EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0781

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/781 tal-5 ta' Mejju 2017 li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva metilnonilketon, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/2875

ĠU L 118, 6.5.2017, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/781/oj

6.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/781

tal-5 ta' Mejju 2017

li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva metilnonilketon, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari t-tieni alternattiva tal-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (2) inkludiet il-metilnonilketon bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3). Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 608/2012 (4) kien jeħtieġ li n-notifikant li fuq talba tiegħu ġiet inkluża l-metilnonilketon irid jipprovdi aktar informazzjoni ta' konferma dwar (a) l-ispeċifikazzjoni tal-materjal ittestjat fl-istudji tat-tossikoloġija u l-ekotossikoloġija tal-mammiferi, (b) l-ispeċifikazzjoni b'dejta ta' appoġġ tal-lott u metodi vvalidati ta' analiżi, (c) valutazzjoni xierqa tad-destin u l-imġiba ta' dik is-sustanza u l-prodotti potenzjalment trasformattivi tagħha fl-ambjent u (d) ir-riskju għall-organiżmi akkwatiċi u għall-organiżmi li jgħixu fil-ħamrija. Din l-informazzjoni kellha tintbagħat sat-30 ta' April 2013 għall-punti (a) u (b) u sal-31 ta' Diċembru 2015 għal punti (c) u (d).

(2)

Is-sustanzi attivi li hemm fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u qegħdin elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (5).

(3)

In-notifikant naqas milli jippreżenta informazzjoni ta' konferma dwar il-punti (c) u (d) tal-premessa (1) sal-31 ta' Diċembru 2015. In-notifikatur naqas ukoll milli jwieġeb ittra mill-Kummissjoni li tagħtu l-opportunità li jispjega l-pożizzjoni tiegħu qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni biex tiġi rtirata s-sustanza.

(4)

Konsegwentement, huwa xieraq li tiġi rtirata l-approvazzjoni tal-metilnonilketon.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(6)

L-Istati Membri għandhom jingħataw żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza. Huwa xieraq li jiġi limitat it-tul massimu tal-perjodu ta' grazzja mogħti minn Stati Membri b'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza attiva.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Irtirar tal-approvazzjoni

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva metilnonilketon hija rtirata.

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, titħassar ir-ringiela 238 dwar il-metilnonilketon.

Artikolu 3

Miżuri tranżitorji

L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metilnonilketon bħala sustanza attiva sa mhux aktar tard mis-26 ta' Awwissu 2017.

Artikolu 4

Perjodu ta' grazzja

Il-perjodu ta' grazzja li jingħata mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista' jkun u għandu jiskadi sa mhux aktar tard mis-26 ta' Awwissu 2018.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Mejju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta' bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 608/2012 tas-6 ta' Lulju 2012 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' approvazzjoni tas-sustanzi attivi benżoat tad-denatonju, metilnonilketon u ż-żjut veġetali/żejt tan-nagħniegħ (ĠU L 177, 7.7.2012, p. 19).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal- 25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


Top