Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0873

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/873 tat-22 ta' Mejju 2017 dwar l-awtorizzazzjoni tal-L-triptofan prodott mill-Escherichia coli bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/3330

ĠU L 134, 23.5.2017, p. 14–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/873/oj

23.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/14


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/873

tat-22 ta' Mejju 2017

dwar l-awtorizzazzjoni tal-L-triptofan prodott mill-Escherichia coli bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1),u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament jipprevedi l-valutazzjoni mill-ġdid ta' addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 82/471/KEE (2).

(2)

Is-sustanza L-triptofan kienet awtorizzata mingħajr limitu ta' żmien skont id-Direttiva 82/471/KEE bid-Direttiva tal-Kummissjoni 88/485/KEE (3). Dan l-addittiv tal-għalf kien sussegwentement iddaħħal fir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf bħala prodott eżistenti, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqu applikazzjonijiet għall-evalwazzjoni mill-ġdid tal-L-triptofan bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. Ġew sottomessi wkoll applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-L-triptofan għall-ispeċijiet kollha tal-annimali skont l-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament. Mal-applikazzjonijiet intbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

L-applikazzjonijiet jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni tal-L-triptofan prodott bl-Escherichia coli KCCM 11132P, Escherichia coli DSM 25084, Escherichia coli FERM BP-11200, Escherichia coli FERM BP-11354, Escherichia coli CGMCC 7.59 jew Escherichia coli CGMCC 3667 bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, li għandu jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrittivi”.

(5)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza Alimentari (“l-Awtorità”) ikkonkludiet fl-opinijonijiet tagħha tal-11 ta' Settembru 2013 (4), l-10 ta' April 2014 (5), id-9 ta' Settembru 2014 (6), id-29 ta' Jannar 2015 (7), l-10 ta' Settembru 2015 (8), l-1 ta' Diċembru 2015 (9), il-25 ta' Jannar 2017 (10) u l-25 ta' Jannar 2017 (11) li, skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, l-L-triptofan prodott mill-Escherichia coli KCCM 11132P, Escherichia coli DSM 25084, Escherichia coli FERM BP-11200, Escherichia coli FERM BP-11354, Escherichia coli CGMCC 7.59 jew Escherichia coli CGMCC 3667 ma għandhiex effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, u li titqies bħala għajn effikaċi tal-aċidu ammino essenzjali triptofan għan-nutrizzjoni tal-annimali; l-applikant għal-L-triptofan prodott mill-Escherichia coli DSM 25084 ta xhieda li, wara bidla fil-proċess tal-manifattura, il-livell tal-endotossini tal-addittiv tnaqqas għal livell aċċettabbli; sabiex l-L-triptofan supplimentari ikun effikaċi għalkollox fir-ruminanti, jenħtieġlu li jiġi protett mid-degradazzjoni fil-kirxa. L-Awtorità tqis li ma hemmx bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għall-monitoraġġ wara l-kummerċjalizzazzjoni. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodi ta' analiżi tal-addittiv tal-għalf, fl-għalf, li tressaq mil-Laboratorju ta' Referenza mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(6)

Il-valutazzjoni tal-L-triptofan juri li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, l-użu ta' din is-sustanza għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(7)

Billi għal raġunijiet ta' sikurezza ma hemmx bżonn li jiġu applikati minnufih il-modifiki fil-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-L-triptofan, jixraq li jingħata perjodu tranżitorju biex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li ġġib magħha l-awtorizzazzjoni.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tappartjeni għall-kategorija ta' addittivi “addittivi nutrittivi” u għall-grupp funzjonali “aċidi amminiċi, l-imluħ u l-analogi tagħhom”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

1.   Is-sustanza speċifikata fl-Anness awtorizzata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 88/485/KEE u t-taħlitiet imħejjija minn qabel li tkun inkluża fihom jistgħu jiġu kkumerċjalizzati sat-12 ta' Diċembru 2017 skont ir-regoli applikabbli qabel it-12 ta' Ġunju 2017 u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

2.   Il-materjali tal-għalf u l-għalf kompost li fihom is-sustanza msemmija fil-paragrafu 1 li huma prodotti u ttikkettati qabel it-12 ta' Ġunju 2018 b'konformità mar-regoli applikabbli qabel it-12 ta' Ġunju 2017 jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti jekk huma maħsuba għall-annimali li jipproduċu l-ikel.

3.   Il-materjali tal-għalf u l-għalf kompost li fihom is-sustanzi msemmija fil-paragrafu 1 li huma prodotti u ttikkettati qabel it-12 ta' Ġunju 2019 b'konformità mar-regoli applikabbli qabel it-12 ta' Ġunju 2017 jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti jekk huma maħsuba għall-annimali li ma jipproduċux l-ikel.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 82/471/KEE tat-30 ta' Ġunju 1982 li tikkonċerna ċerti prodotti użati fin-nutrizzjoni tal-annimali (ĠU L 213, 21.7.1982, p. 8).

(3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 88/485/KEE tas-26 ta' Lulju 1988 li temenda l-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 82/471/KEE li tikkonċerna ċerti prodotti użati fin-nutrizzjoni tal-annimali (ĠU L 239, 30.8.1988, p. 36).

(4)  EFSA Journal 2013;11(10):3368.i

(5)  EFSA Journal 2014;12(5):3673.

(6)  EFSA Journal 2014;12(10):3826.

(7)  EFSA Journal 2015;13(2):4015.

(8)  EFSA Journal 2015;13(9):4238.

(9)  EFSA Journal 2016;14(1):4343.

(10)  EFSA Journal 2017;15(2):4712.

(11)  EFSA Journal 2017;15(3):4705.


ANNESS

Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

Speċi jew kategorija ta' annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg/kg tal-għalf komplet b'kontenut ta' umdità ta' 12 %

Kategorija tal-addittivi nutrittiv. Grupp funzjonali: aċidi amminiċi, l-imluħ u l-analogi tagħhom.

3c440

L-triptofan

Kompożizzjoni tal-addittiv

Trab b'minimu ta' 98 % L-triptofan (abbażi ta' materja niexfa).

Kontenut massimu ta' 10 mg/kg 1,1′-etilidene-bis-L-triptofan (EBT).

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

L-triptofan prodott permezz tal-fermentazzjoni bl-Escherichia coli KCCM 11132P jew

Escherichia coli DSM 25084 jew

Escherichia coli FERM BP-11200 jew

Escherichia coli FERM BP-11354 jew

Escherichia coli CGMCC 7.59 jew

Escherichia coli CGMCC 3667.

Formula kimika: C11H12N2O2

Nru tal-CAS: 73-22-3

Metodi analitiċi  (1)

Għall-identifikazzjoni tal-L-triptofan fl-addittiv tal-għalf:

Il-Codex tal-Kimiċi tal-Ikel “Monografija tal-L-triptofan”.

Għad-determinazzjoni tal-L-triptofan fl-addittiv u fit-taħlitiet lesti minn qabel tal-għalf:

Kromotografija likwida ta' prestazzjoni għolja kkoppjata mad-detezzjoni florexxenti (HPLC-FD) — EN ISO 13904-2016

Biex jiġi stabbilit l-ammont totali ta' triptofan fl-addittiv tal-għalf, fit-taħlitiet lesti minn qabel, fl-għalf kompost u fil-materjali tal-għalf:

Kromotografija Likwida ta' Prestazzjoni Għolja (HPLC) koppjata mad-detezzjoni florexxenti, Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1) (Anness III, G).

L-ispeċijiet kollha

1.

L-triptofan jista' jitqiegħed fis-suq u jintuża bħala addittiv f'għamla ta' preparazzjoni.

2.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi ta' negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operazzjonali u l-miżuri organizzazzjonali sabiex jindirizzaw riskji li jistgħu jirriżultaw mill-inalazzjoni, mill-kuntatt mal-ġilda jew mill-kuntatt mal-għajnejn. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew imnaqqsa kemm jista' jkun bi proċeduri u miżuri ta' dan it-tip, l-addittiv u t-taħlitiet imħejjija minn qabel għandhom jintużaw b'tagħmir protettiv personali, inkluż il-protezzjoni għan-nifs kif ukoll in-nuċċalijiet u l-ingwanti tas-sikurezza.

3.

Il-kontenut tal-endotossini tal-addittiv u l-potenzjal tiegħu li jarmi t-trab għandu jiżgura esponiment massimu tal-endotossini ta' 1 600 IU endotossini/m3 ta' arja (2).

4.

Fil-każ tar-ruminanti, l-L-triptofan għandu jkun protett mid-degradazzjoni fil-kirxa.

5.

Dikjarazzjonijiet li jridu jsiru fuq it-tikkettar tal-addittiv:

Kontenut ta' ndewwa.

it-12 ta' Ġunju 2027


(1)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-laboratorju ta' referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports

(2)  L-esponiment jinħadem abbażi tal-livell tal-endotossina u l-potenzjal tar-rimi tat-trab tal-addittiv skont il-metodu użat mill-EFSA (EFSA Journal 2017;15(3):4705); metodu analitiku: European Pharmacopoeia 2.6.14. (endotossini batterjali).


Top