Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1199

    Regolament (UE) 2017/1199 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi għall-provvista ta' assistenza addizzjonali lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali

    ĠU L 176, 7.7.2017, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1199/oj

    7.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 176/1


    REGOLAMENT (UE) 2017/1199 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-4 ta' Lulju 2017

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi għall-provvista ta' assistenza addizzjonali lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 177 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi regoli komuni u ġenerali applikabbli għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“FEŻR”). Sabiex tiġi provduta assistenza addizzjonali lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali, jenħtieġ li tiġi pprovduta l-possibbiltà tal-introduzzjoni f'programm operazzjonali ta' assi ta' prijorità separat li jkopri l-prijoritajiet tal-investiment tal-FEŻR kif imwaqqaf fir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) b'rata ta' kofinanzjament li tasal sa 95 %.

    (2)

    Jenħtieġ li l-operazzjonijiet li jiġu kofinanzjati taħt l-assi ta' prijorità separat għal diżastri naturali jkunu dawk immirati lejn ir-rikostruzzjoni bħala rispons għal diżastri naturali ewlenin jew reġjonali kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (5).

    (3)

    Għal operazzjonijiet taħt l-assi ta' prijorità separat għal diżastri naturali, huwa neċessarju li tiġi introdotta deroga mir-regoli ġenerali li jikkonċernaw id-data ta' bidu tal-eliġibbiltà ta' nefqa b'rabta ma' nefqa li ssir eliġibbli bħala riżultat ta' emenda ta' programm, biex tiġi żgurata l-possibbiltà ta' miżuri ta' kofinanzjament meħuda minn awtoritajiet ta' Stat Membru direttament wara li jkun seħħ diżastru, iżda qabel ma jiġi emendat il-programm operazzjonali.

    (4)

    Sabiex isir provvediment għall-eliġibbiltà ta' nefqa mġarrba u mħallsa sa mid-data meta jkun seħħ id-diżastru naturali, anke jekk dik tkun qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li d-dispożizzjoni korrispondenti dwar id-data ta' bidu ta' eliġibbiltà ta' benefiċjarji jkollha effett retroattiv.

    (5)

    Jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1303/2013 għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

    Fl-Artikolu 120 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “8.   Assi ta' prijorità separat b'rata ta' kofinanzjament li tasal sa 95 % jista' jiġi stabbilit fi ħdan programm operazzjonali bħala appoġġ għal operazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    l-operazzjonijiet huma magħżula minn awtoritajiet tal-immaniġġjar bħala rispons għal diżastri naturali ewlenin jew reġjonali kif definiti fl-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (*1);

    (b)

    l-operazzjonijiet huma immirati lejn rikostruzzjoni bħala rispons għad-diżastru naturali; u

    (c)

    l-operazzjonijiet huma appoġġati taħt prijorità ta' investiment tal-FEŻR.

    L-ammont allokat għall-operazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu m'għandux jaqbeż 5 % tal-allokazzjoni totali tal-FEŻR fi Stat Membru għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.

    B'deroga mill-Artikolu 65(9), in-nefqa għal operazzjonijiet taħt dan l-assi ta' prijorità għandha tkun eliġibbli mid-data meta jkun seħħ id-diżastru naturali.

    Fejn in-nefqa b'rabta ma' operazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tkun ġiet inkluża f'applikazzjoni ta' pagament sottomessa lill-Kummissjoni qabel it-twaqqif tal-assi ta' prijorità separat, l-Istat Membru għandu jagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għall-applikazzjoni ta' pagament li jmiss u, fejn xieraq, għall-kontijiet li ġejjin sottomessi wara l-adozzjoni tal-emenda għall-programm.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-4 ta' Lulju 2017.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MAASIKAS


    (1)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 38.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2017 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2017.

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir u l-impjiegi u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).


    Top