjoni tad-determinazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji, b'mod partikolari r-riskji relatati mas-sigurtà u r-restrizzjonijiet temporali, l-aċċettazzjoni minn Spanja tal-kundizzjonijiet tal-ftehim ta' stabbiliment mal-Kummissjoni u l-għoti ta' privileġġi addizzjonali, il-livell ta' dettall u ta' trasparenza tad-deskrizzjoni tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni u l-operat taċ-ċentru, u tal-kundizzjonijiet finanzjarji vantaġġjużi tal-proposta għall-baġit tal-Unjoni. Għaldaqstant huwa xieraq li tintgħażel il-proposta ta' Spanja.

    (6)

    Iċ-ċentru jrid jitwaqqaf f'Marzu 2018 b'numru limitat ta' installazzjonijiet sabiex ikun jista' jopera malajr kemm jista' jkun bħala ċentru ta' emerġenza għaċ-ċentru prinċipali lokalizzat fi Franza, u jenħtieġ li jibda jopera kompletament f'Marzu 2019. Għandu wkoll ikun is-suġġett ta' ftehim ta' stabbiliment ma' Spanja.

    (7)

    Għaldaqstant, l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/413 għandu jiġi emendat skont dan.

    (8)

    Huwa importanti wkoll li jiġi emendat it-test tal-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/413 biex jittieħed kont tal-fatt li l-istabbiliment taċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo lokalizzat fi Franza tabilħaqq tlesta fl-2017.

    (9)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/413, fir-ringiela dwar iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo (GSMC), fil-kolonna “Miżuri ta' lokalizzazzjoni u implimentazzjoni għall-iżgurar tal-operat”, is-sentenzi “Iċ-ċentru tas-sigurtà Galileo, maqsum f'żewġ postijiet, se jitwaqqaf fi stadji fi Franza u fir-Renju Unit. It-twaqqif għandu jibda fl-2013 u għandu jkun tlesta sal-2017. Dan kien is-suġġett ta' ftehim iffirmat fl-2013 ma' Franza u mar-Renju Unit.” jinbidlu bis-sentenzi “Iċ-ċentru tas-sigurtà Galileo, lokalizzat f'żewġ postijiet, se jitwaqqaf fi Franza u fi Spanja. It-twaqqif tas-sit fi Franza tlesta fil-2017 u kien is-suġġett ta' ftehim iffirmat fl-2013 ma' Franza. It-twaqqif tas-sit fi Spanja se jibda f'Marzu 2018 b'numru limitat ta' installazzjonijiet u jrid jitlesta kompletament f'Marzu 2019. Dan għandu jkun is-suġġett ta' ftehim li jrid jiġi ffirmat ma' Spanja fl-2018.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Jannar 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/413 tat-18 ta' Marzu 2016 li tiddetermina l-lokalizzazzjoni tal-infrastruttura tas-sistema stabbilita skont il-programm Galileo u li tipprevedi l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-operat tiegħu u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/117/UE (ĠU L 74, 19.3.2016, p. 45).


    Top