This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R2459
Council Implementing Regulation (EU) 2017/2459 of 5 December 2017 amending Implementing Regulation (EU) No 282/2011 laying down implementing measures for Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2459 tal-5 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2459 tal-5 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
ĠU L 348, 29.12.2017, p. 32–33
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32011R0282 | Sostituzzjoni | artikolu 24b | 01/01/2019 |
29.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 348/32 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2459
tal-5 ta' Diċembru 2017
li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 397 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (2) jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati għall-preżunzjoni tal-post fejn ikun il-klijent biex jiġi ddeterminat il-lok tal-forniment ta' servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew tas-servizzi fornuti b'mod elettroniku mogħtija lil persuni mhux taxxabbli. |
(2) |
L-evalwazzjoni tar-rekwiżiti għall-applikazzjoni ta' dawk il-preżunzjonijiet uriet li huwa estremament ta' piż għall-persuna taxxabbli li tkun stabbilita fi Stat Membru u li tforni tali servizzi lil persuna mhux taxxabbli fi Stati Membri oħra biex tikseb, f'ċerti ċirkostanzi, żewġ elementi ta' evidenza mhux kontradittorji tal-post fejn il-klijent tagħha jkun stabbilit jew ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment jirrisjedi. |
(3) |
Il-piż huwa partikolarment oneruż għal kumpaniji żgħar u ta' daqs medju. Jenħtieġ li r-rekwiżit għal element wieħed ta' evidenza jissimplifika l-obbligi għal tali kumpaniji li l-forniment intra-Komunitarju minnhom lil konsumaturi fi Stati Membri oħra jkun taħt ċertu limitu. |
(4) |
Is-simplifikazzjoni tar-rekwiżit għall-prova tal-post fejn ikun il-klijent hija komplementarja għall-emendi introdotti bl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 (3) fl-iskemi speċjali stabbiliti fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE u għalhekk jenħtieġ li tapplika mill-istess data. |
(5) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 24b tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 jinbidel kif ġej:
“Artikolu 24b
Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2006/112/KE, fejn ikunu fornuti servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir jew servizzi fornuti b'mod elettroniku lil persuna mhux taxxabbli:
(a) |
permezz tal-linja fissa tat-telefon tiegħu, għandu jkun preżunt li l-klijent huwa stabbilit, jew għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment hu residenti fil-post fejn tkun installata l-linja fissa; |
(b) |
permezz ta' netwerks mobbli, għandu jkun preżunt li l-post fejn il- klijent ikun stabbilit, jew għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment hu residenti fil-pajjiż identifikat mill-kodiċi ċellulari nazzjonali tal-kard tas-SIM li tintuża meta jiġu rċevuti dawk is-servizzi; |
(c) |
li għaliha jkun meħtieġ l-użu ta' decoder jew apparat simili jew ta' kard ta' riċezzjoni u mingħajr ma tintuża linja tat-telefon fissa, għandu jkun preżunt li l-klijent huwa stabbilit, jew għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment hu residenti fil-post fejn ikun jinsab dak id-decoder jew apparat simili, jew jekk dak il-post ma jkunx magħruf, il-post fejn tintbagħat il-kard ta' riċezzjoni bil-ħsieb li tintuża hemmhekk; |
(d) |
f'ċirkostanzi li mhumiex dawk imsemmijin fl-Artikolu 24a u fil- punti (a), (b) u (c) ta' dan l-Artikolu, għandu jkun preżunt li l-klijent huwa stabbilit, jew għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment hu residenti fil-post identifikat bħala tali mill-fornitur abbażi ta' żewġ elementi ta' evidenza mhux kontradittorji kif elenkati fl-Artikolu 24f ta' dan ir-Regolament. |
Mingħajr preġudizzju għall-punt (d) tal-ewwel paragrafu, għall-fornimenti ta' servizzi li jaqgħu taħt dak il-punt, fejn il-valur totali ta' tali fornimenti, mingħajr VAT, ipprovduti minn persuna taxxabli mill-istabbiliment tan-negozju tagħha jew stabbiliment fiss li jinsab fi Stat Membru, li ma jaqbżux il-EUR 100 000, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, fis-sena kalendarja kurrenti u preċedenti, il-preżunzjoni għandha tkun li l-klijent huwa stabbilit, jew għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment hu residenti fil-post identifikat bħala tali mill-fornitur abbażi ta' element wieħed ta' evidenza pprovdut minn persuna involuta fil-forniment tas-servizzi li ma tkunx il-fornitur jew il-klijent, kif elenkat fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 24f.
Fejn, matul sena kalendarja, ikun inqabeż il-livell previst fit-tieni paragrafu, dak il-paragrafu ma għandux japplika minn dak il-mument u sa meta l-kondizzjonijiet previsti f'dak il-paragrafu jerġgħu jkunu sodisfatti.
Il-valur korrispondenti tal-ammont fil-munita nazzjonali għandu jiġi kkalkulat billi tiġi applikata r-rata tal-kambju ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2459 (*1).
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
T. TÕNISTE
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta' Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta' ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta' servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta' oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).