Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1167

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1167 tas-26 ta' Ġunju 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    C/2017/4535

    ĠU L 170, 1.7.2017, p. 50–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1167/oj

    1.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 170/50


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1167

    tas-26 ta' Ġunju 2017

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid xi sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra marbutin mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawn ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun ta' tliet xhur.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata f'konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ġunju 2017.

    Għall-Kummissjoni,

    F'isem il-President,

    Stephen QUEST

    Direttur Ġenerali

    Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-oġġetti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Riċipettu maħdum (61 % nylon, 20 % elastan, 12 % qoton, 7 % viscose), b'ċineg wiesgħa aġġustabbli u b'inforra kkuttunata fuq l-ispalel, pożizzjonat ċentralment fuq is-sider, b'cups iffurmati u lastiku fuq il-parti ta' wara tal-bażi.

    Hemm disinn irrakkmat fuq iċ-ċineg tal-ispalel u l-cups, kif ukoll ċoff dekorattiv fin-nofs, fuq quddiem.

    L-oġġett jingħalaq permezz ta' kurkett aġġustabbli

    Ir-riċipettu għandu inforra fil-cups, b'fetħiet mal-ġnub biex jiddaħħal il-padding għat-tkabbir tas-sider (għal finijiet estetiċi), jew biex jiddaħħlu l-forom tas-sider wara mastektomija.

    Ara l-istampi (*1).

    6212 10 90

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bil-kliem tal-kodiċi NM 6212 , 6212 10 u 6212 10 90 .

    L-oġġett għandu l-karatteristiċi oġġettivi (il-forma u l-kostruzzjoni) ta' riċipettu tat-titolu 6212 , li jinkludi riċipetti ta' kull tip (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għat-titolu 6212 , it-tieni paragrafu (1)).

    Minkejja li l-oġġett jista' jintlibes ukoll min-nisa wara mastektomija, ma jistax jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 9021 bħala apparat ortopediku jew bħala parti jew aċċessorju ta' parti artifiċjali tal-ġisem, peress li fil-ħin tal-importazzjoni, il-karatteristiċi oġġettivi tal-prodott huma dawk ta' riċipettu tal-intestatura 6212 u ma jagħtu l-ebda indikazzjoni tal-użu finali (għal finijiet estetiċi jew mediċi).

    Il-fetħiet tal-ġenb ma jwasslux biex ir-riċipettu jaqa' taħt l-intestatura 9021 peress li jistgħu jservu kemm biex jiddaħlu forom tas-sider wara mastektomija kif ukoll biex jiddaħħal padding għat-tkabbir tas-sider (għal finijiet estetiċi). Bl-istess mod, iċ-ċineg wesgħin tal-ispalel, ippożizzjonati ċentralment fuq is-sider huma karatteristika komuni għar-riċipetti ta' cups akbar tal-intestatura 6212 .

    Għalhekk, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6212 10 90 bħala riċipettu.

    Image


    (*1)  L-istampi huma biss għal finijiet ta' informazzjoni.


    Top