Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0724

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/724 tal-24 ta' April 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċertu prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    C/2017/2481

    ĠU L 107, 25.4.2017, p. 4–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/07/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/724/oj

    25.4.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 107/4


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/724

    tal-24 ta' April 2017

    li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċertu prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

    Billi:

    1.   IL-PROĊEDURA

    1.1.   Miżuri fis-seħħ

    (1)

    Il-Kunsill impona, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 248/2011 (2) dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) Id-dazju, abbażi tal-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara, kien ivarja bejn 7,3 % u 13,8 %.

    (2)

    Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1379/2014 (3), wara investigazzjoni antisussidji u rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping, il-Kummissjoni emendat id-dazju antidumping oriġinali għal valuri li jvarjaw bejn 0 % u 19,9 % u imponiet dazju kompensatorju addizzjonali li jvarja bejn 4,9 % u 10,3 %.

    (3)

    Dawn il-miżuri kumpensatorji u antidumping flimkien fil-forma ta' dazji ad valorem għalhekk ivarjaw bejn 4,9 % u 30,2 %.

    1.2.   Talba għal rieżami tal-iskadenza

    (4)

    Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' skadenza imminenti tal-miżuri antidumping fis-seħħ, il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza ta' dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

    (5)

    It-talba ġiet ippreżentata fl-14 ta' Diċembru 2015 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Produtturi tal-Fibra tal-Ħġieġ (“APFE”) f'isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu.

    (6)

    It-talba hija msejsa fuq il-fatt li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx twassal biex ikun hemm kontinwazzjoni ta' dumping kif ukoll ta' rikorrenza ta' ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

    1.3.   Bidu ta' rieżami tal-iskadenza

    (7)

    Wara li ddeterminat li kien hemm biżżejjed evidenza biex jinbeda rieżami, il-Kummissjoni bdiet rieżami tal-iskadenza (4) skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku fil-15 ta' Marzu 2016.

    1.4.   Il-partijiet interessati

    (8)

    Fin-notifika ta' Bidu ta' rieżami ta' skadenza, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għarrfet b'mod speċifiku lill-APFE, lill-produtturi magħrufin l-oħra tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufin u lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lill-importaturi, il-fornituri u l-utenti, in-negozjanti magħrufin, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet magħrufin li huma kkonċernati mill-ftuħ tal-investigazzjoni u stednithom jieħdu sehem.

    (9)

    Fin-Notifika ta' Bidu ta' rieżami tal-iskadenza, il-Kummissjoni infurmat li għandha l-ħsieb tuża lit-Turkija bħala pajjiż terz b'ekonomija tas-suq (“il-pajjiż analogu”) skont it-tifsira tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni qalet ukoll li skont l-informazzjoni disponibbli għaliha, jista' jkun hemm produtturi oħra tal-ekonomija tas-suq fost l-oħrajn fl-Eġittu, fil-Malasja u fit-Tajwan.

    (10)

    Il-Kummissjoni bagħtet notifiki lill-awtoritajiet fl-Eġittu, fil-Ġappun, fil-Malasja, fit-Tajwan, fit-Turkija u fl-Istati Uniti fejn innotifikathom dwar it-tnedija tal-investigazzjoni u talbithom informazzjoni dwar il-produzzjoni u l-bejgħ ta' ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu f'dawk il-pajjiżi. Imbagħad intbagħtu ittri flimkien ma kwestjonarju lill-produtturi kollha magħrufin fejn intalbet il-kooperazzjoni tagħhom fir-rieżami.

    (11)

    Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwar il-bidu u jitolbu seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

    1.5.   It-teħid tal-kampjun

    (12)

    Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni qalet li hija tista' tieħu kampjun mill-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    It-teħid tal-kampjun tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

    (13)

    Sabiex tiddeċiedi jekk kienx meħtieġ kampjunar u jekk iva biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufin kollha u assoċjazzjoni fir-RPĊ biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tar-RPĊ sabiex jidentifikaw u/jew jikkuntattjaw produtturi esportaturi oħra, f'każ li hemm, li jistgħu jkunu interessati jieħdu sehem fl-investigazzjoni.

    (14)

    Ħames produtturi esportaturi fir-RPĊ ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, għall-ewwel il-Kummissjoni proponiet kampjun ta' tliet produtturi esportaturi, fuq il-bażi tal-ikbar volum ta' esportazzjonijiet li kien jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fil-ħin disponibbli.

    (15)

    Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufin u kkonċernati kollha, u l-awtoritajiet tar-RPĊ ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma sar l-ebda kumment.

    (16)

    Ftit żmien wara li rċeviet il-kwestjonarju, l-akbar mit-tliet kumpaniji fil-kampjun irtirat il-kooperazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni bidlitha mat-tieni l-akbar produttur esportatur abbażi tal-volum tal-esportazzjonijiet.

    Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

    (17)

    Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni qalet li kienet għażlet b'mod provviżorju kampjun ta' produtturi tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun fuq il-bażi tal-akbar volumi tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni tal-prodott simili.

    (18)

    Dan il-kampjun kien jikkonsisti minn tliet gruppi ta' kumpaniji b'impjanti tal-manifattura fil-Belġju, fi Franza, fl-Italja u fis-Slovakkja, li kienu jirrappreżentaw madwar 74 % tat-total tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju. Ma rċeviet l-ebda kumment. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kampjun huwa rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

    Kampjunar tal-importaturi

    (19)

    Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni staqsiet lill-importaturi biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

    (20)

    Tmien importaturi taw l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' tlieta fuq il-bażi tal-akbar volum ta' importazzjonijiet lejn l-Unjoni. F'konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, l-importaturi kollha magħrufa kkonċernati ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma sar l-ebda kumment.

    1.6.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju

    (21)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lit-tliet produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, lit-tliet importaturi inklużi fil-kampjun, lill-produtturi esportaturi fil-kampjun u lill-produtturi esportaturi magħrufa fl-Eġittu, fil-Ġappun, fil-Malasja, fit-Tajwan, fit-Turkija u fl-Istati Uniti tal-Amerika.

    (22)

    Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand tliet produtturi tal-Unjoni, żewġ importaturi u tliet produtturi mill-Ġappun, mill-Malasja u mit-Turkija. L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun ma bagħat tweġiba għall-kwestjonarju.

    (23)

    Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarji lil 64 utent magħrufa u rċeviet 19-il tweġiba.

    1.7.   Żjarat ta' verifika

    (24)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għall-għan ta' din l-investigazzjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

    (a)

    Produtturi tal-Unjoni

    3B Fibreglass SPRL, Belgium;

    European Owens Corning Fibreglass SPRL, Belgium;

    Johns Manville Slovakia a.s., Slovakia.

    (b)

    Produttur esportatur fil-pajjiż analogu

    Nippon Electric Glass Co., Ltd., Japan.

    1.8.   Il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat

    (25)

    L-investigazzjoni tal-probabbiltà tal-kontinwazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami” jew il-“PIR”).

    (26)

    L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta' rikorrenza tal-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sat-tmiem tal-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

    2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    2.1.   Il-prodott ikkonċernat

    (27)

    Il-prodott ikkonċernat huwa swiegel tal-fibra tal-ħġieġ mqattgħa, b'tul ta' mhux iktar minn 50 mm; fibri mibruma tal-ħġieġ, għajr dawk li huma impregnati u miksijin u li għandhom telf mat-tqabbid ta' iktar minn 3 % (kif stipulat mill-Istandard tal-ISO 1887); u twapet magħmula minn filamenti tal-fibra tal-ħġieġ minbarra twapet tas-suf tal-ħġieġ li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7019 11 00, ex 7019 12 00 (kodiċi TARIC 7019120021, 7019120022, 7019120023, 7019120025, 7019120039) u 7019 31 00 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    (28)

    Il-prodott ikkonċernat huwa l-materja prima li l-aktar tintuża għat-tisħiħ ta' reżini termoplastiċi u termosolidifikati fl-industrija tal-materjali komposti. Il-materjali kompożiti li jirriżultaw (materjali tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament imsaħħin) jintużaw f'għadd kbir ta' industriji: it-trasport (tal-karozzi, tal-baħar, l-ajruspazju, militari), tal-elettriku/elettronika, tal-enerġija tar-riħ, tal-bini u l-kostruzzjoni, tat-tankijiet u l-pajpjiet, tal-prodotti għall-konsumaturi, eċċ.

    2.2.   Il-prodott simili

    (29)

    L-investigazzjoni wriet li dawn il-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

    (a)

    il-prodott ikkonċernat;

    (b)

    il-prodott manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Ġappun, li serva bħala pajjiż analogu; kif ukoll

    (c)

    il-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

    (30)

    Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li dawn il-prodotti huma prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    3.   ID-DUMPING

    3.1.   Probabbiltà ta' rikorrenza jew kontinwazzjoni tad-dumping

    (31)

    Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk attwalment kienx qed iseħħ dumping u jekk kienx probabbli li d-dumping ikompli jew jerġa' jseħħ jekk jitħallew jiskadu l-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ.

    3.1.1.   Il-valur normali u l-pajjiż analogu

    (32)

    Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien determinat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq. Għal dan l-għan il-Kummissjoni kellha tagħżel pajjiż analogu.

    (33)

    Il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufa tal-prodott simili fl-Eġittu, fil-Ġappun, fil-Malasja, fit-Tajwan, fit-Turkija u fl-Istati Uniti biex jipprovdu informazzjoni billi jwieġbu l-kwestjonarju tal-pajjiż analogu u rċeviet tweġibiet mingħand tliet produtturi fil-Ġappun, fil-Malasja u fit-Turkija (5).

    (34)

    Wara l-pubblikazzjoni tan-Notifika ta' Bidu, l-APFE pprovdiet kummenti b'appoġġ biex il-pajjiż analogu jkun it-Turkija.

    (35)

    Fl-investigazzjoni oriġinali fl-2011, il-Kummissjoni użat tat-Turkija bħala l-pajjiż analogu bil-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni rċeviet risposta waħda biss mit-Turkija.

    (36)

    Għall-finijiet tal-għażla ta' pajjiż analogu, il-Kummissjoni qieset kif dovut kull informazzjoni affidabbli li kienet għad-dispożizzjoni tagħha meta saret l-għażla, fejn qieset elementi bħal, iżda mhux biss, il-bejgħ domestiku, id-daqs tas-suq u l-ambjent kompetittiv fis-suq domestiku.

    (37)

    Il-bejgħ domestiku tal-produttur Ġappuniż qabel kważi għall-kollox mat-tipi tal-prodott esportat mir-RPĊ fil-livell tal-kodiċi NM. Fil-każ tat-Turkija, dan it-tqabbil kien inqas minn 50 %. Rigward it-tqabbil tal-bejgħ domestiku tal-produttur esportatur Malasjan, il-livell tiegħu kien tant baxx li l-Kummissjoni kellha teskludi lill-Malasja bħala pajjiż analogu.

    (38)

    Il-Kummissjoni stmat li s-suq Ġappuniż tal-prodott simili huwa madwar tliet darbiet akbar mis-suq Tork. Il-Kummissjoni sabet li s-suq Ġappuniż huwa iktar kompetittiv b'sitt produtturi lokali magħrufa, meta mqabbla ma' produttur wieħed biss magħruf fit-Turkija. Ma kienx hemm dazji doganali għall-prodott simili fil-Ġappun meta mqabbel ma' dazji doganali ta' 7 % kif ukoll dazji antidumping u kumpensatorji, li flimkien huma ta' bejn 24,5 % u 35,75 % kontra r-RPĊ fit-Turkija.

    (39)

    Abbażi ta' dan t'hawn fuq il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ġappun hu pajjiż analogu l-aktar xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

    (40)

    Il-Kummissjoni ma rċevietx kummenti oħra dwar il-pajjiż analogu wara l-għażla tal-Ġappun.

    (41)

    L-informazzjoni li waslet mingħand il-produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu ntużat bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali għar-RPĊ, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

    (42)

    Il-valur normali ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet domestiċi fl-andament normali tal-kummerċ tal-produttur Ġappuniż li kkoopera.

    3.1.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

    (43)

    Il-Kummissjoni ma rċiviet tweġiba għall-kwestjonarju mingħand l-ebda produttur esportatur fil-kampjun fir-RPĊ. Bħala konsegwenza tan-nuqqas ta' kooperazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għarrfet lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ u lill-awtoritajiet tar-RPĊ li jekk ma jkunx hemm biżżejjed kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni tista' tibbaża s-sejbiet tagħha fuq il-fatti disponibbli. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li sejba bbażata fuq il-fatti disponibbli tista' tkun inqas vantaġġjuża għall-partijiet ikkonċernati. Ma waslet l-ebda reazzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni stabbiliet il-prezz tal-esportazzjoni fuq l-istatistika tal-Eurostat dwar l-importazzjonijiet (COMEXT) fil-livell tal-kodiċi NM rilevanti.

    3.1.3.   Tqabbil

    (44)

    Meta ġġustifikat mill-ħtieġa li jkun żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet, f'konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti ta' bejn 0 u 7 % għat-trasport, għall-assigurazzjoni, għall-immaniġġar, għat-tagħbija u għall-ispejjeż anċillari, għall-ispejjeż tal-kreditu u tal-ippakkjar.

    3.1.4.   Il-marġni tad-dumping

    (45)

    Matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbilixxiet li n-numri tal-kontroll tal-prodotti mitluba fil-kwestjonarju tal-Kummissjoni ma setgħux jintrabtu mal-kodiċijiet TARIC. Għalhekk il-Kummissjoni qablet il-prezz tal-esportazzjoni mal-valur normali fuq il-bażi tal-kodiċijiet NM (7019 11 00 għas-swiegel imqattgħin, 7019 12 00 fibri mibruma u 7019 31 00 għat-twapet).

    (46)

    Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni sabet marġni ta' dumping, muri bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju mhux imħallas f'livell ta' aktar minn 70 %.

    3.2.   Żviluppi fl-importazzjonijiet jekk il-miżuri jiġu revokati

    (47)

    Bħala konsegwenza ta' nuqqas ta' kooperazzjoni, skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni wżat għad-determinazzjonijiet tagħha, l-informazzjoni pprovduta fit-talba għar-rieżami u informazzjoni minn sorsi indipendenti disponibbli oħra, bħalma huma l-listi tal-prezzijiet pubblikati, l-istatistika uffiċjali dwar l-importazzjoni, jew informazzjoni miksuba mingħand partijiet interessati matul l-investigazzjoni kif ukoll informazzjoni miksuba matul l-investigazzjonijiet preċedenti.

    3.2.1.   Kapaċità

    (48)

    Sabiex jiġi stabbilit l-iżvilupp possibbli tal-importazzjonijiet f'każ li l-miżuri jiġu revokati, il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni disponibbli dwar il-kapaċitajiet, il-produzzjoni u l-konsum tal-prodotti tal-fibri tal-ħġieġ fis-suq domestiku fir-RPĊ kif ukoll l-esportazzjonijiet mir-RPĊ. Is-sors ta' informazzjoni f'dan ir-rigward kien prinċipalment l-informazzjoni pprovduta mill-APFE (6). Din l-informazzjoni kienet ibbażata fuq l-statistika tal-kummerċ (importazzjoni/esportazzjoni) u l-informazzjoni tal-intelligence kummerċjali miġbura mill-membri tal-assoċjazzjoni. Il-Kummissjoni ċċekkjatha b'referenza ma' informazzjoni minn sorsi indipendenti oħra disponibbli u ma sabet l-ebda evidenza addizzjonali. L-informazzjoni pprovduta minn APFE fir-rigward tal-kapaċità ma ġietx ikkontestata mill-partijiet interessati.

    (49)

    Il-produzzjoni totali ta' fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami kien jaqbeż il-konsum domestiku b'aktar minn 700 elf tunnellata metrika, li minnhom madwar 90 % kienu esportati lejn pajjiżi terzi oħra, u madwar 10 % lejn l-Unjoni. Il-kapaċità żejda fir-RPĊ matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami kienet stmata għal madwar 150 elf tunnellata metrika, ekwivalenti għal aktar minn 15 % tal-konsum totali tal-Unjoni (ara l-premessa (68) below). Abbażi ta' stimi, il-kapaċità żejda fir-RPĊ aktar milli rdoppja fl-2016 għal madwar 300 tunnellata jew 30 % tal-konsum totali tal-Unjoni.

    (50)

    Minkejja din il-kapaċità żejda u t-tnaqqis previst fir-ritmu tat-tkabbir tad-domanda domestika fl-2016, produtturi tal-fibra tal-ħġieġ Ċiniżi komplew jibnu l-kapaċità fir-RPĊ u f'pajjiżi terzi oħra li jimmiraw lejn is-suq tal-Unjoni.

    (51)

    Il-kapaċitajiet żejda fir-RPĊ u tqabbil mal-konsum tal-Unjoni jsaħħu l-probabbiltà li l-importazzjonijiet jiżdiedu b'mod sinifikanti jekk jiġu revokati l-miżuri antidumping.

    3.2.2.   Il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni

    (52)

    Sabiex jiġi stabbilit l-iżvilupp possibbli tal-importazzjonijiet f'każ li l-miżuri jiġu revokati, il-Kummissjoni analizzat kemm hu attraenti s-suq tal-Unjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-prezzijiet.

    (53)

    Il-Kummissjoni analizzat dejta tal-esportazzjoni mir-RPĊ fil-livell tal-kodiċi NM (7) matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Il-fibri mibruma kienu l-fibri tal-ħġieġ bl-ikbar volum ta' esportazzjonijiet mir-RPĊ. Għall-esportazzjonijiet tal-fibri mibruma, is-suq tal-Unjoni kien it-tieni l-ikbar, wara dak tal-Istati Uniti tal-Amerka. Il-prezzijiet, għalkemm simili madwar id-dinja kollha, kienu fost l-ogħla fl-Unjoni u kienu fil-livell ta' USD 1 il-kilo. Għal skopijiet ta' tqabbil, kienu fil-livell ta' USD 0,99 għall-Istati Uniti tal-Amerika u irħas daqs USD 0,85 il-kilo għall-Malasja u għall-Indja (8). Il-prezzijiet għall-Unjoni kienu l-ogħla fost l-aktar 10 swieq importanti tal-esportazzjoni (9).

    (54)

    Għall-esportazzjonijiet tas-swiegel imqattgħa mir-RPĊ is-suq tal-Unjoni kien il-ħames l-ikbar importanti. Il-prezzijiet fl-Unjoni kienu ogħla b'mod sinifikanti meta mqabbla mas-swieq ewlenin tal-esportazzjoni, f'din l-ordni ta' importanza: l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Korea, il-Ġappun u l-Indja.

    (55)

    Għat-twapet tal-fibri tal-ħġieġ is-suq tal-Unjoni kien l-aktar suq importanti u l-prezzijiet għall-Unjoni kienu l-aktar attraenti fost is-swieq tal-esportazzjoni ewlenin mir-RPĊ. It-tieni l-aktar suq importanti għat-twapet tal-fibri tal-ħġieġ kienu l-Istati Uniti tal-Amerika, b'livell ta' prezz medju kemxejn ogħla. Għas-swieq l-oħra, il-Vjetnam, l-Indoneżja, l-Emirati Għarab Magħquda, f'din l-ordni ta' importanza, dan il-prezz kien aktar baxx jew sinifikattivament aktar baxx minn dak għall-Unjoni.

    (56)

    Il-Kummissjoni bbażat l-analiżi t'hawn fuq fuq dejta fil-livell tal-kodiċi doganali (kodiċi NM). Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni ma kellhiex dejta fil-livell tan-numru tal-kontroll tal-prodotti. Id-dejta dwar il-prezzijiet fil-livell tan-numru tal-kontroll tal-prodotti kienet tkun aktar preċiża u ma kinitx tkun esposta għall-ineżattezzi possibbli li jirriżultaw mill-varjazzjonijiet kbar fil-prezzijiet fl-istess kategorija ta' prodott (pereż. swiegel imqattgħin b'dijametri differenti).

    (57)

    Minkejja din il-limitazzjoni, il-fatti disponibbli għall-Kummissjoni jippermettu li jiġi konkluż li l-prezzijiet fil-maġġoranza tas-swieq l-oħra kienu aktar baxxi mill-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Minħabba l-prezzijiet attraenti fis-suq tal-Unjoni, huwa probabbli li kwantitajiet sinifikanti mibjugħa fi swieq oħra jiġu diretti lejn is-suq tal-Unjoni, jekk jiġu rrevokati l-miżuri antidumping. Kif indikat fil-premessa (49) fuq, b'aktar minn 600 elf tunnellata kienu esportati lejn swieq oħrajn, u dawn jistgħu għalhekk, tal-inqas parzjalment, jiġu ridiretti lejn is-suq tal-Unjoni.

    (58)

    Li s-suq tal-Unjoni huwa attraenti huwa kkonfermat ukoll mill-investimenti tal-esportaturi Ċiniżi f'pajjiżi terzi, b'mod partikolari fl-Eġittu. Kapaċità stmata ta' fran stallati fl-Eġittu kienet ta' 80 elf tunnellata metrika fil-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami. Huwa stmat li din il-kapaċità se tlaħħaq 160 elf tunnellata metrika sal-aħħar tal-2017 u 200 elf tunnellata metrika sal-2019 (10).

    (59)

    Il-livell tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-importanza tiegħu għall-esportazzjonijiet mir-RPĊ jippermettu lill-Kummissjoni tikkonkludi li s-suq tal-Unjoni huwa attraenti għall-produtturi tal-fibri tal-ħġieġ fir-RPĊ. Hemm probabbiltà kbira li l-importazzjonijiet jiżdiedu b'mod sinifikanti jekk il-miżuri antidumping jiġu revokati.

    3.2.3.   Kunsiderazzjonijiet oħrajn

    (60)

    Il-proċedimenti tal-Kummissjoni fl-investigazzjoni antisussidji fl-2014 ikkonfermaw li għadd ta' inċentivi huma disponibbli għall-industrija tal-fibra tal-ħġieġ fir-RPĊ, u dan jindika li l-RPĊ hija lesta tappoġġja l-espansjoni tal-industrija tal-fibra tal-ħġieġ u l-preżenza tagħha madwar id-dinja. Għalhekk wieħed jista' jistenna żieda fl-esportazzjonijiet lejn is-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri antidumping jiġu rrevokati.

    (61)

    F'Settembru 2016, l-Indja estendiet id-dazji antidumping tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-fibri tal-ħġieġ mir-RPĊ. It-Turkija estendiet id-dazji antidumping fuq dawn l-importazzjonijiet f'Novembru 2016. L-eżistenza ta' dazji antidumping fi swieq oħra għamlithom anqas attraenti għall-esportaturi Ċiniżi.

    (62)

    F'dak li għandu x'jaqsam mal-imġiba tal-prezzijiet Ċiniżi, il-Kummissjoni tqis li l-eżistenza ta' miżuri antidumping f'pajjiżi terzi oħrajn bħala indikazzjoni addizzjonali ta' prattiċi ta' dumping mill-produtturi esportaturi Ċiniżi.

    3.2.4.   Il-konklużjoni dwar il-probabbiltà tat-tkomplija tad-dumping

    (63)

    Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tistenna li l-esportazzjonijiet Ċiniżi soġġetti għal dumping jerġgħu jissoktaw f'volumi akbar u jpoġġu aktar pressjoni fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri attwali jiġu revokati.

    4.   ĦSARA

    4.1.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

    (64)

    Il-prodott simili kien immanifatturat minn seba' produtturi fl-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

    (65)

    Il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami kienet ta' madwar 652 elf tunnellata abbażi tal-informazzjoni dwar l-industrija tal-Unjoni pprovduta mill-APFE.

    (66)

    Kif indikat fil-premessa (18), il-Kummissjoni għażlet fil-kampjun impjanti tal-manifattura ta' tliet produtturi tal-Unjoni, li jirrappreżentaw 74 % tal-bejgħ totali tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni u 68 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni.

    4.2.   Il-konsum fl-Unjoni

    (67)

    Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-konsum fl-Unjoni fuq il-bażi ta' (i) il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni fuq il-bażi tad-dejta pprovduta mill-APFE u (ii) l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi fuq il-bażi ta' dejta estratta mill-Eurostat (COMEXT).

    (68)

    Il-konsum fl-Unjoni żviluppa kif ġej:

    Tabella 1

    Konsum fl-Unjoni (tunnellati mettriċi)

     

    2012

    2013

    2014

    2015 (PIR)

    Il-Konsum totali fl-Unjoni

    750 645

    813 760

    897 396

    960 818

    Indiċi (2012 = 100)

    100

    108

    120

    128

    Sors: Dejta pprovduta minn APFE; Eurostat (COMEXT).

    (69)

    Il-konsum fl-Unjoni żdied ħafna matul il-perjodu kkunsidrat. Dan it-tkabbir jimmarka ritorn għal-livell ta' attività ta' qabel il-kriżi finanzjarja. It-tkabbir kien xprunat mill-iżvilupp b'saħħtu tal-industrija termoplastika u miż-żieda sostanzjali fid-domanda għal materjali ħfief u durabbli.

    4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

    4.3.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

    (70)

    L-importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ żviluppaw kif ġej:

    Tabella 2

    Volum ta' importazzjonijiet (tunnellati metriċi), sehem mis-suq

     

    2012

    2013

    2014

    2015 (PIR)

    Il-volum ta' importazzjonijiet mir-RPĊ

    101 953

    121 634

    148 796

    77 669

    Indiċi (2012 = 100)

    100

    119

    146

    76

    Sehem mis-suq (%)

    14

    15

    17

    8

    Indiċi (2012 = 100)

    100

    107

    121

    57

    Sors: Eurostat (COMEXT).

    (71)

    It-tkabbir fil-volum tal-importazzjoni bejn l-2012 u l-2014 juri l-impatt limitat tad-dazju antidumping inizjali impost fl-2011. Iż-żieda tal-livell tal-miżuri fl-2014, flimkien mal-apprezzament tal-USD, qelbu din ix-xejra. Il-produtturi esportaturi fir-RPĊ jikkwotaw il-prezzijiet tagħhom f'USD u l-apprezzament tad-Dollaru għamel l-importazzjonijiet inqas attraenti għal importaturi tal-Unjoni.

    4.3.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat u t-twaqqigħ tal-prezz

    (72)

    Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tal-istatistika tal-Eurostat.

    (73)

    Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppa kif ġej:

    Tabella 3

    Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-RPĊ (EUR/kilo)

     

    2012

    2013

    2014

    2015 (PIR)

    Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/tunnellata)

    912

    821

    874

    1 146

    Indiċi (2012 = 100)

    100

    90

    96

    126

    Sors: Eurostat (COMEXT).

    (74)

    Il-prezz medju tal-prodott ikkonċernat naqas b'4 % bejn l-2012 u l-2014, iżda mbagħad żdied b'31 % fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

    (75)

    Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami billi qabblet:

    (76)

    il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun li ġew iddebitati l-konsumaturi mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell tal-prezz mill-fabbrika; kif ukoll

    (77)

    l-istatistika dwar l-importazzjoni abbażi tal-Eurostat skont il-kodiċi tan-NM stabbilita fuq bażi ta' kost, assigurazzjoni u trasport (“CIF”), b'aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali u għall-kostijiet ta' wara l-importazzjoni.

    (78)

    Ir-riżultat tat-tqabbil ingħata bħala perċentwal tal-fatturat ipotetiku tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

    (79)

    Minkejja ż-żieda fil-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-2015, il-livell tat-twaqqigħ tal-prezzijiet kien ta' 15 %.

    4.4.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

    4.4.1.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

    (80)

    Il-volumi tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż terzi l-oħra żviluppaw kif ġej:

    Tabella 4

    Il-volum tal-importazzjonijiet (tunnellati metriċi), sehem mis-suq — pajjiżi oħrajn

     

    2012

    2013

    2014

    2015 (PIR)

    Il-volum tal-importazzjonijiet mill-Malasja

    60 571

    64 188

    53 398

    68 774

    Indiċi (2012 = 100)

    100

    106

    88

    114

    Is-sehem mis-suq tal-Malasja (%)

    8

    8

    6

    7

    Indiċi

    100

    98

    74

    89

    Il-volum tal-importazzjonijiet mill-Eġittu

    0

    0

    12 835

    45 516

    Indiċi

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    Is-sehem mis-suq tal-Eġittu (%)

    0

    0

    1

    5

    Indiċi

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    Il-volum tal-importazzjonijiet min-Norveġja

    33 260

    35 255

    35 496

    41 619

    Indiċi

    100

    106

    107

    125

    Is-sehem mis-suq tan-Norveġja (%)

    4

    4

    4

    4

    Indiċi

    100

    98

    89

    98

    Il-volum tal-importazzjonijiet mit-Turkija

    20 940

    17 619

    19 252

    19 703

    Indiċi

    100

    84

    92

    94

    Is-sehem mis-suq tat-Turkija (%)

    3

    2

    2

    2

    Indiċi

    100

    78

    77

    74

    L-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn

    46 148

    47 624

    59 493

    73 795

    Indiċi

    100

    103

    129

    160

    Is-sehem mis-suq tal-pajjiżi l-oħra (%)

    6

    6

    7

    8

    Indiċi

    100

    95

    108

    125

    Sors: Eurostat (COMEXT).

    (81)

    Is-sorsi ewlenin l-oħrajn ta' provvista għall-Unjoni kienu l-Malasja, l-Eġittu, in-Norveġja u t-Turkija.

    (82)

    Is-sehem tas-suq tal-pajjiżi terzi l-oħra żdied minn 21 % għal 26 % matul il-perjodu kkunsidrat.

    (83)

    L-aktar żieda sinifikanti kienet iż-żieda tal-importazzjonijiet mill-Eġittu. Ma kienx hemm importazzjonijiet matul l-ewwel snin tal-perjodu kkunsidrat, iżda fl-2015 l-importazzjonijiet mill-Eġittu, fejn produttur kbir mir-RPĊ għadu qed jinvesti b'mod sinifikanti, laħqu 5 % f'sehem mis-suq.

    4.4.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi oħra

    (84)

    Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi l-oħrajn żviluppaw kif ġej:

    Tabella 5

    Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/tunnellata)

     

    2012

    2013

    2014

    2015 (PIR)

    Il-prezz tal-importazzjonijiet mill-Malasja

    999

    946

    918

    941

    Indiċi (2012 = 100)

    100

    95

    92

    94

    Il-prezz tal-importazzjonijiet mill-Eġittu

    823

    997

    Indiċi

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    Il-prezz tal-importazzjonijiet min-Norveġja

    912

    821

    874

    1 146

    Indiċi

    100

    90

    96

    126

    Il-prezz tal-importazzjonijiet mit-Turkija

    912

    821

    874

    1 146

    Indiċi

    100

    90

    96

    126

    Il-prezz tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn

    874

    827

    1 206

    1 310

    Indiċi

    100

    95

    138

    150

    Sors: Eurostat (COMEXT).

    (85)

    Abbażi tat-tqabbil bil-kodiċi NM, sal-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Malasja kienu ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjoni mir-RPĊ. Fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, il-prezzijiet tal-Malasja, kuntrarjament għall-prezzijiet tal-importazzjoni minn pajjiżi oħrajn, naqsu xi ftit.

    (86)

    Peress li l-produttur Norveġiż huwa relatat ma' produttur tal-Unjoni, il-prezzijiet min-Norveġja huma fil-biċċa l-kbira prezzijiet ta' trasferiment bejn partijiet relatati u għalhekk il-Kummissjoni qisithom li mhumiex affidabbli għal tqabbil sinifikanti.

    (87)

    Il-prezzijiet statistiċi medji mhumiex indikattivi tal-prezzijiet reali peress li hemm differenzi sinifikanti fil-prezzijiet bejn it-tipi ta' prodotti differenti, u t-taħlit tat-tipi ta' prodotti mhuwiex magħruf. Għalhekk, l-ebda konklużjoni ma tista' tintlaħaq fir-rigward tal-prezzijiet tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi oħra.

    4.5.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

    4.5.1.   Rimarki ġenerali

    (88)

    F'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-analiżi tal-impatt li għandhom l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Kif imsemmi fil-premessa (18), intuża l-kampjunar għad-determinazzjoni tal-ħsara possibbli li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

    (89)

    Għad-determinazzjoni tal-ħsara, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tal-ħsara makroekonomiċi u l-indikaturi tal-ħsara mikroekonomiċi.

    (90)

    Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi fuq il-bażi tad-dejta pprovduta fl-ilment u fit-talba ta' rieżami kif ukoll f'sottomissjonijiet sussegwenti, kontroverifikati fejn possibbli mal-istatistika. Id-dejta kienet tirrigwarda lill-produtturi kollha tal-Unjoni.

    (91)

    Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-dejta inkluża fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun.

    (92)

    Id-dejta użata biex jiġu kkalkulati l-indikaturi nstab li kienet rappreżentattiva tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

    (93)

    L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru mid-dumping tal-passat.

    (94)

    L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji ta' kull unità, il-kost ta' kull unità, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investiment, u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

    4.5.2.   Indikaturi makroekonomiċi

    4.5.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

    (95)

    Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

    Tabella 6

    Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

     

    2012

    2013

    2014

    2015 (PIR)

    Produzzjoni f'tunnellati

    536 878

    584 197

    616 382

    652 857

    Indiċi

    100

    109

    115

    122

    Kapaċità tal-Produzzjoni f'tunnellati

    645 229

    690 737

    698 182

    725 960

    Indiċi

    100

    107

    108

    113

    Użu tal-Kapaċità (%)

    83

    85

    88

    90

    Indiċi

    100

    102

    106

    108

    Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju, APFE.

    (96)

    Is-sena 2012 kienet ikkaratterizzata minn livell baxx ta' volum ta' produzzjoni, livell baxx ta' kapaċità u rata baxxa ta' użu tal-kapaċità. Fis-snin ta' wara l-produzzjoni żdiedet b'mod gradwali, b'reazzjoni pożittiva għad-domanda dejjem tikber. Inbnew mill-ġdid ukoll inqas fran fil-perjodu ta' wara l-2012. Dawn il-fatturi kollha kkunsidrati flimkien ikkontribwixxew b'mod pożittiv għall-iżvilupp favorevoli kemm tal-kapaċità kif ukoll tal-użu tal-kapaċità.

    4.5.2.2.   Il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir

    (97)

    Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

    Tabella 7

    Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq (tunellati metriċi)

     

    2012

    2013

    2014

    2015 (PIR)

    Volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni

    487 774

    527 441

    568 126

    633 743

    Indiċi

    100

    108

    116

    130

    Sehem mis-suq (%)

    65

    65

    63

    66

    Indiċi

    100

    100

    97

    102

    Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju, APFE.

    (98)

    Mil-livelli baxxi ta' 2012, id-domanda li bdiet tiżdied gradwalment wasslet biex il-volumi tal-bejgħ jiżdiedu wkoll u fl-2015 laħqu żieda ta' 30 % meta mqabbel mal-2012.

    (99)

    Madankollu, sal-2014, iż-żieda fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kienet aktar kajmana mill-iżvilupp tal-konsum tal-Unjoni minħabba l-preżenza tal-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet imwaqqgħin. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas minn 65 % għal 63 % bejn l-2012 u l-2014, u żdied għal 66 % fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, wara ż-żieda fil-miżuri fl-2014.

    4.5.2.3.   Impjiegi u produttività

    (100)

    L-impjiegi u l-produttività żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

    Tabella 8

    Impjiegi u produttività

     

    2012

    2013

    2014

    2015 (PIR)

    Għadd ta' impjegati

    3 580

    3 456

    3 366

    3 404

    Indiċi

    100

    97

    94

    95

    Produttività (tunnellata/impjegat)

    150

    169

    183

    192

    Indiċi

    100

    113

    122

    128

    Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju, APFE.

    (101)

    L-impjiegi naqsu b'5 % bejn l-2012 u l-2015, minkejja żvilupp pożittiv matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Ir-ristrutturar tal-industrija, l-isforzi tagħha biex tinnova u tottimizza l-proċessi tal-produzzjoni tagħha kif ukoll iż-żieda fl-użu tal-kapaċità wassal għal titjib sinifikanti fil-produttività matul il-perjodu kkunsidrat.

    4.5.2.4.   Id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru mid-dumping tal-passat

    (102)

    Din l-investigazzjoni stabbilixxiet marġni ta' dumping ta' aktar minn 70 %. L-impatt tad-daqs tal-marġnijiet attwali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni ġie mmitigat minn meta żdiedu l-miżuri fl-2014. L-industrija tal-Unjoni bdiet tibbenefika b'mod sħiħ minn dawn il-miżuri fl-2015.

    (103)

    Il-miżuri mħalltin fis-seħħ għenu biex jonqsu l-importazzjonijiet Ċiniżi u ppermettew lill-industrija tal-Unjoni żżomm is-sehem tagħha fis-suq. Madankollu, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni baqgħu baxxi u bħala medja taħt il-livelli tagħhom tal-2012.

    (104)

    Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-industrija tal-Unjoni kienet f'pożizzjoni li tibbenefika mill-miżuri fis-seħħ u bdiet tirkupra mill-ħsara kkawżata minn dumping tal-passat min-naħa tal-produtturi esportaturi Ċiniżi.

    4.5.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

    4.5.3.1.   Prezzijiet u fatturi li għandhom impatt fuq il-prezzijiet

    (105)

    Il-prezzijiet medji tal-bejgħ ta' unità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun lill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

    Tabella 9

    Il-prezzijiet tal-bejgħ lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni

     

    2012

    2013

    2014

    2015 (PIR)

    Il-prezz medju ta' bejgħ ta' unità mill-fabbrika lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni (EUR/tunnellata)

    1 107

    1 064

    1 059

    1 079

    Indiċi

    100

    96

    96

    97

    Sors: Dejta tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun.

    (106)

    Il-prezzijiet medji tal-bejgħ ma nbidlux b'mod sinifikanti mill-2012 'l hawn, għad li ġie jirreġistrat tnaqqis żgħir ta' 3 % fl-2015 meta mqabbel mal-2012.

    4.5.3.2.   Il-kostijiet medji ta' produzzjoni ta' unità

    (107)

    Il-kost tal-produzzjoni ta' unità żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

    Tabella 10

    Il-kost tal-produzzjoni ta' unità

     

    2012

    2013

    2014

    2015 (PIR)

    Il-kost tal-produzzjoni ta' unita (EUR/tunnellati)

    1 188

    1 082

    1 055

    1 005

    Indiċi

    100

    91

    89

    85

    Sors: Dejta tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun.

    (108)

    Il-kost tal-produzzjoni ta' unità naqas matul il-perjodu kkunsidrat. Din ix-xejra tista' tiġi spjegata biż-żieda fl-użu tal-kapaċità, li tikkontribwixxi biex jonqsu l-kostijiet tal-produzzjoni ta' unità f'din l-industrija b'kapital intensiv. L-industrija tal-Unjoni bbenefikat ukoll minn prezzijiet baxxi tal-materja prima u tal-enerġija.

    4.5.3.3.   Il-kostijiet lavorattivi

    (109)

    Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

    Tabella 11

    Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

     

    2012

    2013

    2014

    2015 (PIR)

    Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

    52 316

    53 849

    57 443

    59 099

    Indiċi

    100

    103

    110

    113

    Sors: Dejta tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun.

    (110)

    Iż-żieda żgħira fis-salarji u s-sensji ta' ħaddiema bi ħlas aktar baxx li rriżultaw mill-proġett biex tiżdied l-effiċjenza ta' wieħed mill-produtturi fil-kampjuni wasslu għal żieda fil-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat.

    4.5.3.4.   Inventarji

    (111)

    Il-livelli tal-istokks tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej:

    Tabella 12

    Inventarji (tunnellati metriċi)

     

    2012

    2013

    2014

    2015 (PIR)

    Stokkijiet tal-għeluq

    111 626

    119 813

    105 740

    92 914

    Indiċi

    100

    107

    95

    83

    Sors: Dejta tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun.

    (112)

    L-istokk tal-għeluq l-ewwel żdied bi ftit fl-2013 u mbagħad kompla jonqos aktar matul il-perjodu kkunsidrat, xprunat minn domanda dejjem tikber.

    (113)

    Iż-żieda fil-livell tal-miżuri fl-2014 kellha effett fuq it-tnaqqis li seħħ lejn l-aħħar tal-perjodu kkunsidrat.

    4.5.3.5.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

    (114)

    Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

    Tabella 13

    Profittabbiltà

     

    2012

    2013

    2014

    2015 (PIR)

    Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni għal klijenti mhux relatati (% tal-fatturat tal-bejgħ) Indiċi

    – 13,7

    – 3,3

    0,4

    8,6

    Indiċi

    – 100

    – 24

    3

    63

    Investimenti (EUR '000)

    – 25 623

    – 17 008

    635

    47 361

    Indiċi

    – 100

    – 66

    2

    185

    Investmenti (EUR '000)

    39 573

    34 088

    41 500

    49 664

    Indiċi

    100

    86

    105

    126

    Rettidu fuq l-investmenti (%)

    – 10

    – 3

    0

    8

    Indiċi

    – 100

    – 27

    4

    82

    Sors: Dejta tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun.

    (115)

    Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-prodott simili għall-klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ. Matul il-perjodu kkunsidrat, il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun bdiet titjieb bil-mod il-mod, u saret pożittiva matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

    (116)

    Il-fluss tal-flus nett jirrappreżenta l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw huma stess l-attivitajiet tagħhom. Il-produtturi tal-Unjoni ħabbtu wiċċhom ma' flussi ta' flus negattivi fl-2012 u fl-2013. Is-sitwazzjoni ttejbet gradwalment matul il-perjodu meqjus u mill-2014 il-produtturi tal-Unjoni bdew jaqalgħu flussi ta' flus pożittivi.

    (117)

    L-investimenti li saru mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun segwew xejra li tiżdied matul il-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda kienet iktar sinifikanti lejn l-2015. L-investimenti kienu fil-biċċa l-kbira xprunati mill-bini mill-ġdid ta' fran.

    (118)

    Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f'perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Ir-redditu fuq l-investiment żviluppa b'mod konformi mal-profittabbiltà. Ir-restawr tar-redditu fuq l-investiment huwa konsegwenza tat-titjib fis-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu kkunsidrat.

    (119)

    Il-prestazzjoni finanzjarja batuta tal-industrija tal-Unjoni bejn l-2012 u l-2014 limitat l-abbiltà tagħha li tiġġenera kapital. L-industrija tal-Unjoni teħtieġ investimenti sinifikanti u fit-tul biex tkun tista' tibni mill-ġdid il-fran f'intervalli regolari ta' żmien u tissokta bl-operat tagħha.

    4.5.4.   Konklużjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

    (120)

    Is-sena 2012 kienet ikkaratterizzata minn livell baxx ta' domanda, livell baxx ta' kapaċità minħabba l-bini mill-ġdid tal-fran, rata baxxa ta' użu tal-kapaċità, livelli għoljin ta' stokks, miżuri ta' ristrutturar u prezzijiet baxxi minħabba d-dumping preċedenti, li f'salt irriżultaw f'telf u ħruġ ta' flus massivi għall-kumpaniji fil-kampjun.

    (121)

    Imbagħad, bejn l-2012 u l-2014, l-iżvilupp qawwi fid-domanda xpruna l-iżvilupp tal-bejgħ, li ssarraf f'żieda fl-output tal-produzzjoni u f'livelli aktar baxxi tal-istokk. Il-kapaċità u l-użu tal-kapaċità żdiedu. Assorbiment aħjar tal-kostijiet fissi, it-titjib fil-produttività u d-deflazzjoni ta' xi inputs importanti ppermettew tnaqqis sostanzjali tal-kostijiet tal-produzzjoni għall-kumpaniji fil-kampjun.

    (122)

    Madankollu, il-miżuri antidumping inizjali imposti fl-2011 ma paċewx kompletament it-twaqqigħ tal-prezzijiet mill-importazzjonijiet Ċiniżi li żdiedu b'46 % bejn l-2012 u l-2014. Din is-sitwazzjoni heddet l-irkupru tal-industrija tal-Unjoni.

    (123)

    Sabiex iżżomm is-sehem tagħha mis-suq, l-industrija tal-Unjoni kellha tibqa' tbati erożjoni tal-prezzijiet u bilkemm setgħet tilħaq ekwilibriju fl-2014.

    (124)

    Wara ż-żieda tal-miżuri fl-2014, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni ħadu xejra bil-kontra u bdew jogħlew. Il-kost tal-produzzjoni ta' unità naqas aktar minħabba ż-żieda fil-volumi tal-produzzjoni u dan ippermetta lill-industrija tal-Unjoni tilħaq profitt ta' 8,6 % fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. L-indikaturi tal-prestazzjoni kollha saru pożittivi, inkluż il-ħolqien tax-xogħol.

    (125)

    Kif stabbilit fl-investigazzjoni tal-2014, l-industrija tal-Unjoni kompliet iġġarrab ħsara materjali matul Settembru 2013. L-effett dannuż tal-importazzjonijiet iddumpjati u ssussidjati kompla fl-2014. Kien biss wara li żdiedu l-miżuri, li l-Industrija tal-Unjoni jerġgħet saret profittabbili u reġgħet bdiet toħloq l-impjiegi.

    (126)

    Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni, wara ż-żieda tal-miżuri fl-2014, irkuprat parzjalment mill-ħsara kkawżata mid-dumping li seħħ fil-passat u ma sofrietx ħsara materjali matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

    4.6.   Probabbiltà ta' rikorrenza tal-ħsara

    (127)

    Kif imsemmi fil-premessa(49), il-kapaċitajiet mhux użati estimati tal-produtturi fil-PRĊ kienu jirrappreżentaw ammont sinifikanti tal-konsum totali tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Fl-2016, il-kapaċitajiet mhux utilizzati rdoppjaw meta mqabbel mal-2015. Minħabba din ix-xejra li qed tiżdied u l-attrattività tas-suq tal-Unjoni kif konkluż fil-premessa(59), huwa probabbli li l-livelli tal-importazzjonijiet mir-RPĊ se jissoktaw f'volumi sinifikanti jekk il-miżuri jiġu revokati.

    (128)

    Kif stabbilit fil-premessa(75), l-importazzjonijiet Ċiniżi komplew iwaqqgħu b'mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami minkejja evoluzzjoni ħażina fir-rata tal-kambju bejn l-EUR u l-USD.

    (129)

    L-irkupru fil-prezzijiet tal-fibri tal-ħġieġ kien limitat. Il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni baqgħu taħt il-livelli tagħhom tal-2012 u l-effett taż-żieda fil-livell tal-miżuri fl-2014 ġie mrażżan mill-pressjoni dejjem akbar tal-importazzjonijiet mill-Eġittu. Wara li laħaq il-livelli ta' qabel il-kriżi finanzjarja, it-tkabbir tal-konsum fl-Unjoni huwa mistenni jonqos gradwalment.

    (130)

    Il-produzzjoni tal-fibri tal-ħġieġ hija industrija b'kapital intensiv ħafna. Matul il-perjodu kkunsidrat, il-produtturi fil-kampjun investew EUR 165 miljun fil-kapaċitajiet ta' produzzjoni tagħhom. Fl-istess perjodu, il-fluss tal-flus operattiv tagħhom niżel għal EUR 5 miljun biss. Għal dawn ir-raġunijiet, it-tneħħija tal-miżuri twassal għal livell ta' riskju u pressjoni finanzjarja li timmina ulterjorment ir-raġunament ekonomiku wara dawn l-investimenti fit-tul. L-industrija tal-Unjoni tkun sfurzata tagħlaq il-fran tagħha. Dan ipoġġi f'periklu l-istess eżistenza tagħha. Barra minn hekk, minħabba l-proporzjon għoli ta' kostijiet fissi, din l-industrija hija sensittiva ħafna għall-varjazzjoni fil-volumi tal-produzzjoni. Dan ifisser li tnaqqis relattivament żgħir fil-produzzjoni jiġġenera telf kbir. It-titjib riċenti tal-industrija tal-Unjoni huwa marbut l-aktar ma' assorbiment aħjar tal-kostijiet fissi minħabba li żdied l-użu tal-kapaċità, u dan kien possibbli prinċipalment minħabba l-miżuri fis-seħħ, b'mod partikolari wara l-2014.

    (131)

    Barra minn hekk, il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat kienet ukoll influwenzata b'mod pożittiv minn fatturi esterni bħal prezzijiet tal-enerġija u l-materja prima, li kienu relattivament baxxi. Minn perspettiva fuq perjodu twil, huwa improbabbli li l-prezzijiet ta' dawn l-inputs se jibqa' f'dak il-livell baxx. Żieda f'dawn l-inputs ikollha impatt negattiv addizzjonali fuq il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni.

    (132)

    Għalhekk, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, għalkemm tjiebet fl-2015, għadha vulnerabbli u hija kkaratterizzata minn persistenza ta' prezzijiet baxxi, kostijiet volatili tal-produzzjoni u rekwiżiti kapitali għolja. F'dan il-kuntest, kwantitajiet kbar ta' importazzjonijiet iddampjati li jwaqqgħu l-prezzijiet x'aktarx jikkawżaw deterjorament fil-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

    (133)

    Fuq din il-bażi l-Kummissjoni kkonkludiet li jekk jiġu revokati l-miżuri antidumping, u d-dazji kumpensatorji jibqgħu f'livell li diġà wera li ma kienx effikaċi biex jirrestrinġi l-wasla ta' kwantitajiet kbar ta' importazzjonijiet li jwaqqgħu l-prezzijiet, ikun hemm probabbiltà ta' rikorrenza ta' ħsara.

    5.   INTERESS TAL-UNJONI

    (134)

    B'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni analizzat jekk setgħetx tikkonkludi biċ-ċar li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li żżomm il-miżuri antidumping eżistenti, minkejja li ddeterminat li x'aktarx jerġa' jseħħ dumping li jagħmel il-ħsara. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-apprezzament tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

    5.1.   L-interessi tal-industrija tal-Unjoni

    (135)

    Kien hemm livell għoli ta' kooperazzjoni mill-produtturi tal-Unjoni f'din l-investigazzjoni.

    (136)

    L-industrija tal-Unjoni wriet li l-operazzjonijiet tagħha huma vijabbli meta ma jkunux soġġetti għal kompetizzjoni inġusta minn importazzjonijiet iddampjati u ssussidjati u li l-miżuri fis-seħħ ippermettew lill-industrija tirkupra parzjalment mill-ħsara tal-passat.

    (137)

    Fl-istess ħin, it-tneħħija tal-miżuri wisq probabbli twassal għal aktar kompetizzjoni inġusta minn importazzjonijiet iddampjati Ċiniżi u dan jhedded l-operat futur tal-produtturi tal-Unjoni.

    (138)

    Għalhekk ġie konkluż li huwa fl-interess tal-industrija tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri fis-seħħ.

    5.2.   L-interess tal-importaturi mhux relatati

    (139)

    Kif intqal fil-premessa(20) hawn fuq, tmien importaturi mhux relatati wieġbu għall-formola tal-kampjunar. L-akbar tliet importaturi kienu inklużi fil-kampjun u tnejn minnhom ikkooperaw. Huma rrappreżentaw 5 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. L-ebda wieħed mill-importaturi li rreġistra ruħu bħala parti interessata f'din l-investigazzjoni ma esprima l-pożizzjoni tiegħu, jekk kienx favur jew kontra l-miżuri taħt rieżami.

    (140)

    L-importaturi u n-negozjanti għandhom aċċess għal għadd kbir ta' sorsi ta' provvista ġewwa u barra l-Unjoni. Barra minn hekk, il-prodott ikkonċernat huwa standardizzat ħafna u s-sorsi tal-provvista jistgħu jinbidlu b'mod effiċjenti.

    (141)

    Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-estensjoni tad-dazju antidumping ikollha impatt limitat fuq is-sitwazzjoni tal-importaturi.

    5.3.   L-interessi tal-utenti

    (142)

    Il-prodott li qed jiġi investigat jintuża għal għadd kbir ta' applikazzjonijiet bħat-trasport (bil-karozzi, marittimu, ajruspazjali, militari), l-elettriku/elettronika, l-enerġija mir-riħ, il-bini u l-kostruzzjoni, tankijiet u pajpjiet, prodotti tal-konsumatur. Kien hemm kooperazzjoni minn firxa wiesgħa ta' utenti.

    (143)

    19 minn 64 utent li rreġistraw ruħhom bħala partijiet interessati wieġbu l-kwestjonarju tal-Kummissjoni. Dawn jirrappreżentaw madwar 10 % tal-konsum totali tal-Unjoni.

    (144)

    14-il kumpanija kienu kontra l-estensjoni tal-miżuri, tliet kumpaniji ħadu pożizzjoni favur it-tkomplija tal-miżuri, u tnejn astjenew. Assoċjazzjoni waħda tal-utenti esprimiet oppożizzjoni għall-miżuri.

    (145)

    Diversi utenti sostnew li l-miżuri fis-seħħ irendu l-prodotti downstream mhux kompetittivi meta mqabbla mal-istess prodotti manifatturati fl-Asja. Huma sostnew ukoll li ma setgħux jassorbu ż-żieda korrispondenti fil-kost jew li jgħadduha lill-klijenti tagħhom.

    (146)

    Wara li żdiedu l-miżuri fl-2014, il-Kummissjoni żiedet il-livell tad-dazji imposti fuq il-prodott ikkonċernat għal bejn wieħed u ieħor darbtejn il-livell tad-dazju antidumping inizjali. Il-Kummissjoni vvalutat li l-impatt ta' din iż-żieda ma jkunx ta' aktar minn punt perċentwali tal-profittabbiltà għall-industriji utenti, għalkemm irrikonoxxiet li xi setturi tal-industrija kienu iktar esposti minn oħrajn.

    (147)

    Dan kien ikkonfermat fl-investigazzjoni attwali. Id-dejta pprovduta mill-utenti li kkooperaw fil-fatt indikat li l-kost tal-fibra tal-ħġieġ, irrispettivament mill-oriġini tagħha, bejn l-2014 u l-2015 żdied b'ammont li jirrappreżenta 0,5 % tal-fatturat tagħhom. Sadanittant, il-fatturat, il-profitti u l-impjiegi marbuta mal-prodott ikkonċernat żdiedu. Żewġ kumpaniji biss irrappurtaw tnaqqis fil-fatturat u l-impjiegi u erba' kumpaniji irrappurtaw tnaqqis fil-profitti.

    (148)

    Xi utenti qalu wkoll li l-industrija tal-Unjoni ma għandhiex biżżejjed kapaċità ta' produzzjoni biex tissodisfa d-domanda tal-Unjoni, mhijiex qed iżżid il-kapaċitajiet u mhijiex kompetittiva minħabba tagħmir eqdem, użu akbar ta' enerġija u l-kost lavorattiv.

    (149)

    L-investigazzjoni wriet li dawn l-affermazzjonijiet ma humiex iġġustifikati. Kif ġie deskritt fil-premessi preċedenti, l-industrija tal-Unjoni għamlet investimenti sinifikanti, tejbet il-produttività tagħha u żiedet il-kapaċitajiet tal-produzzjoni tagħha minkejja perjodu twil ta' telf li ntemm fl-2014, wara li żdiedu l-miżuri fl-2014. Espansjoni ulterjuri tal-kapaċitajiet teħtieġ impenji kapitali fit-tul li huma stess huma dipendenti fuq iż-żamma ta' kundizzjonijiet ekwi fejn il-produtturi kompetittivi jkunu jistgħu jistennew redditu adegwat fuq l-investimenti.

    (150)

    Barra minn hekk, minkejja ż-żieda tal-miżuri bejn l-2014 u l-2015, il-konsum tal-Unjoni kompla jiżviluppa bl-istess pass bħal fis-snin preċedenti. Fil-fatt, jeżistu sorsi alternattivi ta' provvista barra mir-RPĊ, bħall-Baħrejn, l-Eġittu, il-Ġappun, il-Malasja u l-Istati Uniti. Matul il-perjodu meqjus, l-importazzjonijiet mir-RPĊ kważi qatt ma qabżu nofs it-total tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u s-sehem mis-suq tagħhom laħaq quċċata ta' 17 % tal-konsum totali tal-Unjoni fl-2014. Fi kwalunkwe każ, l-iskop tad-dazji antidumping u tad-dazji antisussidji mhijiex li jitwaqqfu l-importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni, iżda biex jiżguraw li dawn l-importazzjonijiet jikkompetu fuq bażi ġusta ma' sorsi oħra ta' provvista.

    (151)

    Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-estensjoni tad-dazju antidumping ikollha impatt limitat fuq is-sitwazzjoni tal-utenti.

    5.4.   Konklużjoni dwar l-interessi tal-Unjoni

    (152)

    Ir-revoka tal-miżuri jkollha impatt materjali u negattiv fuq il-produtturi tal-Unjoni.

    (153)

    L-estensjoni tad-dazju tal-antidumping ikollha impatt limitat fuq l-importaturi, li baqgħu newtrali.

    (154)

    Għalkemm l-operati ta' ċerti utenti huma esposti għal żieda fil-kost tal-prodott ikkonċernat u tal-prodott simili, l-investigazzjoni kkonfermat li l-miżuri kellhom impatt limitat fuq il-prestazzjoni kumplessiva tal-industriji utenti.

    (155)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li, kollox ma' kollox, ma jeżistux raġunijiet konvinċenti kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri antidumping attwali fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ.

    6.   KONKLUŻJONI U DIVULGAZZJONI

    (156)

    Il-partijiet kollha interessati ġew infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien intenzjonat li jinżammu l-miżuri antidumping definittivi eżistenti. Il-partijiet ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jressqu kummenti wara din id-divulgazzjoni. Parti interessata waħda biss, l-ilmentatur, ippreżentat ruħha wara l-iżvelar u uriet li taqbel mar-riżultati tal-Kummissjoni u l-proposta li tinżamm il-miżura antidumping definittiva eżistenti.

    (157)

    Mill-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq jirriżulta li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċertu fibri tal-ħġieġ bil-filamenti kontinwu li joriġinaw fir-RPĊ, imposti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 248/2011, kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1379/2014, għandhom jinżammu.

    (158)

    Il-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma tax opinjoni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   B'dan qed jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' swiegel tal-fibra tal-ħġieġ mqattgħa, b'tul ta' mhux iktar minn 50 mm; fibri mibruma tal-ħġieġ, għajr dawk li huma impregnati u miksijin u li għandhom telf mat-tqabbid ta' iktar minn 3 % (kif stipulat mill-Istandard tal-ISO 1887); u twapet magħmula minn filamenti tal-fibra tal-ħġieġ minbarra twapet tas-suf tal-ħġieġ li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7019 11 00, ex 7019 12 00 (kodiċi TARIC 7019120021, 7019120022, 7019120023, 7019120025, 7019120039) u 7019 31 00 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    2.   Ir-rati tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u maħdum mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandhom ikunu kif ġej:

    Kumpanija

    Dazju antidumping definittiv (%)

    Kodiċi TARIC addizzjonali

    Jushi Group Co., Ltd; Jushi Group Chengdu Co., Ltd; Jushi Group Jiujiang Co., Ltd

    14,5

    B990

    Changzhou New Changhai Fiberglass Co., Ltd; Jiangsu Changhai Composite Materials Holding Co., Ltd; Changzhou Tianma Group Co., Ltd

    0

    A983

    Chongqing Polycomp International Corporation

    19,9

    B991

    Kumpaniji oħra li kkooperaw elenkati fl-Anness I

    15,9

     

    Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

    19,9

    A999

    3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju antidumping speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 gћandha sseћћ bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II. Jekk l-ebda tali fattura ma tiġi ppreżentata, japplika d-dazju applikabbli għall-“Kumpaniji l-oħrajn kollha”.

    4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta' April 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  ĠU L 67, 15.3.2011, p. 1.

    (3)  ĠU L 367, 23.12.2014, p. 22.

    (4)  ĠU C 99, 15.3.2016, p. 10.

    (5)  Japan, Nippon Electric Glass Co., Ltd (il-Ġappun), Malaysia, Nippon Electric Glass (il-Malasja) u CAM ELYAF SANAYİİ A.Ș. (it-Turkija).

    (6)  L-informazzjoni pprovduta mill-APFE f'Ottubru 2016, ibbażata fuq l-preżentazzjoni “Il-Qadgħa tas-Suq u tal-Provvista Ewropej”.

    (7)  Informazzjoni dwar prezzijiet ibbażata fuq l-istatistika tad-dwana.

    (8)  Il-volumi esportati mir-RPĊ matul il-PIR f'tunnellati metriċi kienu ta' madwar 111-il elf għall-Istati Uniti tal-Amerika, 78 elf għall-Unjoni, 16-il għall-Malasja u 14-il elf għall-Indja.

    (9)  F'ordni ta' importanza: L-Istati Uniti tal-Amerika, l-UE, l-Arabja Sawdija, il-Korea ta' Isfel, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Kanada, it-Tajlandja, il-Ġappun, il-Malasja u l-Indja.

    (10)  L-informazzjoni pprovduta mill-APFE f'Ottubru 2016, ibbażata fuq l-preżentazzjoni “Il-Qadgħa tas-Suq u tal-Provvista Ewropej”.


    ANNESS I

    Produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex fil-kampjun:

    Isem

    Kodiċi TARIC addizzjonali

    Taishan Fiberglass Inc.;

    PPG Sinoma Jinjing Fiber Glass Company Ltd

    B992

    Xingtai Jinniu Fiberglass Co., Ltd

    B993

    Weiyuan Huayuan Composite Material Co., Ltd

    B994

    Changshu Dongyu Insulated Compound Materials Co., Ltd

    B995

    Glasstex Fiberglass Materials Corp.

    B996


    ANNESS II

    Fil-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3) irid ikun hemm dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li ħarġet il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej:

    1.

    Isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li ħarġet il-fattura kummerċjali.

    2.

    Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jien, il-firmatarju t'hawn taħt, niċċertifika li l-(volum) tal-prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu mibjugħa għall-esportazzjoni kienu immanifatturati minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi TARIC addizzjonali) fir-RPĊ. Niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija sħiħa u korretta”.

    3.

    Data u firma.


    Top