Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2241

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2241 tas-6 ta' Diċembru 2017 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/8073

    ĠU L 322, 7.12.2017, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2241/oj

    7.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 322/27


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2241

    tas-6 ta' Diċembru 2017

    dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 497(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-swieq finanzjarji internazzjonali u sabiex ma jitħalliex li l-istituzzjonijiet ikunu penalizzati billi jiġu soġġetti għal rekwiżiti ogħla ta' fondi proprji matul il-proċessi ta' rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (central counterparties — CCPs) eżistenti ta' pajjiżi terzi, l-Artikolu 497(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 stabbilixxa perjodu tranżizzjonali li matulu s-CCPs ta' pajjiżi terzi li l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni jikklerjaw it-tranżazzjonijiet magħhom, ikunu jistgħu jitqiesu bħala CCPs kwalifikanti minn dawn l-istituzzjonijiet.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 emenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward ta' ċerti inputs għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji tal-istituzzjonijiet għal skoperturi għal CCPs ta' pajjiżi terzi. Għaldaqstant, l-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jobbliga ċerti CCPs ta' pajjiżi terzi biex jirrappurtaw, għal perjodu ta' żmien limitat, l-ammont totali tal-marġni inizjali li huma jkunu rċevew mill-membri tal-ikklerjar tagħhom. Dan il-perjodu tranżizzjonali jirrifletti l-perjodu stabbilit fl-Artikolu 497(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

    (3)

    Iż-żewġ perjodi tranżizzjonali kienu previsti li jiskadu fil-15 ta' Ġunju 2014.

    (4)

    L-Artikolu 497(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex f'ċirkostanzi eċċezzjonali tadotta att ta' implimentazzjoni sabiex il-perjodu tranżizzjonali għar-rekwiżiti ta' fondi proprji jiġi estiż b'sitt xhur. Din l-estensjoni jinħtieġ li tapplika wkoll fir-rigward tal-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Dawk il-perjodi tranżizzjonali ġew estiżi riċentement sal-15 ta' Diċembru 2017 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/954 (3).

    (5)

    Mis-CCPs stabbiliti fil-pajjiżi terzi li applikaw għal rikonoxximent skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, 29 CCP ġew rikonoxxuti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq. Minn dawk, CCP waħda minn New Zealand ġiet rikonoxxuta abbażi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2274 (4). Barra minn hekk, tliet CCPs oħra mill-Indja ġew rikonoxxuti abbażi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2269 (5). Is-CCPs ta' pajjiżi terzi li jifdal għadhom qegħdin jistennewir-rikonoxximent u l-proċess ta' rikonoxximent mhuwiex se jkun lest sal-15 ta' Diċembru 2017. Jekk il-perjodu tranżizzjonali ma jiġix estiż, l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew is-sussidjarji tagħhom stabbiliti barra mill-Unjoni) li għandhom skoperturi għal dawk is-CCPs li jifdal ta' pajjiżi terzi se jkunu meħtieġa jżidu fondi proprji għal dawk l-iskoperturi b'mod sinifikanti, li potenzjalment iwasslu għall-irtirar ta' dawk l-istituzzjonijiet bħala parteċipanti diretti f'dawk is-CCPs jew għall-anqas temporanjament, għall-irtirar tad-dispożizzjonijiet ta' servizzi ta' kklerjar lill-klijenti ta' dawk l-istituzzjonijiet u għalhekk joħolqu tfixkil qawwi fis-swieq li joperaw fihom dawk is-CCPs.

    (6)

    Għaldaqstant, wara li tiskadi l-estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali stabbilita fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/954, tibqa' l-ħtieġa li jiġi evitat it-tfixkil fi swieq barra l-Unjoni, li wassal għall-estensjonijiet ta' qabel tal-perjodu tranżizzjonali stabbilit fil-Artikolu 497(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Estensjoni ulterjuri tal-perjodu tranżizzjonali tkun tippermetti lill-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew lis-sussidjarji tagħhom stabbiliti barra mill-Unjoni) li jevitaw żieda sinifikanti fir-rekwiżiti ta' fondi proprji minħabba li ma jkunx tlesta l-proċess ta' rikonoxximent għal CCPs li jipprovdu, b'mod vijabbli u aċċessibbli, it-tip ta' servizzi ta' kklerjar li l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni (jew is-sussidjarji tagħhom stabbiliti barra l-Unjoni) jeħtieġu. Għalhekk jixraq li l-perjodi tranżizzjonali jiġu estiżi b'sitt xhur oħra.

    (7)

    Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Banek Ewropej,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-perjodi ta' 15-il xahar imsemmija fl-Artikolu 497(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 89(5a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, rispettivament, kif estiżi l-aħħar fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/954, qed jiġu estiżi b'sitt xhur oħra sal-15 ta' Ġunju 2018.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Diċembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/954 tas-6 ta' Ġunju 2017 dwar l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali relatati ma' rekwiżiti ta' fondi proprji għal skoperturi għal kontropartijiet ċentrali fir-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 144, 7.6.2017, p. 14).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2274 tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fi New Zealand skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 54).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2269 tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fl-Indja skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 342, 16.12.2016, p. 38).


    Top