Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0719

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/719 tas-7 ta' April 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2192 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin

    ĠU L 106, 22.4.2017, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/719/oj

    22.4.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 106/8


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/719

    tas-7 ta' April 2017

    li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2192 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-30 ta' Novembru 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1801/2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja (1) (“il-Ftehim ta' Sħubija”).

    (2)

    Fl-24 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2016/870 (2) dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija għal perjodu ta' erba' snin mis-16 ta' Novembru 2015 (“il-Protokoll”).

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/2192 (3) jalloka fost l-Istati Membri l-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti skont il-Protokoll.

    (4)

    Il-parir xjentifiku tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt indipendenti stabbilit bl-Artikolu 4 tal-Protokoll identifika eċċess tal-merluzz iswed u ħa nota tal-parir xjentifiku tal-2014 tal-IMROP (Institut Mauritanien de Recherches Océanographiques et des Pêches — l-Istitut tal-Mawritanja għar-Riċerka Oċeanografika u għas-Sajd) billi kkonferma eċċess ta' klamari u ta' siċċ.

    (5)

    Skont l-Artikolu 6(1)(a) tal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt stabbilit taħt l-Artikolu 10 tal-Ftehim ta' Sħubija ddeċieda, fil-laqgħa tiegħu f'Nouakchott fil-15 u s-16 ta' Novembru 2016, li jimmodifika l-Protokoll billi jiġu introdotti opportunitajiet tas-sajd ġodda, fil-limiti tal-eċċess disponibbli, għal bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża li jintużaw għas-sajd tal-merluzz iswed bħala speċi primarja u tal-klamari u s-siċċ bħala speċi sekondarja.

    (6)

    Huwa xieraq li dawn l-opportunitajiet tas-sajd ġodda jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-bqija tal-perjodu ta' applikazzjoni tal-Protokoll.

    (7)

    Billi l-introduzzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd ġodda għandha impatt fuq l-attivitajiet ekonomiċi tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-ippjanar tal-istaġuni tas-sajd tagħhom, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

    (8)

    Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/2192 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2015/2192, jiżdied il-punt li ġej:

    “(h)

    Il-kategorija 2a — Bastimenti tat-tkarkir (mgħammra bi friża) għas-sajd tal-merluzz iswed:

    Spanja:

    Merluzz iswed

    3 500 tunnellata

    Klamari

    1 450 tunnellata

    Siċċ

    600 tunnellata

    F'din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt jistgħu jintużaw massimu ta' 6 bastimenti fl-ibħra tal-Mauritania.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta' April 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. GRECH


    (1)  ĠU L 343, 8.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/870 tal-24 ta' Mejju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin (ĠU L 145, 2.6.2016, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/2192 tal-10 ta' Novembru 2015 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin (ĠU L 315, 1.12.2015, p. 72).


    Top