Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2066

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2066 tat-13 ta' Novembru 2017 dwar l-approvazzjoni tat-trab taż-żerriegħa tal-mustarda bħala sustanza bażika, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/7433

    ĠU L 295, 14.11.2017, p. 43–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2066/oj

    14.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 295/43


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2066

    tat-13 ta' Novembru 2017

    dwar l-approvazzjoni tat-trab taż-żerriegħa tal-mustarda bħala sustanza bażika, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Bi qbil mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fis-6 ta' Ġunju 2016 il-Kummissjoni waslitilha applikazzjoni mill-Institut Technique de l'Agriculture Biologique (ITAB) (Franza) għall-approvazzjoni tat-trab taż-żerriegħa tal-mustarda bħala sustanza bażika. Ma' dik l-applikazzjoni ngħatat l-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (2)

    Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) għall-għajnuna xjentifika. Fl-20 ta' Jannar 2017, l-Awtorità ppreżentat Rapport Tekniku dwar it-trab taż-żerriegħa tal-mustarda (2) lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz tar-rapport ta' rieżami (3) kif ukoll abbozz ta' dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fl-20 ta' Lulju 2017, u ffinalizzathom għal-laqgħa ta' dan il-Kumitat fis-6 ta' Ottubru 2017.

    (3)

    Id-dokumentazzjoni mogħtija mill-applikant turi li t-trab taż-żerriegħa tal-mustarda jissodisfa l-kriterji ta' oġġett tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn hekk, din is-sustanza ma tintużax ħafna għal skopijiet ta' protezzjoni tal-pjanti, iżda madankollu hija utli għall-protezzjoni tal-pjanti f'prodott li jikkonsisti minn din is-sustanza u mill-ilma. Konsegwentement, għandha titqies bħala sustanza bażika.

    (4)

    Minn bosta eżaminazzjonijiet li saru jidher li t-trab taż-żerriegħa tal-mustarda jista', b'mod ġenerali, jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, b'mod partikolari fir-rigward tal-użi li ġew eżaminati u ddettaljati fir-rapport ta' rieżami tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jixraq li t-trab taż-żerriegħa tal-mustarda jiġi approvat bħala sustanza bażika.

    (5)

    Madankollu, bi qbil mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet.

    (6)

    Bi qbil mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5) jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Approvazzjoni ta' sustanza bażika

    Is-sustanza trab taż-żerriegħa tal-mustarda hija approvata bħala sustanza bażika kif stabbilit fl-Anness I.

    Artikolu 2

    Emendi tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  EFSA, 2017. Technical report on the outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance application for mustard seeds powder from Sinapis alba (Brassica alba), Brassica juncea and Brassica nigra for use in plant protection as fungicide. EFSA supporting publication 2017:EN-1169. 35 pp. doi:10.2903/sp.efsa.2017.

    (3)  http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=MT

    (4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


    ANNESS I

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    Trab taż-żerriegħa tal-mustarda

    Ma japplikax

    Tajjeb għall-ikel

    l-4 ta' Diċembru 2017

    It-trab taż-żerriegħa tal-mustarda għandu jintuża skont il-kundizzjonijiet speċifiċi mniżżlin fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar it-trab taż-żerriegħa tal-mustarda (SANTE/11309/2017) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.


    (1)  Fir-rapport ta' rieżami jinsabu aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modi tal-użu tas-sustanza bażika.


    ANNESS II

    Fil-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, inżiedet l-entrata li ġejja:

    Numru

    Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “18

    Trab taż-żerriegħa tal-mustarda

    Ma japplikax

    Tajjeb għall-ikel

    l-4 ta' Diċembru 2017

    It-trab taż-żerriegħa tal-mustarda għandu jintuża skont il-kundizzjonijiet speċifiċi inklużi fil-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar it-trab taż-żerriegħa tal-mustarda (SANTE/11309/2017) u b'mod partikolari fl-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


    (1)  Fir-rapport ta' rieżami jinsabu aktar dettalji dwar l-identità, l-ispeċifikazzjoni u l-modi tal-użu tas-sustanza bażika.


    Top